Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1377

    Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1377/2014 tat- 18 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU L 367, 23.12.2014, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Impliċitament imħassar minn 32014R0609

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1377/oj

    23.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 367/14


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) Nru 1377/2014

    tat-18 ta' Diċembru 2014

    li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (1),

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 10(4) sa (8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (2), il-Kummissjoni għandha tikkalkula u tgħarraf lill-Istati Membri bl-aġġustamenti għar-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom (3) (“riżorsa tal-VAT”) u fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING) imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) ta' dik id-Deċiżjoni (“riżorsa addizzjonali”) fi żmien suffiċjenti sabiex huma jdaħħlu dawn l-aġġustamenti fil-kont tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru.

    (2)

    F'ċirkostanzi eċċezzjonali, dawn l-aġġustamenti jistgħu jirriżultaw f'ammonti għoljin ħafna li jistgħu jaqbżu b'mod sostanzjali, fir-rigward ta' xi Stati Membri, xahrejn ta' wieħed minn tnax li għandhom isiru disponibbli bħala riżorsi tal-VAT u r-riżorsa addizzjonali, u b'kollox, għall-Istati Membri kollha, nofs xahar aggregat minn wieħed minn tnax.

    (3)

    Għal xi Stati Membri l-obbligu li jagħmlu disponibbli tali ammonti kbar jistgħu jirrappreżentaw piż finanzjarju kbir li jista' jikkawża diffikultà fiskali qawwija fuq dawk l-Istati Membri, b'mod partikolari lejn tmiem is-sena.

    (4)

    Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li jipposponu t-tqegħid ta' dawn l-ammonti għad-dispożizzjoni sal-ewwel jum tax-xogħol ta' Settembru tas-sena ta' wara, jekk jiġu sodisfatti ċerti kondizzjonijiet.

    (5)

    Mingħajr preġudizzju għall-obbligu eżistenti li jagħmel disponibbli lill-Kummissjoni l-ammonti mitluba, kull Stat Membru li jiddeċiedi li japplika din l-għażla għandu jibgħat talba lill-Kummissjoni, minn ħafna qabel l-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru, li turi d-data jew id-dati li fihom l-aġġustamenti jkunu se jsiru disponibbli, sabiex ikun hemm ġestjoni effiċjenti tal-ħtiġijiet fi flus kontanti tal-Unjoni. Kull dewmien biex isiru disponibbli l-aġġustamenti fid-data jew id-dati kkomunikati lill-Kummissjoni għandu jagħti lok għal imgħax skont il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

    (6)

    L-ammonti li għandhom ikunu disponibbli fl-ewwel jum ta' xogħol ta' Diċembru 2014 bħala riżultat ta' aġġustamenti huma ta' daqs mingħajr preċedent, sitwazzjoni li ma setgħetx tiġi prevista meta r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 ġie adottat.

    (7)

    Sabiex jiġi evitat li din is-sitwazzjoni eċċezzjonali u mhux mistennija toħloq restrizzjonijiet baġitarji kbar iżżejjed fuq l-Istati Membri eżatt qabel tmiem is-sena, l-opzjoni prevista f'dan ir-Regolament għandha tkun applikabbli għal aġġustamenti li, skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, kellhom jiddaħħlu fil-kontijiet tal-Kummissjoni fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru 2014. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri li jixtiequ jibbenefikaw minn dik l-opzjoni diġà bagħtu talba formali ma' skeda ta' ħlas lill-Kummissjoni qabel l-ewwel jum ta' xogħol ta' Diċembru 2014.

    (8)

    Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “7a   Minkejja r-regoli stabbiliti fil-paragrafi 4 sa 7 ta' dan l-Artikolu, Stat Membru jista', fuq talba formali lill-Kummissjoni, idaħħal fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ammonti li għandhom jiġu kkreditati lill-Kummissjoni skont dawk il-paragrafi sal-ewwel jum tax-xogħol ta' Settembru tas-sena ta' wara, jekk tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-Istat Membru kkonċernat ikollu jdaħħal fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru ammont akbar minn tnejn ta' wieħed minn tnax tat-total għal dak l-Istat Membru fil-baġit għar-riżorsi tal-VAT u r-riżorsa addizzjonali, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, kif applikabbli fil-15 ta' Novembru tal-istess sena, jew

    (b)

    l-Istati Membri bħala total ikollhom idaħħlu fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru ammont akbar minn nofs minn wieħed minn tnax tat-total fil-baġit għar-riżorsi tal-VAT u r-riżorsa addizzjonali, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u jiġu applikati r-rati tal-kambju definiti f'dak is-subparagrafu, kif applikabbli fil-15 ta' Novembru tal-istess sena.

    L-Istati Membri jistgħu japplikaw biss l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jekk huma jkunu bagħtu t-talba formali lill-Kummissjoni qabel l-ewwel jum ta' xogħol ta' Diċembru bi skeda ta' ħlas, li tinkludi d-data jew id-dati tad-dħul tal-ammont tal-aġġustamenti fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1).

    Malli tirċievi talba formali l-Kummissjoni għandha tikkonferma li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) jew fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu jkunu ġew sodisfatti u għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar dan.

    Kull dewmien fid-dħul tal-ammont tal-aġġustamenti fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) fid-data jew id-dati kkomunikati lill-Kummissjoni taħt it-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jagħti lok għal pagament ta' imgħax mill-Istat Membru kkonċernat skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika għall-ammonti li għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 wara t-30 ta' Novembru 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. GOZI


    (1)  Opinjoni tas-27 ta' Novembru 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1).

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).


    Top