Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0253

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/253 tat-13 ta' Frar 2017 li tistabbilixxi l-proċeduri għan-notifika ta' twissijiet bħala parti tas-sistema ta' twissija bikrija u ta' reazzjoni stabbilita b'rabta mat-theddid transkonfinali serju għas-saħħa u għall-iskambju ta' informazzjoni, ta' konsultazzjoni u ta' koordinazzjoni ta' reazzjonijiet għal theddid bħal dan skont id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/0684

    ĠU L 37, 14.2.2017, p. 23–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/253/oj

    14.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 37/23


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/253

    tat-13 ta' Frar 2017

    li tistabbilixxi l-proċeduri għan-notifika ta' twissijiet bħala parti tas-sistema ta' twissija bikrija u ta' reazzjoni stabbilita b'rabta mat-theddid transkonfinali serju għas-saħħa u għall-iskambju ta' informazzjoni, ta' konsultazzjoni u ta' koordinazzjoni ta' reazzjonijiet għal theddid bħal dan skont id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 11(5) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) stabbiliet sistema ta' twissija bikrija u ta' reazzjoni (“EWRS”) bħala netwerk ta' komunikazzjoni permanenti bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tas-saħħa pubblika tal-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċerti kategoriji ta' mard komunikabbli (in-“network ta' komunikazzjoni permanenti”). Il-proċeduri li jirregolaw il-funzjonament tal-EWRS ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/57/KE (3).

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxa Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (“ECDC”). Skont l-Artikolu 8 ta' dak ir-Regolament, l-ECDC qed jappoġġja u jgħin lill-Kummissjoni billi jopera l-EWRS. B'mod partikolari, l-ECDC iwettaq operazzjonijiet ta' kuljum u manutenzjoni tal-applikazzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni ta' sistema ta' twissija bikrija u ta' reazzjoni (“tal-applikazzjoni tal-IT tal-EWRS”).

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2119/98/KE tħassret u ġiet sostitwita mid-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE. Id-Deċiżjoni l-ġdida reġgħet daħħlet fis-seħħ l-EWRS. Hija testendi wkoll l-ambitu tan-netwerk ta' komunikazzjoni permanenti li jkopri tipi oħra ta' theddid bijoloġiku, u kategoriji oħra ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, inkluż theddid ta' oriġini kimika, ambjentali jew ta' oriġini mhux magħrufa. Barra minn hekk, hija stabbiliet regoli dwar is-sorveljanza epidemjoloġika, il-monitoraġġ, it-twissija bikrija ta', u l-ġlieda kontra t-theddid transkonfinali serju għas-saħħa.

    (4)

    Wara li jitqiesu r-rieżamijiet tal-EWRS, huwa xieraq li jiġu rieżaminati u aġġornati l-proċeduri li jirregolaw it-tħaddim tagħha. Sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-EWRS u tiġi applikata b'mod uniformi, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri dettaljati għall-iskambju ta' informazzjoni. Proċeduri bħal dawn għandhom jevitaw id-duplikazzjoni ta' attivitajiet jew azzjonijiet konfliġġenti ma' strutturi u mekkaniżmi eżistenti għall-monitoraġġ, il-provvediment ta' twissija bikrija u l-ġlieda kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa.

    (5)

    Skont l-Artikolu 15(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, l-Istati Membri huma obbligati li jaħtru awtoritajiet kompetenti responsabbli għan-notifika ta' twissijiet u għall-istabbiliment tal-miżuri ta' reazzjoni (l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS). Sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni u l-konsistenza fil-komunikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-dettalji ta' kuntatt tal-EWRS lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni kif ukoll kwalunkwe bidla sussegwenti lill-awtoritajiet kompetenti.

    (6)

    L-effettività tal-EWRS hija dipendenti fuq komunikazzjoni f'waqtha u skambju ta' informazzjoni xieraq dwar il-bidu jew l-iżvilupp ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa. Għalhekk huwa xieraq li jiġu speċifikati limiti ta' żmien ċari li fihom it-twissijiet iridu jiġu notifikati u l-informazzjoni trid tiġi kkomunikata.

