Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0526

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 526/2014 tat- 12 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għad-determinazzjoni ta' firxa ta' approssimazzjoni indiretta u portafolli iżgħar limitati għar-riskju tal-aġġustament tal-valwazzjoni tal-kreditu Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 148, 20.5.2014, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/526/oj

    20.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 148/17


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 526/2014

    tat-12 ta' Marzu 2014

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għad-determinazzjoni ta' firxa ta' approssimazzjoni indiretta u portafolli iżgħar limitati għar-riskju tal-aġġustament tal-valwazzjoni tal-kreditu

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, u partikolarment it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 383(7) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-applikazzjoni ta' metodu avvanzat għad-determinazzjoni ta' rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tal-Aġġustament tal-Valwazzjoni tal-Kreditu (CVA) jista' jkun li tinvolvi kontropartijiet li ma jkollhom l-ebda firxa ta' Swap ta' Inadempjenza tal-Kreditu (CDS). Fejn dan ikun il-każ, l-istituzzjonijiet għandhom jużaw firxa li hija xierqa fir-rigward tal-klassifikazzjoni, l-industrija u r-reġjun tal-kontroparti (“firxa ta' approssimazzjoni indiretta”) skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 383(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    (2)

    Ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-firxa ta' approssimazzjoni indiretta għar-riskju ta' CVA għandhom jipprevedu l-użu ta' kategoriji wiesgħa tal-klassifikazzjoni, l-industrija u r-reġjun, u għandhom jippermettu lill-istituzzjonijiet il-flessibbiltà neċessarja biex jiddeterminaw l-aktar firxa ta' approssimazzjoni indiretta xierqa skont il-ġudizzju espert tagħhom.

    (3)

    Fl-ispeċifikazzjoni aktar dettaljata ta' kif l-attributi tal-klassifikazzjoni, l-industrija u r-reġjun tal-emittenti uniċi għandhom jiġu kkunsidrati mill-istituzzjonijiet fl-istima tal-firxa ta' approssimazzjoni indiretta xierqa għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti tal-fondi proprji, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 575/2013, għandhom jiġu stabbiliti regoli għal konsiderazzjoni ta' dawn l-attributi b'referenza għall-kategoriji minimi għal kull attribut, sabiex tkun żgurata applikazzjoni armonizzata ta' dawn il-kundizzjonijiet.

    (4)

    Barra minn hekk, fil-każ ta' emittent uniku, fejn tkun teżisti konnessjoni, bħal bejn gvern reġjonali jew awtorità lokali u s-sovran, għandu jkun possibbli li ssir stima ta' firxa ta' approssimazzjoni indiretta xierqa fuq il-bażi tal-firxa tal-kreditu ta' emittent uniku, fejn dan iwassal għal stima aktar xierqa.

    (5)

    Sabiex iwasslu għal komputazzjoni xierqa tar-riskju ta' ħlas ta' CVA, għandha tiġi determinata firxa ta' approssimazzjoni indiretta permezz tad-dejta li ġiet osservata f'suq likwidu u s-suppożizzjonijiet fir-rigward tad-dejta, bħall-interpolazzjoni u l-estrapolazzjoni tad-dejta li tirrelata ma' maturitajiet differenti, għandhom ikunu konċettwalment sodi.

    (6)

    Sabiex tiġi żgurata l-konverġenza tal-prattiki fost l-istituzzjonijiet u sabiex jiġu evitati inkonsistenzi, meta wieħed iqis il-probabbiltajiet implikati ta' inadempjenza (“PDs”), il-firxiet tal-Iswaps ta' Inadempjenza tal-Kreditu (“CDS”) u t-telf fil-każ ta' inadempjenza (“LGD”) jikkostitwixxu ekwazzjoni waħda b'żewġ fatturi varjabbli mhux magħrufa u li l-konvenzjoni tas-suq hija li jintuża valur fiss għal LGD sabiex jinħarġu PDs implikati minn firxiet tas-suq, l-istituzzjonijiet għandhom jużaw valur għal “LGDMKT” li huwa konsistenti ma' LGD fiss li huma komunement użati minn parteċipanti fis-suq għad-determinazzjoni tal-PDs implikati minn dawk il-firxiet ta' kreditu likwidu negozjati li ntużaw biex tiġi ddeterminata l-firxa ta' kredit ta' approssimazzjoni indiretta għall-kontroparti inkwistjoni.

