EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0170

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/170 tal- 4 ta' Frar 2015 li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1135/2009 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 29, 5.2.2015, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/170/oj

5.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/170

tal-4 ta' Frar 2015

li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1135/2009 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

Wara li nstabu livelli għolja ta' melamina fil-ħalib tat-trabi, fi prodotti oħra tal-ħalib, fis-sojja u fi prodotti tas-sojja u ta' bikarbonat tal-ammonju maħsub għall-ikel u l-għalf fiċ-Ċina u meta dawn ġew importati lejn l-UE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1135/2009 (2) jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' dawn il-prodotti li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina. Fuq il-bażi ta' dak ir-Regolament, l-importazzjoni ta' prodotti li fihom il-ħalib, ta' prodotti tal-ħalib, ta' sojja jew ta' prodotti tas-sojja maħsuba għall-użu nutrizzjonali partikolari għat-trabi u t-tfal żgħar li joriġinaw jew li jiġu miċ-Ċina hija pprojbita. Barra minn hekk, isiru kontrolli tal-identità u kontrolli fiżiċi, inkluż kampjunar u analiżi, għall-preżenza ta' melamina fuq madwar 20 % tal-kunsinni ta' bikarbonat tal-ammonju maħsub għall-ikel u għall-għalf, u fuq madwar 20 % tal-għalf u l-ikel li fihom il-ħalib, prodotti tal-ħalib, sojja jew prodotti tas-sojja li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina.

(2)

Minn Lulju 2009 sal-lum ġie rrappurtat biss kampjun wieħed bħala mhux konformi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Is-sejbiet f'dak il-kampjun, li ġie rrappurtat fl-2011, qabżu biss bi ftit il-livell massimu ta' melamina fil-bikarbonat tal-ammonju. Bħala riżultat ta' dan, huwa xieraq li jiġu mħassra l-kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' ħalib tat-trabi, ta' prodotti oħra tal-ħalib, tas-sojja u ta' prodotti tas-sojja u ta' bikarbonat tal-ammonju maħsub għall-ikel u għall-għalf li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina.

(3)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1135/2009 huwa b'dan imħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1135/2009 tal-25 ta' Novembru 2009 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina, u li jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/798/KE (ĠU L 311, 26.11.2009, p. 3).


Top