EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1988

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 tat-8 ta' Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/678/UE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 306, 15.11.2016, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1988/oj

15.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/11


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1988

tat-8 ta' Novembru 2016

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/678/UE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE (2), l-Italja kienet awtorizzata, bħala miżura ta' deroga, biex teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”), sal-31 ta' Diċembru 2010, lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta' mhux aktar minn EUR 30 000 (“il-miżura ta' deroga”). L-applikazzjoni tal-miżura ta' deroga ġiet sussegwentement estiża sal-31 ta' Diċembru 2013 permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/688/UE (3) u sal-31 ta' Diċembru 2016 permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/678/UE (4) li, barra minn hekk, żiedet il-limitu massimu awtorizzat tal-eżenzjoni għal fatturat annwali ta' EUR 65 000.

(2)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-5 ta' April 2016, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex testendi l-miżura ta' deroga.

(3)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn, permezz ta' ittra ddatata l-21 ta' Ġunju 2016, bit-talba tal-Italja. Permezz ta' ittra ddatata t-22 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(4)

Taħt l-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li m'għamlux użu mill-Artikolu 14 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE (5) jistgħu jeżentaw persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 5 000. Il-miżura ta' deroga tidderoga mill-Artikolu 285 fl-applikazzjoni tagħha għall-Italja biss sa fejn il-limitu tal-fatturat annwali jeċċedi EUR 5 000.

(5)

Il-miżura ta' deroga hija konformi mal-għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 msejħa ' “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa'.

(6)

Minħabba li l-miżura ta' deroga wasslet għal tnaqqis tal-obbligi tal-VAT għal dawk in-negozji iżgħar li li ma għażlux l-arranġamenti regolari tal-VAT taħt l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja għandha tkun awtorizzata biex tkompli tapplika l-miżura ta' deroga għal perjodu limitat ieħor. Il-persuni taxxabbli xorta waħda għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(7)

Jenħtieġ li l-miżura ta' deroga tkun għal żmien limitat bil-għan li jiġi vvalutat jekk hija tibqax adatta u effettiva. Barra minn hekk, l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-impriżi żgħar qed jiġu riveduti. Għalhekk, il-miżura ta' deroga għandha tkun soġġetta wkoll għal klawżola ta' skadenza awtomatika.

(8)

Mill-informazzjoni li pprovdiet l-Italja, il-miżura ta' deroga se jkollha impatt negliġibbli fuq l-ammont globali ta' dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju finali tal-konsum.

(9)

Il-miżura ta' deroga m'għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni derivanti mill-VAT.

(10)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/678/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/678/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni tapplika sad-dħul fis-seħħ ta' direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, jew sal-31 ta' Diċembru 2019, skont liema data tiġi l-ewwel.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Novembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE tal-15 ta' Settembru 2008 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 249, 18.9.2008, p. 13).

(3)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/688/UE tal-15 ta' Ottubru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 294, 12.11.2010, p. 12).

(4)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/678/UE tal-15 ta' Novembru 2013 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 35).

(5)  It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta' April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat - Struttura u proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303).


Top