This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D1764
Council Decision (EU) 2016/1764 of 29 September 2016 on the position to be taken by the European Union within the EU-ICAO Joint Committee on the Decision on the adoption of an annex on Air Traffic Management to the Memorandum of Cooperation between the European Union and the International Civil Aviation Organization providing a framework for enhanced cooperation
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1764 tad-29 ta' Settembru 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-ICAO fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta' anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1764 tad-29 ta' Settembru 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-ICAO fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta' anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
ĠU L 269, 4.10.2016, pp. 14–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
4.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 269/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1764
tad-29 ta' Settembru 2016
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-ICAO fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta' anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (1) (minn hawn “il quddiem imsejjaħ il-'Memorandum ta' Kooperazzjoni”) daħal fis-seħħ fid-29 ta' Marzu 2012. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 7.3(c) tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni, il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 7.1 tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni jista' jadotta annessi għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni. |
|
(3) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni ta' anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt UE-ICAO, kif imsemmi fl-Artikolu 7.3(c) tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (il-Memorandum ta' Kooperazzjoni), fir-rigward tal-adozzjoni ta' anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-ICAO, li huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
P. ŽIGA
ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-ICAO
ta' …
dwar l-adozzjoni ta' anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
IL-KUMITAT KONĠUNT UE-ICAO,
Wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (il-Memorandum ta' Kooperazzjoni), li daħal fis-seħħ fid-29 ta' Marzu 2012, u b'mod partikolari l-Artikolu 7.3(c) tiegħu,
Billi huwa xieraq li jiddaħħal anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru fil-Memorandum ta' Kooperazzjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness għal din id-Deċiżjoni b'dan qed jiġi adottat u għandu jifforma parti integrali mill-Memorandum ta' Kooperazzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi, ….
Għall-Kumitat Konġunt UE-ICAO
Il-Presidenti
ANNESS
DWAR IL-ĠESTJONI TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU
1. Għanijiet
1.1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru u s-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (minn hawn 'il quddiem imsejħin ATM/ANS) fil-kuntest tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni (MOC) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li ġie ffirmat f'Montreal fit-28 ta' April 2011 u fi Brussell fl-4 ta' Mejju 2011.
1.2. B'mod konsistenti mal-impenn tagħhom li jarmonizzaw b'mod globali r-rekwiżiti inklużi fl-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati (SARPs) għall-ATM/ANS u li jkun hemm interoperabbiltà globali tat-teknoloġiji u s-sistemi l-ġodda fil-qasam tal-ATM/ANS, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw mill-qrib fi spirtu ta' trasparenza u ta' djalogu biex jikkoordinaw l-attivitajiet tal-ATM/ANS tagħhom.
2. Kamp ta' applikazzjoni
2.1. Sabiex jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dan l-Anness, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma li ġejjin:
|
— |
fit-twettiq ta' djaloġu regolari dwar kwistjonijiet marbutin mal-ATM/ANS li huma ta' interess reċiproku; |
|
— |
fil-kisba tat-trasparenza permezz tal-iskambju regolari tal-informazzjoni rilevanti dwar l-ATM/ANS; |
|
— |
fil-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-ATM/ANS; |
|
— |
fil-monitoraġġ u fl-analiżi tal-konformità tal-Istati mal-istandards tal-ICAO u tal-ħarsien tagħhom tal-prattiki rakkomandati fil-qasam tal-ATM/ANS; |
|
— |
fil-kooperazzjoni fi kwistjonijiet regolatorji u fi kwistjonijiet li jistabbilixxu l-istandards; |
|
— |
fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-Pjan Globali tal-ICAO tan-Navigazzjoni bl-Ajru u tal-metodoloġija tiegħu ta' titjib ġenerali tas-sistema tal-avjazzjoni msejħa “aviation system block upgrade” (ASBU); |
|
— |
fl-iżvilupp u fil-forniment ta' proġetti u programmi ta' assistenza teknika; |
|
— |
fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fir-reġjun Ewropew tal-ICAO (ir-reġjun EUR), filwaqt li jitqiesu b'mod speċifiku r-riżultati li nkisbu fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) u l-ħidma tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) fi kwistjonijiet marbutin mal-ATM/ANS; u |
|
— |
fl-iskambju tal-esperti tekniċi fl-oqsma rilevanti tal-ATM/ANS. |
3. L-implimentazzjoni
3.1. Il-Partijiet jistgħu jistabbilixxu arranġamenti ta' ħidma li jispeċifikaw mekkaniżmi u proċeduri miftiehma b'mod reċiproku biex jimplimentaw il-kooperazzjoni b'mod effettiv fl-oqsma msemmijin fl-Artikolu 2.1 ta' dan l-Anness. Dawk l-arranġamenti ta' ħidma għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7 tal-MOC.
