Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0402

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/402 tal-15 ta' Jannar 2016 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Albanija u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata

    ĠU L 74, 19.3.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/402/oj

    19.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 74/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/402

    tal-15 ta' Jannar 2016

    dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Albanija u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 218(5) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Jannar 2014, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) biex jiftaħ negozjati, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex jikkonkludi Ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni bejn il-Kunsill tal-Ministri u r-Repubblika tal-Albanija u l-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Wara dik l-awtorizzazzjoni, ir-RGħ innegozja Ftehim mal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Albanija dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata.

    (3)

    Dak il-Ftehim għandu jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Kunsill tal-Ministri u r-Repubblika tal-Albanija u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Jannar 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.R.V.A. DIJSSELBLOEM


    Top