EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1339

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-impenji taħtha

ĠU L 207, 4.8.2015, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1339/oj

Related international agreement

4.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 207/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1339

tat-13 ta' Lulju 2015

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-impenji taħtha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fil-Konferenza ta' Doha dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Diċembru 2012, il-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“il-Protokoll ta' Kjoto”) adottaw l-Emenda ta' Doha, li tistabbilixxi t-tieni perijodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, li jibda fl-1 ta' Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020 (“l-Emenda ta' Doha”). L-Emenda ta' Doha temenda l-Anness B tal-Protokoll ta' Kjoto, billi tistabbilixxi aktar impenji legalment vinkolanti ta' mitigazzjoni għall-Partijiet elenkati f'dak l-Anness għat-tieni perijodu ta' impenn, u temenda dispożizzjonijiet u tistipula aktar dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-impenji ta' mitigazzjoni tal-Partijiet matul it-tieni perijodu ta' impenn.

(2)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha qablu mal-Emenda ta' Doha bħala parti minn pakkett li permezz tiegħu l-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“il-Konvenzjoni”) qablu li, sa tmiem l-2015, jadottaw protokoll, strument legali ieħor jew eżitu miftiehem li jkollu saħħa legali taħt il-Konvenzjoni li jkun japplika għall-Partijiet kollha, li jsir effettiv u jiġi implimentat mill-2020 'il quddiem. In-negozjati dwar dan l-istrument legalment vinkolanti għadhom għaddejjin fil-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar il-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa.

(3)

L-Emenda ta' Doha hija soġġetta għall-aċċettazzjoni mill-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto, u ser tidħol fis-seħħ għal dawk il-Partijiet li jkunu aċċettawha fid-disgħin jum wara d-data li fiha d-Depożitarju tal-Konvenzjoni jkun irċieva strument ta' aċċettazzjoni mingħand tal-inqas tliet kwarti tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto. B'kollox hemm bżonn ta' 144 strument ta' aċċettazzjoni biex tidħol fis-seħħ l-Emenda ta' Doha.

(4)

Il-Kunsill qabel, fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta' Marzu 2012, li jipproponi impenn konġunt kwantifikat ta' tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet għat-tieni perijodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Dak l-impenn ġie ddeterminat abbażi tal-għadd totali tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra li ġew permessi matul il-perijodu mill-2013 sal-2020 skont il-pakkett dwar l-enerġija u l-klima. (2)

(5)

Il-Kunsill qabel ukoll, f'konformità ma' dan l-approċċ, li l-obbligi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri individwali m'għandhomx jeċċedu l-obbligi miftiehma fil-leġislazzjoni tal-Unjoni, u li l-impenn għandu jkun ibbażat fuq l-ammont totali tal-emissjonijiet tas-sena bażi tal-Istati Membri f'konformità mal-Protokoll ta' Kjoto. Għalhekk, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha qablu fil-Konferenza ta' Doha dwar it-Tibdil fil-Klima dwar impenn kwantifikat għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jillimita l-medja tal-emissjonijiet annwali tagħhom ta' gass b'effett ta' serra matul it-tieni perijodu ta' impenn għal 80 % tat-ammont totali tal-emissjonijiet tas-sena bażi tagħhom. Dan huwa rifless fl-Emenda ta' Doha.

(6)

F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2012, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha offrew ukoll li jgħaddu għal tnaqqis ta' 30 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, bħala parti minn ftehim globali u komprensiv għall-perijodu lil hinn mill-2012, dment li pajjiżi żviluppati oħrajn jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis paragunabbli fl-emissjonijiet, u li pajjiżi f'fażi ta' żvilupp jikkontribwixxu b'mod xieraq skont ir-responsabbiltajiet u l-ħiliet rispettivi tagħhom. Din l-offerta hija wkoll riflessa fl-Emenda ta' Doha.

(7)

Il-miri għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma elenkati fl-Emenda ta' Doha b'nota f'qiegħ il-paġna li tiddikjara li dawk il-miri huma bbażati fuq l-intendiment li jintlaħqu b'mod konġunt mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta' Kjoto. L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Islanda ħarġu wkoll dikjarazzjoni konġunta mal-adozzjoni tal-Emenda ta' Doha, li tesprimi l-intenzjoni tagħhom li jissodisfaw b'mod konġunt l-impenji tagħhom għat-tieni perijodu ta' impenn. Din id-dikjarazzjoni hija riflessa fir-Rapport tal-Konferenza u ġiet affermata mill-ġdid fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2012.