3.2. It-twettiq tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni fil-kuntest ta' dan l-Anness għandhom jitwettqu, f'isem il-Partijiet, mill-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-ICAO tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANB). Il-Kummissjoni Ewropea tista' tinvolvi, skont kif ikun xieraq, lill-Istati Membri tal-UE u l-organizzazzjonijiet Ewropej, fosthom l-EASA, l-Impriża Konġunta SESAR, lill-Maniġer responsabbli għall-adozzjoni tas-SESAR u l-EUROCONTROL.
4. Djalogu
4.1. Il-Partijiet għandhom jorganizzaw laqgħat u/jew telekonferenzi fuq bażi regolari biex jiddiskutu kwistjonijiet marbutin mal-ATM/ANS li huma ta' interess reċiproku u, fejn ikun meħtieġ u jkun xieraq, biex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom.
5. Trasparenza u skambju tal-informazzjoni
5.1. Il-Partijiet għandhom iħeġġu, skont ir-regoli applikabbli tagħhom, it-trasparenza fil-qasam tal-ATM/ANS fir-relazzjonijiet tagħhom ma' partijiet terzi.
5.2. Il-Partijiet għandhom ikunu trasparenti fil-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni tagħhom b'rabta mal-attivitajiet tal-ATM/ANS permezz tal-iskambju ta' data, informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti u xierqa bla ħsara għar-regoli applikabbli tagħhom, u billi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni reċiproka fil-laqgħat.
5.3. Għal dak il-għan, kull Parti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-iskambju tal-informazzjoni, li jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tkun waslitilhom mingħand il-Parti l-oħra skont l-Artikolu 6 tal-MOC.
6. Parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-ATM/ANS
6.1. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' dan l-Anness, kull Parti għandha, kif xieraq, tistieden lill-Parti l-oħra tipparteċipa, skont ir-regoli ta' proċedura stabbiliti, f'attivitajiet u f'laqgħat marbutin mal-ATM/ANS bħala osservatur bil-għan li jkunu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib.
7. Qsim tal-informazzjoni u l-analiżi dwar l-ATM/ANS
7.1. Bla ħsara għar-regoli applikabbli tagħhom, u skont l-arranġamenti ta' ħidma xierqa li jkunu jridu jiġu żviluppati, il-Partijiet għandhom jaqsmu l-informazzjoni u d-data rilevanti dwar l-ATM/ANS, kif ukoll l-analiżi li jkunu saru abbażi ta' dik l-informazzjoni u d-data.
7.2. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib fl-azzjonijiet li jittieħdu biex ikun hemm konformità iktar effettiva mal-SARPs fl-UE u fi Stati oħrajn. Tali kooperazzjoni għandha tinkludi l-iskambju ta' informazzjoni, l-iffaċilitar tad-djalogu bejn il-Partijiet ikkonċernati u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-assistenza teknika li jista' jkun hemm.
7.3. Abbażi tal-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-analiżi tal-prestazzjoni u tal-iffissar tal-miri, kif ukoll fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, l-UE għandha tgħin lill-ICAO fl-iżvilupp ta' approċċ globali bbażat fuq il-prestazzjoni u ta' approċċ globali ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-GANP tal-ICAO u tal-metodoloġija tal-ASBU inkluża fih. L-ICAO għandha tuża bl-aħjar mod u kif xieraq il-materjali eżistenti tal-UE jew il-materjali tagħha li qed jiġu żviluppati, li ġejjin mill-iżvilupp u mill-implimentazzjoni tal-SES, fl-iżvilupp tal-approċċi globali tagħha.
8. Kwistjonijiet regolatorji u dawk li jistabbilixxu l-istandards
8.1. Kull Parti għandha tiżgura li l-Parti l-oħra tinżamm infurmata dwar il-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards, ir-rekwiżiti u l-prattiki rakkomandati rilevanti tagħha kollha, li jistgħu jaffettwaw l-implimentazzjoni ta' dan l-Anness, kif ukoll dwar kwalunkwe emenda għal dawn.
