This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D2280
Commission Implementing Decision (EU) 2015/2280 of 7 December 2015 on the approval of the DENSO efficient alternator as an innovative technology for reducing CO2 emissions from passenger cars pursuant to Regulation (EC) No 443/2009 of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2280 tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar l-approvazzjoni tal-alternatur effiċjenti DENSO bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2280 tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar l-approvazzjoni tal-alternatur effiċjenti DENSO bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 322, 8.12.2015, p. 64–66
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020D1806
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32020D1806 | 01/01/2021 |
8.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 322/64 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2280
tas-7 ta' Diċembru 2015
dwar l-approvazzjoni tal-alternatur effiċjenti DENSO bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fl-10 ta' Marzu 2015, il-fornitur DENSO Corporation (l-“Applikant”) ressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tieni teknoloġija innovattiva tiegħu, jiġifieri l-alternatur effiċjenti DENSO tal-klassi tal-prestazzjoni minn 100 A sa 250 A. Il-kompletezza ta' dik l-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 (2). Instab li l-applikazzjoni kienet sħiħa u l-perjodu li l-Kummissjoni ngħatat biex tivvaluta l-applikazzjoni beda fil-11 ta' Marzu 2015, jiġifieri l-għada ta' meta waslet uffiċjalment l-informazzjoni sħiħa. |
(2) |
L-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 u skont il-Linji Gwida Tekniċi għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (il-verżjoni tal-“Linji Gwida Tekniċi” ta' Frar tal-2013) (3). L-informazzjoni li bagħat l-applikant turi li donnhom intlaħqu l-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u fl-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011. |
(3) |
L-Applikant wera li l-alternaturi effiċjenti ħafna tat-tip deskritt f'din l-applikazzjoni ma ntużawx f'iktar minn 3 % tal-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fis-sena ta' referenza tal-2009. |
(4) |
Sabiex jiġi stabbilit kemm se jiġi ffrankat CO2 meta t-teknoloġija innovattiva tiġi installata fil-vetturi, jeħtieġ li tiġi ddefinita l-vettura ta' referenza li magħha se titqabbel l-effiċjenza tal-vettura mgħammra bit-teknoloġija innovattiva kif previst fl-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011. Huwa xieraq li jitqies alternatur b'effiċjenza ta' 67 % bħala teknoloġija xierqa ta' referenza f'każ li t-teknoloġija innovattiva tiġi installata f'tip ta' vettura ġdida. Meta l-alternatur effiċjenti DENSO jiġi installat f'tip ta' vettura eżistenti, it-teknoloġija ta' referenza għandha tkun l-alternatur tal-aħħar verżjoni ta' dak it-tip imqiegħda fis-suq. |
(5) |
L-Applikant ipprovda metodoloġija biex jiġi ttestjat it-tnaqqis tas-CO2 li tinkludi formoli li huma konsistenti mal-formoli deskritti fil-Linji Gwida Tekniċi għall-metodu ssimplifikat fir-rigward tal-alternaturi effiċjenti. Il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija tal-ittestjar se tipprovdi riżultati tal-ittestjar li huma verifikabbli, komparabbli u li jistgħu jiġu ripetuti u li din kapaċi turi b'mod realistiku l-benefiċċji, b'sinifikanza statistika qawwija, tat-teknoloġija innovattiva f'termini tal-emissjonijiet tas-CO2 skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011. |
(6) |
Minħabba li l-metodoloġija tal-ittestjar tal-Applikant u l-formoli tiegħu għall-kalkolu tal-iffrankar tas-CO2 huma eżatt bħall-metodoloġija speċifikata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE (4), għal raġunijiet ta' konsistenza, huwa xieraq li tintuża l-metodoloġija speċifikata f'dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni biex jiġi stabbilit it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 dovut għall-użu tal-alternatur effiċjenti DENSO. |
(7) |
Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni ssib li l-Applikant wera b'mod sodisfaċenti li t-tnaqqis fl-emissjonijiet miksub mit-teknoloġija innovattiva huwa ta' mill-inqas gramma ta' CO2 għal kull km. |
(8) |
L-iffrankar tat-teknoloġija innovattiva jista' jintwera parzjalment permezz taċ-ċiklu tat-test standard, u għalhekk l-iffrankar totali finali li jrid jiġi ċċertifikat għandu jiġi stabbilit skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011. |
(9) |
Ir-rapport ta' verifika tħejja mill-Aġenzija għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Vetturi (“Vehicle Certification Agency (VCA)”), li hija korp indipendenti u ċċertifikat, u dan ir-rapport jappoġġa s-sejbiet mogħtija fl-applikazzjoni. |
(10) |
Għalhekk, ma għandha ssir l-ebda oġġezzjoni b'rabta mal-approvazzjoni tat-teknoloġija innovattiva kkonċernata. |
(11) |
Bil-għan li jiġi stabbilit il-kodiċi ġenerali tal-ekoinnovazzjoni li għandu jintuża fid-dokumenti tal-approvazzjoni tat-tip rilevanti skont l-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għandu jiġi speċifikat il-kodiċi individwali li għandu jintuża għat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni. |
(12) |
Kull manifattur li jixtieq jibbenefika minn tnaqqis tal-emissjonijiet medji speċifiċi tas-CO2 tiegħu sabiex jilħaq il-mira speċifika tal-emissjonijiet tiegħu permezz tal-iffrankar tas-CO2 li jiġi mill-użu tat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni għandu jirreferi għal din id-Deċiżjoni fl-applikazzjoni tiegħu għal ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE għall-vetturi kkonċernati, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-alternatur effiċjenti DENSO tal-klassi tal-prestazzjoni minn 100 A sa 250 A, li huwa maħsub għall-użu f'vetturi tat-tip M1, huwa approvat bħala teknoloġija innovattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.
2. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 li jiġi bl-użu tal-alternatur imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit bl-użu tal-metodoloġija mogħtija fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE.
3. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011, it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 stabbilit skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi ċċertifikat u jiddaħħal fiċ-ċertifikat tal-konformità u fid-dokumenti tal-approvazzjoni tat-tip rilevanti speċifikati fl-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE biss meta t-tnaqqis ikun konformi mal-limitu speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011.
4. Il-kodiċi individwali tal-ekoinnovazzjoni li għandu jiddaħħal fid-dokumenti tal-approvazzjoni tat-tip li għandu jintuża għat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun “14”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Diċembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta' Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 194, 26.7.2011, p. 19).
(3) https://circabc.europa.eu/d/a/workspace/SpacesStore/42c4a33e-6fd7-44aa-adac-f28620bd436f/Technical%20Guidelines%20February%202013.pdf.
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE tas-27 ta' Ġunju 2013 dwar l-approvazzjoni tal-Alternatur ta' Ġenerazzjoni Effiċjenti Valeo bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 98).
(5) Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).