    (7)

    Sabiex jiġi evitat li jkun hemm irduppjar tal-istrutturi ta' notifiki ta' twissija u ta' azzjonijiet konfliġġenti, għandu jkun possibbli għal sistemi oħra rilevanti ta' twissija rapida u ta' informazzjoni, stabbiliti skont dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni jew tat-Trattat Euratom li jużaw l-EWRS biex jibagħtu twissijiet u informazzjoni dwar avvenimenti, li huma jew jistgħu jkunu ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa. Tali possibbiltà għandha tiġi suġġetta għar-rekwiżit li l-konnessjoni minn skemi oħrajn ma tikkompromettix is-sigurtà tal-EWRS u tirrispetta r-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta. Barra minn hekk, l-EWRS għandha tkun kompatibbli mas-sistema tal-entrati tad-data, tal-flussi tax-xogħol, u tad-drittijiet ta' aċċess ta' kwalunkwe sistemi ta' twissija u ta' informazzjoni oħra li tkun konnessa magħhom. L-applikazzjoni tal-IT tal-EWRS għandha tiġi adattata sabiex tippermetti tali interoperabbiltà bejn id-diversi sistemi ta' twissija u ta' informazzjoni.

    (8)

    Skont l-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, f'każ li tiġi notifikata twissija, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (“HSC”), bil-ħsieb li jiġu kkoordinati r-reazzjonijiet nazzjonali u biex jipprovdu għall-komunikazzjoni tar-riskji u tal-kriżijiet. Sabiex ikun iffaċilitat il-koordinament ta' tali reazzjonijiet u ta' komunikazzjonijiet effikaċi, huwa xieraq li jiġu speċifikati l-proċeduri li bihom l-Istati Membri jikkoordinaw ir-reazzjonijiet kif ukoll il-proċeduri għal komunikazzjonijiet effikaċi lill-pubbliku ġenerali u/jew lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa.

    (9)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformita mal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (10)

    Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom jiġu applikati fil-kuntest tat-tħaddim tal-EWRS.

    (11)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-theddid transkonfinali serju għas-saħħa stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE.

    (12)

    Id-Deċiżjoni 2000/57/KE għandha, għalhekk, titħassar u tiġi sostitwita,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-awtoritajiet kompetenti EWRS

    1.   Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS, innominati skont l-Artikolu 15(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, aċċess għas-sistema ta' twissija bikrija u ta' reazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti kanali ta' komunikazzjoni effettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS u kwalunkwe awtoritajiet kompetenti oħra rilevanti fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jiġi identifikat fil-pront theddid transkonfinali serju għas-saħħa li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE.

    Artikolu 2

    Notifikazzjoni ta' twissija fl-EWRS

    1.   Meta Stat Membru jew il-Kummissjoni isiru jafu bil-bidu jew bl-iżvilupp ta' theddida transkonfinali serja għas-saħħa fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, għandhom jintroduċu t-twissija msemmija f'dak l-Artikolu mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 24 siegħa minn meta jkunu saru jaf għall-ewwel darba bit-theddida.

    2.   L-Istat Membru jew il-Kummissjoni jistgħu jinformaw lill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (“HSC”) dwar l-introduzzjoni ta' twissija.

    3.   L-obbligu ta' notifika msemmija fil-paragrafu 1, ma għandhiex taffettwa l-obbligu ta' notifika stabbilit fl-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE.

    4.   Il-fatt li mhux l-informazzjoni kollha rilevanti, kif indikat fl-Artikolu 9(3) ta' dik id-Deċiżjoni, tista' tkun disponibbli m'għandux jittardja n-notifika ta' twissija.

    5.   It-twissija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika kif il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE jiġu sodisfatti.

    6.   Meta, wara notifika ta' twissija, Stat Membru jew il-Kummissjoni ikunu jixtiequ jikkomunikaw informazzjoni rilevanti disponibbli għal skopijiet ta' koordinazzjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, huma għandhom jużaw il-funzjonalità ad hoc fl-EWRS sabiex jirreġistraw “kumment” bi tweġiba għall-messaġġ ta' notifika inizjali.

