Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1397

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1397 tal-14 ta' Awwissu 2015 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva florasulam f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 216, 15.8.2015, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1397/oj

    15.8.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 216/3


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1397

    tal-14 ta' Awwissu 2015

    li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva florasulam f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod parikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva florasulam, kif stipulata fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2), tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2015.

    (2)

    Bi qbil mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 (3), fil-perjodu stipulat fl-istess Artikolu, tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-florasulam fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (4).

    (3)

    L-applikant ressaq id-dossiers supplimentari meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1141/2010. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet kompluta.

    (4)

    L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur, u ressqu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fil-25 ta' Novembru 2013.

    (5)

    L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom, u għaddiet il-kummenti li waslulha lill-Kummissjoni. L-Awtorità qiegħdet ukoll is-sommarju tad-dossier supplimentari għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    (6)

    Fit-22 ta' Diċembru 2014 (5), l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha dwar jekk il-florasulam jistax jiġi mistenni li jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fit-28 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni ressqet l-abbozz tar-rapport tal-evalwazzjoni għall-florasulam lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    (7)

    Rigward użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta' mill-inqas prodott wieħed tal-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva inkwistjoni, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 huma sodisfatti. Għaldaqstant, dawk il-kriterji għall-approvazzjoni jitqiesu li ntlaħqu.

    (8)

    Għaldaqstant jixraq li l-approvazzjoni tal-florasulam tiġġedded.

    (9)

    Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-florasulam hija msejsa fuq għadd limitat ta' użi rappreżentattivi, li madankollu ma jillimitawx l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-florasulam. Għaldaqstant, jixraq li r-restrizzjoni għall-użi bħala erbiċida ma tibqax fis-seħħ.

    (10)

    F'konformità mal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 13(4) tiegħu, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għaldaqstant għandu jiġi emendat.

    (11)

    Dan ir-Regolament japplika mill-għada tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva florasulam, kif imsemmi fil-premessa 1.

    (12)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tiġdid tal-approvazzjoni ta' sustanza attiva

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva florasulam, kif speċifikat fl-Anness I, hija mġedda soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-istess Anness.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f'konformità mal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Awwissu 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (3)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas-7 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta' sustanzi attivi fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta' dawk is-sustanzi (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 10).

    (4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (5)  The EFSA Journal 2015; 13(1): 3984. Disponibbli onlajn fuq: www.efsa.europa.eu.


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Florasulam

    Nru tal-CAS 145701-23-1

    Nru CIPAC 616

    2′,6′,8-trifluworo-5-metossi[1,2,4]triażolo[1,5-c]pirimidina-2-sulfonanilid

    ≥ 970 g/kg

    Impurità: 2,6-DFA, mhux aktar minn 2 g/kg

    fl-1 ta' Jannar 2016.

    fil-31 ta' Diċembru 2030.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' eżami dwar il-florasulam, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    F'din l-evalwazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu kas partikularment lir-riskju lill-organiżmi akkwatiċi u lill-pjanti terrestri mhux fil-mira.

    Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' eżami.


    ANNESS II

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-Parti A, titħassar l-entrata 36 dwar il-florasulam;

    (2)

    fil-Parti B, tiżdied l-entrata li ġejja:

     

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (*)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “90

    Florasulam

    Nru tal-CAS 145701-23-1

    Nru CIPAC 616

    2′,6′,8-trifluworo-5-metossi[1,2,4]triażolo[1,5-c]pirimidina-2-sulfonanilida

    ≥ 970 g/kg

    Impurità: 2,6-DFA, mhux aktar minn 2 g/kg

    L-1 ta' Jannar 2016

    L-It-Tlieta, 31 ta' Diċembru 2030

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' eżami dwar il-florasulam, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    F'din l-evalwazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu kas partikularment lir-riskju lill-organiżmi akkwatiċi u lill-pjanti terrestri mhux fil-mira.

    Meta xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.”


    (*)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' eżami.


    Top