    (7)

    Għall-finijiet tal-permess għall-użu tal-metodu CVA avvanzat għal numru limitat ta' portafolli iżgħar, huwa xieraq li jiġi kkunsidrat portafoll bħala sett ta' netting kif definit fl-Artikolu 272(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 in-numru tat-tranżazzjonijiet tal-metodu tal-mudell mhux intern (“IMM”) soġġett għar-riskju ta' ħlas CVA u d-daqs ta' settijiet ta' netting mhux IMM soġġetti għar-riskju ta' ħlas CVA, u biex dawn jitnaqqsu f'termini ta' perċentwal tal-għadd totali tat-tranżazzjonijiet kollha soġġetti għar-riskju ta' ħlas CVA u perċentwal tad-daqs totali tas-settijiet kollha tan-netting soġġetti għall-kalkolu tar-riskju ta' ħlas CVA, sabiex jitqiesu d-dimensjonijiet differenti tal-istituzzjonijiet.

    (8)

    Sabiex jittaffew in-nuqqasijiet fil-kontinwità possibbli fl-użu tal-metodu CVA avvanzat għal numru limitat ta' portafolli iżgħar, l-użu tal-metodu CVA avvanzat għandu jitwaqqaf biss meta jinkisru l-limiti kwantitattivi għal żewġ trimestri konsekuttivi

    (9)

    Barra minn hekk, sabiex jagħmluha possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jwettqu d-dmirijiet tagħhom ta' sorveljanza b'mod effiċjenti, huma għandhom ikunu kapaċi jagħrfu meta l-ħtieġa ta' għadd limitat ta' portafolli iżgħar ma tibqax tiġi sodisfatta; għalhekk l-istituzzjonijiet għandhom jinnotifikaw l-awtoritajiet kompetenti f'dawk il-każijiet.

    (10)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

    (11)

    L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Id-determinazzjoni ta' firxa ta' approssimazzjoni indiretta xierqa

    1.   Il-firxa ta' approssimazzjoni xierqa għal kontroparti partikolari tkun meqjusa xierqa wara li jitqiesu l-klassifikazzjoni, l-industrija u r-reġjun tal-kontroparti skont ir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 383(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fejn ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-firxa ta' approssimazzjoni indiretta ġiet determinata billi tqiesu l-attributi kollha tal-klassifikazzjoni, l-industrija u r-reġjun tal-kontroparti kif speċifikat fil-punti (b), (c) u (d);

    (b)

    l-attribut tal-klassifikazzjoni ġie definit billi tqies l-użu ta' ġerarkija predeterminata ta' sorsi ta' klassifikazzjonijiet interni u esterni. Il-klassifikazzjonijiet jiġu mmappjati għal passi ta' kwalità ta' kreditu, kif imsemmi fl-Artikolu 384(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. F'każijiet fejn bosta klassifikazzjonijiet esterni huma disponibbli l-immappjar tagħhom tal-passi tal-kwalità tal-kreditu għandu jsegwi l-approċċ ta diversi valutazzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Artikolu 138 ta' dak ir-Regolament;

    (c)

    L-attribut tal-industrija ġie determinat billi tqiesu minn tal-inqas il-kategoriji li ġejjin:

    (i)

    is-settur pubbliku;

    (ii)

    is-settur finanzjarju;

    (iii)

    oħrajn;

    (d)

    l-attribwit tar-reġjun ġie determinat billi tqiesu minn tal-inqas il-kategoriji li ġejjin:

    (i)

    l-Ewropa:

    (ii)

    l-Amerika ta' Fuq;

    (iii)

    l-Asja

    (iv)

    il-bqija tad-dinja.

    (e)

    il-firxa ta' approssimazzjoni indiretta tirrifletti b'mod rappreżentattiv firxiet ta' inadempjenza tal-kreditu disponibbli u firxiet ta' kreditu negozjat likwidi oħra, li jikkorrispondu għall-istrument ta' riskju rilevanti ta' kategoriji applikabbli u li jissodisfa l-kriterji tal-kwalità tad-dejta, imsemmija fil-paragrafu 3;

    (f)

    kemm tkun xierqa l-firxa ta' approssimazzjoni indiretta jiġi ddeterminat b'referenza għall-volatilità aktar milli għal-livell tal-firxa.