    Artikolu 3

    Sistemi oħra ta informazzjoni u twissija rapida tal-Unjoni

    1.   In-notifika ta' twissija msemmija fl-Artikolu 2(1) għandha tispeċifika jekk theddid identifikat ikunx ġie nnotifikat minn qabel permezz ta' sistemi ta' informazzjoni jew ta' twissija oħrajn fil-livell tal-Unjoni jew taħt it-Trattat Euratom.

    2.   Meta theddida transkonfinali serja għas-saħħa tkun ġiet ikkomunikata permezz ta' sistema waħda jew aktar ta' twissija jew ta' informazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tindika, permezz tal-EWRS, is-sistema ewlenija għat-tip speċifiku ta' skambju ta' informazzjoni.

    3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, sistemi ta' twissija u ta' informazzjoni oħrajn fil-livell tal-Unjoni jew taħt it-Trattat Euratom għandhom jinkludu s-sistemi stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 4

    Koordinazzjoni ta' reazzjonijiet nazzjonali għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa

    1.   Meta ssir talba għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 11(1)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE għal raġunijiet ta' koordinazzjoni bħala rispons għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ssir konsultazzjoni fi ħdan l-HSC fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta ssir it-talba skont l-urġenza marbuta mas-severità ta' dik it-theddida.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa bit-talba tal-HSC u tagħmel disponibbli kull tagħrif rilevanti dwar it-theddida b'żieda ma' dik diġà kkomunikata permezz tal-EWRS.

    3.   L-Istati Membri għandhom ukoll jipprovdu bil-miktub kull informazzjoni disponibbli rilevanti għat-theddida, minbarra dik diġà kkomunikata permezz tal-EWRS inklużi miżuri għas-saħħa pubblika, jew miżuri oħra, li jkunu ttieħdu jew li hemm intenzjoni li jittieħdu.

    4.   L-HSC għandu jeżamina l-informazzjoni kollha disponibbli rigward theddida partikolari, inklużi n-notifiki ta' twissija, il-valutazzjoni tar-riskju, u informazzjoni oħra kkomunikata mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni jew permezz tal-EWRS jew permezz tal-HSC, inkluża informazzjoni dwar miżuri tas-saħħa pubblika li jkunu ttieħdu jew huma intenzjoni li jittieħdu. Eżami bħal dan għandu jiġi konkluż mingħajr dewmien.

    5.   L-Istati Membri meta jkunu qed jikkunsidraw jew jieħdu miżuri tas-saħħa pubblika sabiex jiġġieldu kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa għandhom jikkunsidraw ir-riżultat ta' eżami mwettaq fil-qafas tal-konsultazzjoni tal-HSC.

    Artikolu 5

    Komunikazzjoni dwar riskju u kriżijiet

    1.   Wara talba għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 11(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan l-HSC u jiżviluppaw u jissuġġerixxu l-kontenut u l-forma ta' komunikazzjoni tar-riskji u tal-kriżijiet li jridu jingħataw mill-Istati Membri lill-pubbliku ġenerali u/jew lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa. L-Istati Membri jistgħu jadattaw il-komunikazzjonijiet tagħhom skont il-bżonnijiet u ċ-ċirkostanzi tagħhom.

    2.   L-Istati Membri li jkunu diġà bagħtu l-komunikazzjonijiet dwar ir-riskji u l-kriżijiet relatati ma' theddid transkonfinali serju għas-saħħa għandhom jinformaw lill-HSC u lill-Kummissjoni, bil-miktub, dwar il-kontenut ta' dawk il-komunikazzjonijiet.

    Artikolu 6

    Diżattivazzjoni tan-notifika ta' twissija.

    Meta l-kundizzjonijiet li jkunu ġġustifikaw l-introduzzjoni ta' twissija skont l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE ma jibqgħux jeżistu, it-twissija għandha tiġi diżattivata mill-Istat Membru li jkun introduċa t-twissija, jew mill-Kummissjoni fil-każ li t-twissija tkun ġiet introdotta mill-Kummissjoni. Diżattivazzjoni ta' twissija għandha sseħħ biss wara li l-Istati Membri kollha kkonċernati mit-twissija jkunu ftiehmu dwar din id-diżattivazzjoni.