8.2. Il-Partijiet għandhom jgħarrfu lil xulxin fil-ħin dwar kwalunkwe emenda proposta fil-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards, ir-rekwiżiti u l-prattiki rakkomandati rilevanti tagħhom, safejn dawk l-emendi jista' jkollhom impatt fuq l-applikazzjoni ta' dan l-Anness. Tali notifika tista' tinkludi wkoll, skont il-bżonn, il-qsim tal-istrumenti x-xierqa tal-ippjanar, bħal programmi annwali jew pluriennali rilevanti. Fid-dawl ta' emendi bħal dawn, il-Kumitat Konġunt jista' jadotta emendi għal dan l-Anness, kif meħtieġ, skont l-Artikolu 7 tal-MOC.
8.3. Bil-għan li jiġu armonizzati r-regolamenti u l-istandards tal-ATM/ANS b'mod globali, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar kwistjonijiet regolatorji tekniċi fil-qasam tal-ATM/ANS matul il-proċessi rispettivi tagħhom tat-tfassil tar-regoli jew tal-iżvilupp tal-SARPs, u għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-korpi tekniċi assoċjati, kif u meta dan ikun xieraq.
8.4. Għal dak il-għan, l-UE u l-ICAO għandhom ikomplu jissimplifikaw il-kooperazzjoni ta' bejniethom sabiex tkun żgurata l-analiżi fil-ħin tar-regoli tal-UE wara li l-ICAO tagħmel xi emendi fl-Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Chicago) u biex jingħataw kummenti fil-ħin lill-ICAO meta jkunu qed jitqiesu emendi fl-Annessi li jkunu rilevanti għall-qasam tal-ATM/ANS.
8.5. L-ICAO għandha tagħti informazzjoni fil-ħin lill-UE dwar id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ICAO li jaffettwaw lill-SARPs marbutin mal-ATM/ANS billi tipprovdilha aċċess sħiħ għall-ittri tagħha lill-Istati u għall-Bulettini Elettroniċi tagħha.
8.6. Fejn ikun xieraq, l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-leġislazzjoni rilevanti tal-UE tkun konformi mal-SARPs tal-ICAO marbutin mal-ATM/ANS.
8.7. Minħabba li l-Pjan Ġenerali ATM Ewropew huwa marbut mill-qrib mal-GANP tal-ICAO u mal-metodoloġija tal-ASBU inkluża fih, l-UE, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri tagħha, ser tassisti lill-ICAO tiżviluppa tal-SARPs u l-materjal ta' appoġġ għar-rekwiżiti l-ġodda tal-ATM/ANS, abbażi tal-bżonnijiet u l-esperjenza tagħha fl-adozzjoni tas-SESAR. Bl-istess mod, l-ICAO ser tassisti lill-UE taġġorna l-istandards tagħha għall-interoperabbiltà globali tar-rekwiżiti l-ġodda tal-ATM/ANS, abbażi tal-GANP, il-metodoloġija tal-ASBU u l-pjanijiet direzzjonali relatati tagħha.
8.8. Minkejja l-obbligi tal-Istati Membri tal-UE bħala Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Chicago, l-UE għandha, fejn u meta dan ikun xieraq, tidħol fi djalogu mal-ICAO biex tipprovdi informazzjoni teknika f'każijiet fejn jinqalgħu kwistjonijiet marbutin mal-konformità mal-istandards tal-ICAO u mal-ħarsien tal-prattiki rakkomandati tal-ICAO wara l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE.
8.9. It-twettiq ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni b'rabta ma' kwistjonijiet regolatorji u ma' kwistjonijiet li jistabbilixxu l-istandards la għandu jmur kontra l-proċeduri eżistenti tal-ICAO tat-tfassil tar-regoli u lanqas ma għandu jwassal biex jiġu stabbiliti obbligi legali jew tar-rappurtar ġodda għall-ICAO fil-konfront tal-UE jew tal-Istati Membri tagħha.
9. Proġetti u Programmi ta' Assistenza Teknika
9.1. Il-Partijiet għandhom jikkoordinaw l-assistenza mogħtija lill-Istati sabiex ikun żgurat użu effettiv tar-riżorsi u sabiex ma jkunx hemm sforzi doppji, u għandhom jiskambjaw l-informazzjoni, inkluża d-data, dwar il-proġetti u l-programmi ta' assistenza teknika marbutin mal-ATM/ANS.
