This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R0591
Council Regulation (EU) 2016/591 of 15 April 2016 amending Regulation (EU) No 1370/2013 determining measures on fixing certain aids and refunds related to the common organisation of the markets in agricultural products, as regards applicable quantitative limitations for the buying-in of butter and skimmed milk powder
Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/591 tal-15 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, rigward il-limitazzjonijiet kwantitattivi applikabbli għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat
Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/591 tal-15 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, rigward il-limitazzjonijiet kwantitattivi applikabbli għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat
ĠU L 103, 19.4.2016, p. 3–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32013R1370 | Tlestija | artikolu 3 paragrafu 1 L 2 | 20/04/2016 |
19.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 103/3 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/591
tal-15 ta' April 2016
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, rigward il-limitazzjonijiet kwantitattivi applikabbli għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib qed jesperjenza perjodu mtawwal ta' żbilanċ serju fis-suq. Filwaqt li fl-2015 d-domanda għall-importazzjoni fid-dinja għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib baqgħet stabbli b'mod ġenerali meta mqabbla mal-2014, il-produzzjoni żdiedet b'mod sinifikanti fl-Unjoni u fir-reġjuni ewlenin l-oħra tal-esportazzjoni. |
(2) |
L-investimenti li saru fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-ħalib fl-Unjoni, magħmula bi tħejjija tat-tmiem tal-kwoti tal-ħalib u fid-dawl tal-prospetti pożittivi ta' terminu medju fis-suq dinji, wasslu għal żieda b'rata kostanti fil-produzzjoni tal-ħalib fl-Unjoni. Il-volumi ta' ħalib żejda li jiġu prodotti għandhom jiġu pproċessati fi prodotti li jinħażnu fit-tul bħal butir u trab tal-ħalib xkumat. |
(3) |
Konsegwentement, fis-snin 2014 u 2015 il-prezzijiet tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni naqsu, hekk kif il-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat laħqu l-prezz ta' intervent pubbliku. Il-prezzijiet tal-butir għadhom ogħla mill-prezz ta' intervent pubbliku, iżda huma taħt pressjoni biex jitnaqqsu. |
(4) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 (1) jistabbilixxi limitazzjonijiet kwantitattivi għal xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bil-prezz fiss imsemmi f'dak ir-Regolament. Ladarba dawk il-limiti jintlaħqu, ix-xiri sfurzat għandu jitwettaq permezz ta' proċedura tal-offerti biex jiġi stabbilit il-prezz massimu tax-xiri sfurzat. |
(5) |
Bħala miżura eċċezzjonali biex tkun żgurata d-disponibbiltà mingħajr problemi tal-mekkaniżmu ta' intervent pubbliku f'sitwazzjoni ta' tfixkil fis-suq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1549 (2) mexxa 'il quddiem il-bidu tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għas-sena 2016 għall-1 ta' Jannar. |
(6) |
Fil-perjodu ta' intervent pubbliku addizzjonali miftuħ permezz tar-Regolament Delegat (UE) 2015/1549 għas-sena 2016, intlaħaq nofs il-volum tal-limitazzjoni kwantitattiva stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 għal xiri sfurzat ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss. |
(7) |
Sabiex is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jiġi mgħejjun biex jinstab bilanċ ġdid fis-sitwazzjoni serja prevalenti tas-suq, u tinżamm il-fiduċja fl-effettività tal-mekkaniżmi ta' intervent pubbliku, huwa xieraq li fis-sena 2016 jiżdiedu l-limitazzjonijiet kwantitattivi għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss. |
(8) |
Fejn proċedura tal-offerti tinbeda qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kwalunkwe volumi li nxtraw bix-xiri sfurzat taħt dik il-proċedura fl-2016 ma għandhomx jitqiesu biex jiġu determinati l-volumi disponibbli għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss. |
(9) |
Sabiex ikun żgurat li l-miżuri temporanji previsti f'dan ir-Regolament ikollhom impatt immedjat fuq is-suq u jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fis-sena 2016, il-limitazzjonijiet kwantitattivi għax-xiri sfurzat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss għandu jkun ta' 100 000 tunnellata għall-butir u 218 000 tunnellata għat-trab tal-ħalib xkumat. Kwalunkwe volumi li nxtraw taħt proċedura tal-offerti diġa mibdija fid-19 ta' April 2016 m'għandhomx jitnaqqsu minn dawk il-limitazzjonijiet kwantitattivi.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' April 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
A.G. KOENDERS
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1549 tas-17 ta' Settembru 2015 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma tal-estensjoni tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għall-2015 u l-avvanzar tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2016 (ĠU L 242, 18.9.2015, p. 28).