(8)

Fid-deċiżjoni li jwettqu l-impenji tagħhom b'mod konġunt f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta' Kjoto, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma responsabbli b'mod konġunt, taħt il-paragrafu 6 ta' dak l-Artikolu u f'konformità mal-Artikolu 24(2) tal-Protokoll ta' Kjoto, biex iwettqu l-impenji kwantifikati tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet taħt l-Artikolu 3(1bis) tal-Protokoll ta' Kjoto. Għaldaqstant, u f'konformità mal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri individwalment u kollettivament għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha adatti, kemm jekk ġenerali jew partikolari, sabiex jiżguraw it-twettiq tal-impenji li jirriżultaw minn azzjoni meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, biex tiġi ffaċilitata l-kisba ta' dak l-impenn u biex jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista' tipperikola l-kisba tiegħu.

(9)

Fl-istess dikjarazzjoni, l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Islanda ddikjaraw ukoll, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tal-Protokoll ta' Kjoto li jippermetti li l-Partijiet iwettqu l-impenji tagħhom taħt l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta' Kjoto b'mod konġunt, li l-Artikolu 3(7ter) tal-Protokoll ta' Kjoto ser jiġi applikat għall-ammont konġunt assenjat skont il-ftehim dwar it-twettiq konġunt mill-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Islanda u mhuwiex ser jiġi applikat għal xi Stat Membru, il-Kroazja jew l-Islanda individwalment. Il-Kunsill, fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2009, laqa' tajjeb it-talba mill-Islanda biex tissodisfa l-impenji tagħha skont it-tieni perijodu ta' impenn flimkien mal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rakkomandazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati meħtieġa dwar ftehim mal-Islanda li jikkonforma mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-pakkett tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija. Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Islanda, min-naħa l-oħra, li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (3) (“il-Ftehim mal-Islanda”) jistabbilixxi t-termini ta' dik il-parteċipazzjoni.

(10)

L-Artikolu 4 tal-Protokoll ta' Kjoto jeħtieġ li l-Partijiet li jaqblu li jissodisfaw l-impenji tagħhom taħt l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta' Kjoto b'mod konġunt jistabbilixxu fil-ftehim rilevanti ta' twettiq konġunt il-livell rispettiv ta' emissjonijiet allokat lil kull waħda mill-Partijiet. Il-Protokoll ta' Kjoto jeħtieġ li l-Partijiet għal ftehim ta' twettiq konġunt jinnotifikaw lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni bit-termini ta' dak il-ftehim fid-data meta jiġu ddepożitati l-istrumenti ta' ratifika jew ta' approvazzjoni tagħhom.

(11)

Taħt il-Konvenzjoni u l-Protokoll ta' Kjoto, l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-emissjonijiet tagħhom. Sabiex ikunu ffaċilitati l-kontabbiltà u l-konformità taħt it-tieni perijodu ta' impenn, huma ddeċidew li jafdaw lill-Unjoni bil-ġestjoni ta' parti mill-unitajiet tal-ammont assenjat tagħhom billi joħolqu ammont assenjat għall-Unjoni.

(12)

F'konformità mal-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni, il-livell ta' emissjonijiet rispettivi allokat għall-Unjoni jkopri l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), dment li dawk l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra jkunu koperti bl-Anness A tal-Protokoll ta' Kjoto.

(13)

Il-livelli ta' emissjonijiet rispettivi tal-Istati Membri u l-Islanda jkopru l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra minn fonti u assorbimenti minn bjar fit-territorji tagħhom, fejn dawk il-fonti u l-assorbimenti minn bjar mhumiex koperti mid-Direttiva 2003/87/KE iżda huma koperti mill-Protokoll ta' Kjoto. Dan jinkludi l-emissjonijiet kollha minn fonti u assorbimenti minn bjar minn attivitajiet ta' użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u forestrija (LULUCF) ikkawżati mill-bniedem koperti mill-Artikolu 3(3) u (4) tal-Protokoll ta' Kjoto, li huma koperti mill-Istati Membri rispettivi u l-Islanda, kif ukoll l-emissjonijiet tat-trifluworur tan-nitroġenu (NF3).

(14)

Kwalunkwe emissjoni mil-LULUCF u mill-NF3 fi Stat Membru jistgħu jkunu kkumpensati permezz ta' eċċess fil-prestazzjoni ta' dak l-Istat Membru f'setturi oħra mhux koperti taħt l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni jew permezz tal-użu tal-mekkaniżmi flessibbli tal-Protokoll ta' Kjoto. Stat Membru jista' wkoll juża drittijiet ta' emissjonijiet żejda riportati mill-ewwel perijodu ta' impenn miżmuma f' Riżerva Żejda mill-Perijodu Preċedenti (PPSR) biex ikopri l-emissjonijiet mil-LULUCF u mill-NF3, sa fejn l-emissjonijiet tiegħu jaqbżu l-ammont assenjat lilu. Jekk ikun ċar li Stat Membru individwali jkun għadu qed jiffaċċja emissjonijiet netti sinifikanti mhux mistennija mil-LULUCF u mill-NF3, minkejja li jkun qiegħed jimplimenta politiki b'saħħithom biex jillimitahom, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra għażliet oħrajn biex tgħin lil tali Stat Membru.