    2.   Waqt li jkunu qed jitqiesu l-attributi tal-klassifikazzjoni, l-industrija u r-reġjun tal-kontroparti skont il-paragrafu 1, l-istima tal-firxa ta' approssimazzjoni indiretta għandha tkun ikkunsidrata xierqa għal gvern reġjonali jew awtorità lokali abbażi tal-firxa ta' kreditu tal-emittenti sovran rilevanti meta xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

    (a)

    il-gvern reġjonali jew l-awtorità lokali u s-sovran jkollhom l-istess klassifikazzjoni;

    (b)

    ma hemm l-ebda klassifikazzjoni għall-gvern reġjonali jew l-awtorità lokali.

    3.   L-inputs kollha użati fid-determinazzjoni ta' firxa ta' approssimazzjoni indiretta jkunu bbażati fuq dejta affidabbli osservata fuq suq likwidu bidirezzjonali kif definit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 338(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għandu jkun hemm biżżejjed dejta disponibbli biex jiġu ġenerati firxiet ta' approssimazzjoni indiretta għall-maturitajiet rilevanti kollha u għall-perjodi storiċi msemmija fl-Artikolu 383(5) ta' dak ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Identifikazzjoni ta' LGDMKT

    Sabiex jiġi identifikat it-telf fil-każ ta' inadempjenza tal-kontroparti (LGDMKT) għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' CVA skont il-metodu avvanzat għal kontroparti li teħtieġ l-użu ta' firxa ta' approssimazzjoni indiretta, l-istituzzjonijiet jużaw il-valur għal LGDMKT li huwa konsistenti mal-LGDs fissi komunement użati minn parteċipanti fis-suq għad-determinazzjoni ta' PDs implikati minn dawk il-firxiet tas-suq li ntużaw biex tiġi determinata l-firxa ta' approssimazzjoni indiretta għall-kontroparti inkwistjoni skont l-Artikolu 1.

    Artikolu 3

    Limiti kwantitattivi fuq l-għadd u d-daqs tal-portafolli kwalifikanti

    1.   Biex jiġi ssodisfat il-kriterju ta' għadd limitat ta' portafolli iżgħar imsemmi fl-Artikolu 383(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin għandhom ikunu ssodisfati:

    (a)

    in-numru ta' kull tranżazzjoni mhux IMM soġġetta għar-riskju ta' ħlas CVA ma jaqbiżx il-15 % tal-għadd totali ta' tranżazzjonijiet soġġetti għal ħlas ta' riskju ta' CVA;

    (b)

    id-daqs ta' kull sett ta' netting mhux IMM individwali soġġett għar-riskju ta' CVA ma jaqbiżx il-1 % tad-daqs totali tas-settijiet tan-netting kollha soġġetti għal ħlas ta' riskju ta' CVA;

    (c)

    id-daqs totali ta' settijiet ta' netting mhux IMM kollha soġġetti għar-riskju ta' CVA ma jaqbiżx l-10 % tad-daqs totali tas-settijiet tan-netting kollha soġġetti għar-riskju ta' CVA.

    2.   Għall-finijiet tal-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, id-daqs ta' settijiet ta' netting għandu jkun l-iskopertura fl-inadempjenza tas-sett ta' netting ikkalkulat li juża l-metodu skont il-valur fis-suq msemmi fl-Artikolu 274 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 billi jqis l-effetti tan-netting, skont l-Artikolu 298 ta' dak ir-Regolament, iżda mhux l-effetti tal-kollateral.

    3.   Għall-iskop tal-paragrafu 1, l-istituzzjoni tikkalkula, għal kull trimestu, il-medja aritmetika,mill-inqas, tal-kummenti darba fix-xahar tal-proporzjonijiet ta' dawn li ġejjin:

    (a)

    l-għadd ta' tranżazzjonijiet non-IMM man-numru totali ta' tranżazzjonijiet;

    (b)

    id-daqs individwali tal-akbar sett ta' netting mhux IMM mad-daqs totali tas-settijiet tan-netting kollha; kif ukoll

    (c)

    id-daqs totali tas-settijiet tan-netting mhux IMM mad-daqs totali tas-settijiet tan-netting kollha.

    4.   Jekk il-kriterju speċifikat fil-paragrafu 1 mhuwiex issodisfat għal żewġ kalkoli konsekuttivi msemmija fil-paragrafu 3, l-istituzzjoni tuża l-metodu standardizzat stabbilit fl-Artikolu 384 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' CVA għal kull sett ta' netting mhux IMM u jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti.

    5.   Il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu applikati fuq bażi individwali, bażi konsolidata jew subkonsolidata, skont il-kamp ta' applikazzjoni tal-permess sabiex jintuża l-metodu tal-mudell intern imsemmi fl-Artikolu 283 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    Artikolu

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Marzu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12)


    Top