10. Kooperazzjoni Reġjonali
10.1. Il-Partijiet għandhom jagħtu prijorità lill-attivitajiet li għandhom l-għan li jħaffu l-pass tal-istabbiliment tal-Ajru Uniku Ewropew, fosthom l-attivitajiet rilevanti tal-EASA fil-qasam tal-ATM/ANS, fejn l-approċċ reġjonali joffri opportunitajiet għal iktar kost-effiċjenza, għal sorveljanza mtejba u/jew għal proċessi mtejbin ta' armonizzazzjoni.
10.2. B'rabta mal-paragrafu 10.1 ser tingħata attenzjoni partikolari lill-approċċ reġjonali bbażat fuq il-prestazzjoni, lir-regolamenti tekniċi Ewropej fil-qasam tal-ATM/ANS, lill-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, lill-ġestjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk (inkluża ċ-Ċellula Ewropea ta' Koordinazzjoni tal-Kriżijiet fis-Settur tal-Avjazzjoni — EACCC) u lill-adozzjoni u l-monitoraġġ ta' kunċetti ġodda tal-ATM/ANS abbażi tas-SESAR u tal-Pjan Ġenerali ATM Ewropew.
10.3. Sabiex jintlaħqu l-aspettattivi ta' Kooperazzjoni Reġjonali, għandha tinżamm relazzjoni ta' ħidma mill-qrib bejn l-UE u l-Uffiċċju Reġjonali tal-ICAO f'Pariġi, inkluż il-parteċipazzjoni reċiproka fil-laqgħat rilevanti (pereżempju f'dawk tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku).
10.4. L-UE ser torganizza l-koordinazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri tal-UE u l-Uffiċċju Reġjonali tal-ICAO fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Anness, b'mod partikolari sabiex tagħti kontribut għall-pjanijiet reġjonali tal-ICAO.
11. Assistenza mill-esperti
11.1. Bla ħsara għall-iskemi ta' assistenza mill-esperti żviluppati lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Anness, l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-esperti tal-ICAO, fuq talba, esperti b'għarfien espert tekniku fl-oqsma rilevanti tal-ATM/ANS sabiex dawn iwettqu ħidmiet u jieħdu sehem f'attivitajiet li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Anness. Il-kondizzjonijiet marbutin ma' tali assistenza mill-esperti għandhom jiġu speċifikati f'arranġament ta' ħidma bejn il-Partijiet.
12. Analiżi
12.1. Il-Partijiet għandhom janalizzaw l-implimentazzjoni ta' dan l-Anness fuq bażi regolari u jqisu l-iżviluppi rilevanti fil-politika jew dawk regolatorji skont il-bżonn.
12.2. Kwalunkwe analiżi ta' dan l-Anness għandu jagħmilha l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7 tal-MOC.(il-“Kumitat Konġunt”).
13. Dħul fis-seħħ, Emendi u Terminazzjoni
13.1. Dan l-Anness għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni mill-Kumitat Konġunt u għandu jibqa' fis-seħħ sa ma jiġi tterminat.
13.2. Safejn ikun hemm bżonnhom, l-arranġamenti ta' ħidma li jkun intlaħaq qbil dwarhom skont dan l-Anness għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni mill-Kumitat Konġunt.
13.3. Kwalunkwe emenda fl-arranġamenti ta' ħidma adottati skont dan l-Anness jew it-terminazzjoni tagħhom għandu jintlaħaq qbil dwarhom fil-Kumitat Konġunt.
13.4. Kull Parti tista' tittermina dan l-Anness fi kwalunkwe waqt. Tali terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara li Parti waħda tirċievi notifika ta' terminazzjoni bil-miktub mingħand il-Parti l-oħra, sakemm it-tali notifika ta' terminazzjoni ma tkunx ġiet irtirata bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet qabel ma jkun skada dak il-perjodu ta' sitt xhur.
13.5. Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan l-Artikolu, jekk jiġi tterminat l-MOC, dan l-Anness u kwalunkwe arranġament ta' ħidma adottat skont dan l-Anness għandhom jiġu tterminati b'mod simultaju miegħu.