This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R0864
Commission Implementing Regulation (EU) 2016/864 of 31 May 2016 concerning the non-renewal of approval of the active substance triasulfuron, in accordance with Regulation (EC) No 1107/2009 of the European Parliament and of the Council concerning the placing of plant protection products on the market, and amending Commission Implementing Regulation (EU) No 540/2011 (Text with EEA relevance)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/864 tal-31 ta' Mejju 2016 li jikkonċerna n-nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva triasulfuron, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/864 tal-31 ta' Mejju 2016 li jikkonċerna n-nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva triasulfuron, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
C/2016/3185
ĠU L 144, 1.6.2016, p. 32–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32011R0540 | Tħassir | anness P. A punt 9 | 01/07/2016 |
1.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 144/32 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/864
tal-31 ta' Mejju 2016
li jikkonċerna n-nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva triasulfuron, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/66/KE (2) inkludiet t-triasulfuron bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3). |
(2) |
Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4). |
(3) |
Kif stipulat fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva triasulfuron tiskadi fit-30 ta' Ġunju 2016. |
(4) |
Tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-triasulfuron fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 (5), u fil-perjodu previst f'dak l-Artikolu. |
(5) |
L-applikant ressaq id-dossiers supplimentari meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1141/2010. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet kompluta. |
(6) |
L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem: “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fl-14 ta' Ottubru 2013. |
(7) |
L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom, u għaddiet il-kummenti li waslulha lill-Kummissjoni. L-Awtorità qiegħdet ukoll is-sommarju tad-dossier supplimentari għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. |
(8) |
Fit-8 ta' Jannar 2015 l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (6) dwar jekk jistax jiġi mistenni li t-triasulfuron jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità kkonkludiet li minħabba l-valutazzjoni inkompluta tal-ġenotossiċità tat-triasulfuron u l-impurità tal-manifattura tiegħu CGA 150829, ma kienx possibbli li jiġu stabbiliti l-valuri ta' referenza tossikoloġiċi bbażati fuq is-saħħa. B'konsegwenza ta' dan, il-valutazzjoni tar-riskju għall-konsumaturi, l-operaturi, il-ħaddiema u l-persuni li jkunu fil-qrib ma setgħetx titwettaq. Barra minn hekk, l-Awtorità kkonkludiet li f'sitwazzjonijiet ġeoklimatiċi speċifiċi, hemm potenzjal elevat li għall-użi rappreżentattivi vvalutati jkun hemm riżutat ta' esponiment tal-ilma ta' taħt l-art ogħla mil-limitu tal-ilma tax-xorb parametriku ta' 0,1μg/L, jew permezz tat-triasulfuron innifsu jew permezz tal-metabolit tal-ħamrija tiegħu CGA 150829. Barra minn hekk, ġie identifikat ukoll riskju għoli għall-pjanti akkwatiċi. |
(9) |
Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f'konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1141/2010, dwar l-abbozz tar-rapport ta' reviżjoni. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, u dawn ġew eżaminati bir-reqqa. |
(10) |
Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikant, it-tħassib imsemmi fil-premessa 8 ma setax jiġi eliminat. |
(11) |
Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li wieħed jista' jistenna li, fir-rigward ta' wieħed jew iktar mill-użi rappreżentattivi ta' mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih t-triasulfuron, il-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għalhekk, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva triasulfuron ma għandhiex tiġġedded. |
(12) |
L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-triasulfuron. |
(13) |
Fir-rigward ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-triasulfuron, meta l-Istati Membri jkunu taw perjodu ta' grazzja f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dak il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2017. |
(14) |
Dan ir-Regolament ma jippreġudikax is-sottomissjoni ta' applikazzjoni oħra għat-triasulfuron f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
(15) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni ta' sustanza attiva
L-approvazzjoni tas-sustanza attiva triasulfuron mhix imġedda.
Artikolu 2
Miżuri tranżitorji
L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-triasulfuron bħala sustanza attiva sat-30 ta' Settembru 2016.
Artikolu 3
Perjodi ta' grazzja
Kwalunkwe perjodu ta' grazzja mogħti mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar mit-30 ta' Settembru 2017.
Artikolu 4
Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, titħassar ir-ringiela 9 dwar it-triasulfuron.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Mejju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/66/KE tat-23 ta' Ottubru 2000 li tinkludi sustanza attiva (triasulfuron) fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill (91/414/KEe) li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 276, 28.10.2000, p. 35).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas-7 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta' sustanzi attivi fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta' dawk is-sustanzi (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 10).
(6) EFSA (L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2015. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance ażimsulfuron. EFSA Journal 2015;13(1):3958, 78 pp. doi:10.2903/j.efsa.2015.3958