    Artikolu 7

    It-tħassir tad-Deċiżjoni 2000/57/KE

    1.   Id-Deċiżjoni 2000/57/KE titħassar.

    2.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Frar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 293 5.11.2013, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 illi tistabbilixxi xibka ta' sorveljanza epidemjoloġika u kontroll ta' mard li jittieħed fil-Komunità (ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/57/KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar is-sistema ta' twissija u tweġiba bikrija għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li jittieħed taħt id-Deċiżjoni 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 21, 26.1.2000, p. 32).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (6)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).


    ANNESS

    Lista mhux eżawrjenti ta' sistemi ta' twissija u ta' informazzjoni fil-livell tal-Unjoni li għandha tiġi marbuta b'mod progressiv mal-EWRS

    Dan l-Anness jelenka sistemi ta' twissija rapida u ta' informazzjoni li huma attwalment fis-seħħ fil-livell tal-Unjoni jew taħt it-Trattat Euratom u li jistgħu jkunu rilevanti biex jirċievu twissijiet u informazzjoni dwar avvenimenti li huma jew jistgħu jkunu ta' theddida transkonfinali serja għas-saħħa:

    Is-Sistema ta' Notifika tal-Mard tal-Annimali (ADNS), li tirreġistra u tiddokumenta s-sitwazzjoni ta' mard infettiv importanti tal-annimali;

    Is-sistema ta' twissija f'waqtha transettorjali tal-Kummissjoni (ARGUS), Sistema ta' Twissija Rapida interna tal-Kummissjoni li tippermetti lid-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni li jaqsmu informazzjoni fl-eventwalità ta' emerġenza/kriżi u biex jippermettu koordinazzjoni interna;

    Is-Sistema Komuni ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni ta' Emerġenza (CECIS), għall-protezzjoni ċivili u għall-aċċidenti tat-tniġġis tal-baħar;

    Is-Sistema Komunitarja ta' Skambju ta' Informazzjoni Radjoloġika Urġenti (ECURIE), biex tinnotifika kontromiżuri għall-protezzjoni kontra l-effetti ta' aċċident radjoloġiku jew nukleari;

    Is-Sistema ta' Rappurtar ta' Inċidenti Maġġuri (EMARS), sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tat-tagħlimiet meħuda minn aċċidenti u kważi aċċidenti li jinvolvu sustanzi perikolużi sabiex jitjiebu l-prevenzjoni u t-taffija ta' inċidenti kimiċi tal-konsegwenzi potenzjali;

    Is-Sistema Ewropea ta' Notifika dwar Interċettazzjonijiet tas-Saħħa tal-Pjanti (EUROPHYT), li tittratta interċettazzjonijiet ta' konsenji għal raġunijiet ta' saħħa tal-pjanti u ta' prodotti pjanti importati fl-Unjoni jew li qed jiġu nnegozjati fi ħdan l-Unjoni;

    It-Twissija Rapida għad-Demm u l-Komponenti tad-Demm (RAB), għall-iskambju ta' informazzjoni għall-prevenzjoni jew għall-kontroll ta' aċċidenti transkonfinali marbuta ma' trasfużjonijiet tad-demm;

    Is-Sistema ta' Twissija Rapida għal Prodotti Perikolużi Mhux tal-Ikel (RAPEX), għall-iskambju ta' informazzjoni dwar prodotti li joħolqu riskju għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumaturi;

    Il-pjattaforma għas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF), għan-notifika ta' riskji għas-saħħa umana li jirriżultaw mill-ikel jew mill-għalf;

    Il-pjattaforma ta' Twissija Rapida għat-Tessuti u għaċ-Ċelluli (RATC) għall-iskambju ta' informazzjoni u miżuri relatati mat-tessuti jew maċ-ċelluli umani li jintbagħtu minn pajjiż għal ieħor għall-pazjenti;

    In-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (REITOX),biex tinġabar u tiġi rrapurtata l-informazzjoni dwar il-fenomenu tad-droga madwar l-Ewropa.


    Top