This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D0772
Council Decision (EU) 2015/772 of 11 May 2015 establishing the Employment Committee and repealing Decision 2000/98/EC
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/772 tal-11 ta' Mejju 2015 li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Impjiegi u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/98/KE
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/772 tal-11 ta' Mejju 2015 li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Impjiegi u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/98/KE
ĠU L 121, 14.5.2015, p. 12–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32000D0098 | 01/01/1001 |
14.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 121/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/772
tal-11 ta' Mejju 2015
li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Impjiegi u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/98/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 150 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 5 tat-Trattat jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tieħu miżuri biex tiżgura l-koordinazzjoni tal-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri bil-ħsieb li titjieb l-effettività tagħhom billi tiġi żviluppata strateġija koordinata tal-impjiegi. |
(2) |
It-Titolu IX tat-Tielet Parti tat-Trattat tistabbilixxi l-proċeduri li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom isegwu biex jaħdmu lejn l-iżvilupp ta' strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u li tadatta u swieq tax-xogħol li jwieġbu għall-bidla ekonomika. |
(3) |
Fit-twettiq tax-xogħol tiegħu, li jinkludi li jagħti pariri u jikkontribwixxi għall-ħidma tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-Kumitat tal-Impjiegi (“il-Kumitat”) għandu jikkontribwixxi sabiex jiżgura li l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi, il-koordinazzjoni tal-politika makroekonomika u l-proċess tar-riforma ekonomika jiġu fformulati u implementati b'mod konsistenti u ta' appoġġ reċiproku; |
(4) |
Il-Kumitat għandu jikkollabora mill-qrib mal-imsieħba soċjali, b'mod partikolari ma' dawk rappreżentati fis-Summit Tripartit Soċjali għat-Tkabbir u l-Impjiegi stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/174/KE (1). |
(5) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill Ewropew iddikjara li għandha tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Bħala l-ewwel pass, huwa importanti li tiġi sorveljata aħjar u titqies is-sitwazzjoni soċjali u dik tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, partikolarment permezz tal-użu ta' indikaturi soċjali u dawk tal-impjiegi adatti fis-Semestru Ewropew. Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-politiki dwar l-impjiegi u dawk soċjali, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali. |
(6) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2013, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi, dawk dwar l-impjiegi u dawk soċjali ser tittejjeb aktar f'konformità mal-proċeduri eżistenti filwaqt li jiġu rrispettati b'mod sħiħ il-kompetenzi nazzjonali. Il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li dan jirrikjedi aktar ħidma biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill sabiex tiġi żgurata konsistenza ta' dawk il-politiki f'konformità mal-objettivi komuni. |
(7) |
Din id-deċiżjoni għandha għandha tirrifletti l-iżvilupp tas-Semestru Ewropew u r-rwol tal-Kumitat f'dan il-proċess. B'mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (2) jistabbilixxi li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika, il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jiġu kkonsultati fil-qafas tas-Semestru Ewropew, fejn ikun xieraq. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi li r-rieżamijiet profondi għandhom iqisu, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet jew stediniet tal-Kunsill indirizzati lill-Istati Membri. Jistabbilixxi wkoll li pjan ta' azzjoni korrettiv għal kwalunkwe Stat Membru li tkun infetħet għalih proċedura ta' żbilanċ eċċessiv għandu jqis l-impatt ekonomiku u soċjali tal-azzjonijiet ta' politika u għandu jkun konsistenti mal-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika u l-linji gwida dwar l-impjiegi. |
(8) |
Il-Kumitat u l-korpi tal-Unjoni involuti fil-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi u soċjali, b'mod partikolari l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, l-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib. Fejn adatt u meta jintlaħaq qbil reċiproku bejn il-Kumitati involuti, il-kooperazzjoni tal-Kumitat mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika jistgħu jinkludu l-organizzazzjoni ta' laqgħat konġunti, b'mod partikolari fil-kuntest tar-rwoli rispettivi tal-Kumitati fis-Semestru Ewropew. |
(9) |
Sabiex iwettaq b'mod effettiv il-mandat tiegħu skont it-Trattat u biex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa sabiex tiġi adattata l-iskeda tal-attivitajiet tal-Kumitat, b'mod partikolari fil-qafas taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, għandhom jiġu riveduti d-dispożizzjonijiet ta' governanza relatati mal-funzjonament tal-Kumitat bil-għan li jiġu żgurati l-effiċjenza u l-kontinwità. |
(10) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/98/KE (4) għandha titħassar, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment
B'dan huwa stabbilit Kumitat tal-Impjiegi (“il-Kumitat”), bi status konsultattiv, biex jippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-impjiegi u l-politiki dwar is-swieq tax-xogħol, f'konformità sħiħa mat-Trattat u b'kont xieraq għas-setgħat tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.
Artikolu 2
Kompiti
1. Il-kompiti tal-Kumitat għandhom ikunu:
(a) |
li jissorvelja s-sitwazzjoni tal-impjiegi u l-politiki tal-impjiegi fl-Istati Membri u fl-Unjoni; |
(b) |
mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240 tat-Trattat, li jifformula opinjonijiet fuq it-talba jew tal-Kunsill inkella tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, u li jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-proċedimenti tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 148 tat-Trattat. |
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kumitat għandu, b'mod partikolari, jagħmel ħiltu biex:
(a) |
jippromwovi l-kunsiderazzjoni tal-objettiv ta' livell għoli ta' impjieg fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni; |
(b) |
jikkontribwixxi għall-proċedura li twassal għall-adozzjoni tal-linji gwida ekonomiċi ġenerali sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-linji gwida dwar l-impjiegi u dawk il-linji gwida u jikkontribwixxu għas-sinerġija bejn l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi, il-koordinazzjoni politika makroekonomika u l-proċess tar-riforma ekonomika b'mod ta' appoġġ reċiproku; |
(c) |
jipparteċipa b'mod attiv fid-djalogu makroekonomiku fil-livell tal-Unjoni; |
(d) |
jikkontribwixxi għall-aspetti kollha tas-Semestru Ewropew skont il-mandat tiegħu u jirrapporta dwarhom lill-Kunsill; |
(e) |
jippromwovi l-iskambji ta' informazzjoni u l-esperjenzi bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. |
3. Kull sena, il-Kumitat għandu jadotta programm ta' ħidma, filwaqt li jqis il-prijoritajiet ta' politika tal-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-programm ta' ħidma għandu jintbagħat lill-Kunsill.