(15)

F'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2012 u l-offerta tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li jadottaw mira ta' 80 % skont it-tieni perijodu ta' impenn, il-livelli tal-emissjonijiet tal-Istati Membri huma ekwivalenti għall-ammont tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perijodu mill-2013 sal-2020 kif iddeterminat skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dak l-ammont, ibbażat fuq il-valuri tal-potenzjal ta' tisħin globali mir-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima, ġie ddeterminat taħt l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/162/UE (6) u aġġustat mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/634/UE (7). Il-livell tal-emissjonijiet għall-Islanda ġie ddeterminat fil-Ftehim mal-Islanda.

(16)

F'konformità mal-premessa 11, l-unitajiet tal-ammont assenjat disponibbli fir-reġistru tal-Unjoni fl-aħħar tat-tieni perijodu ta' impenn għandhom jirritornaw fir-reġistri tal-Istati Membri wara li l-Unjoni tkun ikkonformat mal-obbligu tagħha stabbilit fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(7) ta' dak ir-Regolament. L-allokazzjoni tal-unitajiet tal-ammont assenjat li jiġu rritornati tindirizza ċ-ċirkostanzi uniċi tar-ratifika tal-Emenda ta' Doha, u mhijiex applikabbli għal, u ma tippreġudikax, kwalunkwe distribuzzjoni ta' sforzi fost l-Istati Membri f'kuntesti oħra, la fil-livell internazzjonali u lanqas f'dak tal-Unjoni.

(17)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013, l-Istati Membri huma mitluba jirrappurtaw l-allokazzjoni attwali jew stmata tal-emissjonijiet ivverifikati rrappurtati minn installazzjonijiet u operaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE għall-kategoriji tas-sors tal-inventarju nazzjonali tal-gass b'effett ta' serra, meta possibbli, u l-proporzjon ta' dawk l-emissjonijiet ivverifikati mqabbel mal-ammont totali tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra rrappurtati fil-kategoriji tas-sorsi. Dan jippermetti li l-Istati Membri jirrappurtaw b'mod separat dwar l-emissjonijiet koperti mil-livelli ta' emissjonijiet proprji tagħhom. It-taqsima dwar l-ammont assenjat lill-Unjoni fir-rapport tal-Unjoni għandha tidentifika l-ammont tal-emissjonijiet koperti bl-ammont assenjat tal-Unjoni li jkun seħħ f'kull Stat Membru.

(18)

Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto ddeċidiet li sal-15 ta' April 2015, kull Parti b'impenn elenkat fit-tieni perijodu ta' impenn għandha tippreżenta rapport lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni, sabiex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat tal-Unjoni, u rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont konġunt assenjat tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Islanda għandhom jippreżentaw ir-rapporti tagħhom sal-15 ta' April 2015, li ser jiddetermina l-ammonti assenjati lilhom bħala ekwivalenti għal-livelli tal-emissjonijiet tagħhom kif elenkati fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

(19)

Sabiex ikun enfasizzat l-impenn tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għal dħul fis-seħħ f'waqtu tal-Emenda ta' Doha, l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda għandhom jagħmlu ħilithom biex jirratifikawha sa mhux aktar tard mit-tielet trimestru tal-2015.

(20)

L-Emenda ta' Doha għandha tiġi approvata f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li dwarha sar ftehim fit-8 ta' Diċembru 2012 f'Doha hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Emenda ta' Doha huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jissodisfaw l-impenji tagħhom skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta' Kjoto u l-Emenda ta' Doha f'konformità man-notifika tat-termini tal-ftehim ta' twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta' Kjoto f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta' Kjoto (“in-Notifika”), li tinsab fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-ammonti assenjati għall-Istati Membri u l-Islanda għandhom ikunu ekwivalenti għal-livelli tal-emissjonijiet stipulati fin-Notifika. Sal-15 ta' April 2015, kull Stat Membru għandu jressaq rapport lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni biex jiġi ffaċilitat il-kalkolu tal-ammont assenjat lilu, f'konformità mar-rekwiżiti tal-Protokoll ta' Kjoto, l-Emenda ta' Doha u d-deċiżjonijiet adottati skont dawn.

