Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1855

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1855 tat-13 ta' Ottubru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill dwar l-aspetti tad-Drititjiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċu l-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tat-talba mingħand Membri li jkunu pajjiżi l-inqas żviluppati għal estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 66 tal-Ftehim dwar aspetti tad-Drititjiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ fir-rigward ta' ċerti obbligi marbuta ma' prodotti farmaċewtiċi u għal eżenzjoni mill-obbligi skont il-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 70 ta' dak il-Ftehim

    ĠU L 271, 16.10.2015, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1855/oj

    16.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 271/33


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1855

    tat-13 ta' Ottubru 2015

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill dwar l-aspetti tad-Drititjiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċu l-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tat-talba mingħand Membri li jkunu pajjiżi l-inqas żviluppati għal estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 66 tal-Ftehim dwar aspetti tad-Drititjiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ fir-rigward ta' ċerti obbligi marbuta ma' prodotti farmaċewtiċi u għal eżenzjoni mill-obbligi skont il-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 70 ta' dak il-Ftehim

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont il-paragarafu 1 tal-Artikolu 66 tal-Ftehim dwar aspetti tad-Drititjiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (il-“Ftehim TRIPS”), il-Kunsill dwar l-aspetti tad-Drititjiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (“Kunsill għat-TRIPS”), wara li jirċievi talba motivata kif dovut mingħand Membru li jkun pajjiż l-inqas żviluppat,(“LDC”) jikkonċedi estensjonijiet ta' dan il-perjodu tranżitorju.

    (2)

    Fl-14 ta' Novembru 2001, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'Doha adottat id-Dikjarazzjoni dwar il-“Ftehim TRIPS” u s-saħħa pubblika (“Dikjarazzjoni ta' Doha”). Stqarret li l-estensjoni tal-perjodu tranżitorju kif previst fl-Artikolu 66 tal-Ftehim TRIPS kienet bla preġudizzju għad-dritt tal-Membri LDC li jitolbu estensjonijiet oħra.

    (3)

    Skont il-paragrafu 7 tad-Dikjarazzjoni ta' Doha u l-paragrafu 1 tal-Artikolu 66 tal-Ftehim TRIPS, il-Kunsill għat-TRIPS, permezz tad-deċiżjoni tat-27 ta' Ġunju 2002, estenda sal-1 ta' Jannar 2016 il-perjodu tranżitorju li matulu l-pajjiżi LDCi mhumiex obbligati jipprovdu protezzjoni ta' privattivi għal prodotti farmaċewtiċi.

    (4)

    Fit-8 ta' Lulju 2002, il-Kunsill Ġenerali tad-WTO adotta deċiżjoni relatata mill-qrib, li teżenta lill-Membri tal-grupp ta' pajjiżi LDC milli jagħtu drittijiet esklussivi tat-tqegħid fis-suq skontil-paragrafu 9 ta l-Artikolu 70 tal-Ftehim TRIPS. L-eżenzjoni tapplika sal-1 ta' Jannar 2016.

    (5)

    Il-Bangladexx, fit-23 ta' Frar 2015, f'isem il-membri tal-grupp LDC, talab għal estensjoni indefinita tal-perjodu tranżitorju skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 66 tal-Ftehim TRIPS kif ukoll eżenzjoni indefinita tal-obbligi skont il-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 70 ta' dak il-Ftehim dment li kull Membru LDC jibqa' LDC.

    (6)

    Peress li kien hemm eżenzjoni separata għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati ma' prodotti farmaċewtiċi sa mill-2002, huwa xieraq li l-Unjoni taqbel mal-estensjoni tal-perjodu tranżitorju sabiex ma ttellifx lil Membri LDC milli jkollhom aċċess għal prodotti farmaċewtiċi.

    (7)

    Bosta Membri tad-WTO jidhru lesti li jagħtu l-estensjoni indefinita u l-eżenzjoni indefinita, u għalhekk l-Unjoni għandha tissieħeb fil-kunsens, f'konformità mal-appoġġ kontinwu tagħha għad-Dikjarazzjoni ta' Doha. Madankollu, jekk il-Membri tad-WTO min-naħa l-oħra jaqblu dwar estensjoni temporanja ulterjuri u dwar eżenzjoni temporanja, l-Unjoni għandha taqbel ukoll ma' tali soluzzjoni.

    (8)

    Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill għat-TRIPS u fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO fir-rigward tat-talba mingħand Membri LDC għal estensjoni tal-perjodu tranżitorju skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 66 tal-Ftehim TRIPS dwar ċerti obbligi fir-rigward ta' prodotti farmaċewtiċi u għal eżenzjoni mill-obbligi skont il-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 70 ta' dak il-Ftehim,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill dwar l-Aspetti tad-Drititjiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ u fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għandha tkun kif ġej:

    (a)

    li taqbel li:

    (i)

    it-talba Membri tal-grupp ta' pajjiżi l-inqas żviluppati (“LDC”) għal estensjoni tal-perjodu tranżitorju skont il-paragrafu 1 talArtikolu 66 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drititjiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (il-“Ftehim TRIPS”) dwar ċerti obbligi relatati mal-prodotti farmaċewtiċi; u

    (ii)

    it-talba għall-eżenzjoni mill-obbligi tal-Membri LDC taħt il-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 70 tal-Ftehim TRIPS; u

    (b)

    li taqbel ma' waħda milli ġejjin:

    (i)

    it-talba għal estensjoni msemmija fil-punt (a)(i) ta' dan l-Artikolu, jew l-eżenzjoni msemmija fil-punt (a)(ii) ta' dan l-Artikolu, jew it-tnejn li huma, biex tapplika għal perjodu li fih Membru LDC jibqa' LDC; jew

    (ii)

    it-talba għal estenzjoni temporanja jew eżenzjoni temporanja, jew it-tnejn li huma, hija aċċettabbli wkoll għall-Membri l-oħra tad-WTO.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    Top