This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R1212
Commission Implementing Regulation (EU) 2016/1212 of 25 July 2016 laying down implementing technical standards with regard to standard procedures and forms for submitting information in accordance with Directive 2009/65/EC of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1212 tal-25 ta' Lulju 2016 li jniżżel standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' proċeduri u formoli standard għas-sottomissjoni ta' informazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1212 tal-25 ta' Lulju 2016 li jniżżel standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' proċeduri u formoli standard għas-sottomissjoni ta' informazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
C/2016/4618
ĠU L 199, 26.7.2016, p. 6–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32016R1212R(01) | (SL) |
26.7.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 199/6 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1212
tal-25 ta' Lulju 2016
li jniżżel standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' proċeduri u formoli standard għas-sottomissjoni ta' informazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 99e(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri komuni u formoli għas-sottomissjoni ta' informazzjoni lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' penali u miżuri li jimponu, kif imsemmi fl-Artikolu 99e tad-Direttiva 2009/65/KE. |
(2) |
Sabiex l-ESMA tkun tista' tidentifika sew u tirreġistra l-informazzjoni dwar il-penali u l-miżuri kollha imposti f'konformità mal-Artikolu 99 tad-Direttiva 2009/65/KE, huwa xieraq li l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati li jipprovdulha informazzjoni dettaljata u armonizzata dwar il-penali u l-miżuri notifikati. |
(3) |
Huwa meħtieġ li jiġu evitati entrati doppji u kunflitti negattivi potenzjali ta' kompetenza bejn awtoritajiet multipli ta' rappurtar fi ħdan Stat Membru. Il-ħatra ta' punt ta' kuntatt uniku għal kull Stat Membru mal-ESMA hi l-aktar mod effikaċi u l-inqas oneruż biex jitlaħaq tali objettiv. |
(4) |
Bl-għan li tiġi inkluża informazzjoni sinifikanti fir-rapport annwali dwar il-penali u l-miżuri biex tiġi ppubblikata mill-ESMA f'konformità mal-Artikolu 99e(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw l-informazzjoni billi jużaw formoli speċifiċi li jindikaw b'mod ċar liema Artikoli tad-Direttiva 2009/65/KE ġew miksura. |
(5) |
Ir-rappurtar ta' penali u miżuri amministrattivi divulgati lill-pubbliku f'konformità mal-Artikolu 99e(2) tad-Direttiva 2009/65/KE għandhom jidentifikaw b'mod ċar penali u miżuri billi joffru dettalji suffiċjenti. Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita formola li għandha tintuża mill-awtoritajiet kompetenti għal dan l-għan. |
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
(7) |
L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-introduzzjoni ta' formoli u proċeduri standard għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward l-iskop u l-impatt tagħhom, filwaqt li jitqies li d-destinatarji ta' dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni se jkunu l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq. L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Punti ta' kuntatt
1. Għal kull Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnominaw punt ta' kuntatt uniku biex tintbagħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 2 u 3 u għall-komunikazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda l-preżentazzjoni ta' din l-informazzjoni.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar il-punt ta' kuntatt imsemmi fil-paragrafu 1.
3. L-ESMA għandha tagħżel punt ta' kuntatt biex jirċievi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 u biex jikkomunika dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mar-riċeviment tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 2 u 3.
4. L-ESMA għandha tippubblika l-punt ta' kuntatt imsemmi fil-paragrafu 3 fuq is-sit elettroniku tagħha.
Artikolu 2
Is-sottomissjoni annwali ta' informazzjoni aggregata
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-ESMA bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 99e(1) tad-Direttiva 2009/65/KE billi jimlew il-formola stabbilita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.
Dik l-informazzjoni għandha tirreferi għal penali u miżuri kollha imposti matul is-sena kalendarja preċedenti.
Il-formola għandha timtela u tintbagħat lill-ESMA elettronikament permezz ta' e-Mail bl-użu tal-punt ta' kuntatt imsemmi fl-Artikolu 1(3) sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena.
Artikolu 3
Proċeduri u formoli ta' rappurtar
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw lill-ESMA s-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 99e(2) tad-Direttiva 2009/65/KE billi jużaw interfaċji eżistenti pprovduti permezz tas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika, u l-bażi ta' dejta relatata, stabbilita mill-ESMA għall-immaniġġjar tal-wasla, il-ħażna u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar dawk il-penali u l-miżuri amministrattivi f'konformità mal-Artikolu 99e tad-Direttiva 2009/65/KE.
2. Il-penali u l-miżuri amministrattivi għandhom jiġu sottomessi lill-ESMA fil-fajl tar-rapport fil-format stabbilit fl-Anness II.
Artikolu 4
L-invalidazzjoni u l-aġġornament tar-rapporti
1. Fejn awtorità kompetenti tixtieq li tinvalida fajl tar-rapport eżistenti qabel ikun sottomess lill-ESMA f'konformità mal-Artikolu 3, hija għandha tħassar ir-rapport eżistenti u tibgħat il-fajl tar-rapport il-ġdid.
2. Fejn awtorità kompetenti tixtieq taġġorna fajl ta' rapport eżistenti li sottomettiet qabel lill-ESMA f'konformità mal-Artikolu 3, hija għandha tissottometti mill-ġdid il-fajl tar-rapport bl-informazzjoni aġġornata.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84)
ANNESS I
Il-formola ta' sottomissjoni annwali ta' informazzjoni aggregata dwar il-penali u l-miżuri kollha imposti
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
ANNESS II
Il-formola għar-rappurtar ta' penali jew miżuri amministrattivi żvelati lill-pubbliku
Test ta 'immaġni