4. Il-Kumitat jista' jsejjaħ għal esperti esterni fejn ikun meħtieġ għall-aġenda tiegħu.
Artikolu 3
Sħubija
1. Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru żewġ membri fil-Kumitat. Dawn jistgħu jaħtru wkoll żewġ membri supplenti.
2. Il-membri tal-Kumitat u s-sostituti għandhom jintgħażlu minn fost uffiċjali għolja jew esperti li jippossjedu kompetenza notevoli fil-qasam tal-impjiegi u tal-politika tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri.
3. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jiksbu bilanċ bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tal-Kumitat.
Artikolu 4
Operat
1. Il-Kumitat għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri maħtura mill-Istati Membri għal terminu ta' sentejn. Il-President jista' jiġi rielett darba biss għal terminu ulterjuri ta' sentejn. Il-Kumitat jista', biex jiżgura l-effiċjenza u l-kontinwità tal-ħidma tiegħu, jiddeċiedi li jestendi l-mandat ta' President b'mhux aktar minn tmien xhur f'każijiet debitament iġġustifikati. President jista' jservi sa total ta' erba' snin u tmien xhur.
2. Il-President għandu jkun megħjun minn erba' Viċi Presidenti, li tnejn minnhom għandhom jiġu eletti mill-Kumitat minn fost il-membri tiegħu għal mandat ta' sentejn, li jista' jiġġedded darba. It-tielet Viċi President għandu jkun rappreżentant mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill. Ir-raba' Viċi President għandu jkun rappreżentant mill-Istat Membru li jkollu f'idejh il-Presidenza li tkun tmiss.
3. Il-President għandu jiddelega d-dritt tal-vot tiegħu lill-membru supplenti tiegħu.
4. Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom jissejħu mill-President, jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba tal-maġġoranza tal-membri tal-Kumitat.
5. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.
6. L-ispejjeż għandhom jiġu rimborżati f'konformità mar-regoli amministrattivi fis-seħħ.
7. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ analitiku u organizzattiv adegwat lill-Kumitat. Il-Kummissjoni għandha taħtar membru mill-persunal tagħha bħala s-Segretarju. Is-Segretarju u l-persunal li jgħinuh għandhom jaġixxu fuq istruzzjonijiet tal-Kumitat meta jgħinu lill-Kumitat fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Is-Segretarju għandu jikkoopera mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tal-organizzazzjoni ta' laqgħat.
8. Il-Kumitat għandu jaħdem, kif ikun meħtieġ, f'kooperazzjoni ma' korpi u kumitati rilevanti oħra li jittrattaw kwistjonijiet ta' politika soċjali u ekonomika, bħall-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika, il-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-bord ta' tmexxija tan-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.
Artikolu 5
Gruppi ta' ħidma
1. Il-Kumitat jista' jafda l-istudju ta' kwistjonijiet speċifiċi lill-membri supplenti tiegħu jew jista' jistabbilixxi gruppi ta' ħidma għal dan il-għan. Il-Presidenza ta' grupp ta' ħidma bħal dan għandha timtela jew minn Viċi President tal-Kumitat, membru jew membru supplenti tal-Kumitat, uffiċjal tal-Kummissjoni, inkella minn membru tal-grupp ta' ħidma stess maħtur mill-Kumitat.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ analitiku u organizzattiv adegwat lill-gruppi ta' ħidma.
3. Il-gruppi ta' ħidma jistgħu jitolbu għajnuna minn esperti.
4. Il-Kumitat jista' jistabbilixxi bl-istess mod gruppi ta' ħidma konġunti ma' kumitati jew korpi oħra, li r-regoli ta' tmexxija tagħhom jiġu ddeterminati b'mod konġunt.
Artikolu 6
Konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali
Fit-twettiq tal-mandat tiegħu, il-Kumitat għandu jikkonsulta l-imsieħba soċjali. F'dan il-kuntest, huwa għandu jistabbilixxi kuntatti mal-imsieħba soċjali rappreżentanti fis-Summit Tripartit Soċjali għat-Tkabbir u l-Impjiegi.
Artikolu 7
Dispożizzjonijiet transizzjonali
Il-mandat ta' kull membru elett f'konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2000/98/KE għandu jkompli sat-tmiem ta' dak il-mandat kif determinat f'konformità mal-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni. Id-data tal-bidu ta' mandat bħal dan għandha titqies bħala d-data tal-elezzjoni li tkun saret f'konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2000/98/KE.
Artikolu 8
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2000/98/KE għandha titħassar mid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Dik il-laqgħa għandha ssir mhux aktar tard minn erba' xhur wara d-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
J. DŪKLAVS
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/174/KE tas-6 ta' Marzu 2003 li tistabbilixxi Summit Tripartit Soċjali għall-Iżvilupp u x-Xogħol ( ĠU L 70, 14.3.2003, p. 31).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).
(3) Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/98/KE tal-24 ta' Jannar 2000 li tistabbilixxi l-Kumitat tax-Xogħol (ĠU L 29, 4.2.2000, p. 21).