2.   Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat tal-Unjoni, u rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont konġunt assenjat tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda (“l-ammont konġunt assenjat”), f'konformità mar-rekwiżiti tal-Protokoll ta' Kjoto, l-Emenda ta' Doha u d-deċiżjonijiet adottati skont dawn. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dan ir-rapport lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni sal-15 ta' April 2015.

Artikolu 4

1.   L-unitajiet kollha tal-ammont assenjat maħruġa għat-tieni perijodu ta' impenn li jkunu disponibbli fir-reġistru tal-Unjoni wara li l-Unjoni tkun ikkonformat mal-obbligu tagħha stabbilit fl-Artikolu 11(3) tar- Regolament (UE) Nru 525/2013 u wara li jkun sar kwalunkwe trasferiment ta' unitajiet ta' ammont assenjat skont atti ta' implimentazzjoni adottati abbażi tal-Artikolu 10(7) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 (“eċċess tal-Unjoni”) għandhom jiġu rritornati lill-Istati Membri fi tmiem it-tieni perijodu ta' impenn.

2.   L-eċċess tal-Unjoni għandu jiġi allokat lill-Istati Membri kif ġej:

(a)

wieħed minn sitta tal-eċċess tal-Unjoni għal Stati Membri li naqqsu l-emissjonijiet annwali medji totali tagħhom b'aktar minn 20 % relattivament għas-sena bażi individwali tagħhom jew il-perijodu taħt il-Protokoll ta' Kjoto sal-aħħar tat-tieni perijodu ta' impenn proporzjonalment għas-superament tal-objettivi tagħhom f'tunnellati;

(b)

terz tal-eċċess tal-Unjoni għal Stati Membri li jirċievu trasferiment taħt il-punt (a) u li jkollhom PDG per capita (skont il-PDG fl-2013 f'euro bil-prezzijiet tas-suq) taħt is-60 % tal-medja tal-Unjoni proporzjonalment għas-superament tal-objettivi tagħhom f'tunnellati;

(c)

terz tal-eċċess tal-Unjoni għall-Istati Membri kollha proporzjonalment għal-livelli ta' emissjonijiet totali tagħhom kif stabbilit fit-Tabella 1 fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni;

(d)

wieħed minn sitta tal-eċċess tal-Unjoni għal Stati Membri li jkollhom PDG per capita (skont il-PDG fl-2013 f'euro bil-prezzijiet tas-suq) taħt id-90 % tal-medja tal-Unjoni proporzjonalment għal-livelli ta' emissjonijiet totali tagħhom kif stabbilit fit-Tabella 1 fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna jew persuni bis-setgħa li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument ta' aċċettazzjoni mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'konformità mal-Artikoli 20(4) u 21(7) tal-Protokoll ta' Kjoto, flimkien ma' dikjarazzjoni tal-kompetenza li tinsab fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(3) tal-Protokoll ta' Kjoto.

2.   Il-President tal-Kunsill għandu wkoll jaħtar il-persuna jew persuni bis-setgħa li jippreżentaw, f'isem l-Unjoni, in-Notifika lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni f'konformità mal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta' Kjoto.

Artikolu 6

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jieħdu l-passi kollha meħtieġa bil-ħsieb li jiddepożitaw l-istrumenti ta' aċċettazzjoni tagħhom simultanjament mal-istrument ta' aċċettazzjoni tal-Unjoni, u sa fejn possibbli fit-tielet trimestru tal-2015. Meta jiddepożitaw l-istrumenti ta' aċċettazzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, f'isimhom stess, in-Notifika lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni f'konformità mal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta' Kjoto.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni qabel it-tielet sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar il-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa li għandha ssir mit-8 sat-13 ta' Frar 2015, bid-deċiżjonijiet tagħhom li jaċċettaw l-Emenda ta' Doha jew, skont iċ-ċirkostanzi, bid-data probabbli tat-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal tali aċċettazzjoni. F'koperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha ssib data li fiha l-istrumenti ta' approvazzjoni jew ta' aċċettazzjoni jiġu ddepożitati simultanjament.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. ETGEN


(1)  Kunsens tal-10 ta' Ġunju 2015 (għadu mhuwiex ippubblikat fil-ĠU).

(2)  Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63) u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(3)  Ara paġna 17 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(5)  Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(6)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/162/UE tas-26 ta' Marzu 2013 dwar kif għandhom jiġu ddeterminati l-unitajiet tal-allokazzjoni ta' emissjonijiet annwali tal-Istati Membri għall-perijodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 90, 28.3.2013, p. 106).

(7)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/634 tal-31 ta' Ottubru 2013 dwar l-aġġustamenti fl-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perijodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 292, 1.11.2013, p. 19).

(8)  Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).


Top