Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0448

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 448/2014 tat- 2 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 billi jaġġorna referenzi għall-Annessi tal-Konvenzjoni ta' Chicago Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 132, 3.5.2014, p. 53–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/01/2020; Impliċitament imħassar minn 32017R0373

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/448/oj

    3.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 132/53


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 448/2014

    tat-2 ta' Mejju 2014

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 billi jaġġorna referenzi għall-Annessi tal-Konvenzjoni ta' Chicago

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 6 u 7 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8b(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1035/2011 (3) jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għall-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. Dawk ir-regoli ta' implimentazzjoni jagħtu effett għall-istandards u l-obbligi previsti fil-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f'Chicago fis-7 ta' Diċembru 1944 (“il-Konvenzjoni ta' Chicago”), skont l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-Artikolu 2(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

    (2)

    L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) riċentement emendat l-Annessi 3, 4, 10, 11, 14 u 15 tal-Konvenzjoni ta' Chicago. L-emendi tal-Annessi 3, 4, 10, 11, l-emenda 11-A tal-Anness 14 u l-Anness 15 daħlu fis-seħħ fl-14 ta' Novembru 2013, filwaqt li l-emenda 11-B tal-Anness 14 hija prevista li tidħol fis-seħħ fl-14 ta' Novembru 2014.

    (3)

    Kif stabbilit fil-premessa 14 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011, sakemm ikun hemm traspożizzjoni sħiħa tal-istandards rilevanti tal-ICAO fil-liġi tal-Unjoni, is-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom joperaw b'konformità mal-istandards rilevanti tal-ICAO. Dan japplika wkoll fir-rigward tal-istandards riveduti li jirriżultaw mill-emendi riċenti tal-Annessi tal-Konvenzjoni ta' Chicago. Ir-referenzi għall-Konvenzjoni li jinsabu fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan..

    (4)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku li ġie stabbilit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 1035/2011 huma emendati kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

    (2)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1035/2011 tas-17 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 482/2008 u (UE) Nru 691/2010 (ĠU L 271, 18.10.2011, p. 23).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).


    ANNESS

    1.

    Fl-Anness I, il-punt 2.2.1, it-tieni paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

    “L-informazzjoni elenkata fil-punti (a) u (b) għandha tkun konsistenti mal-pjan ta' prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali msemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u, safejn jikkonċerna d-dejta dwar is-sikurezza, għandha tkun konsistenti mal-Programm tas-Sikurezza tal-Istat imsemmi fl-Istandard 3.1.1 tal-Anness 19 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), kif ikun applikabbli.”

    2.

    Fl-Anness II, il-punt 4, is-subparagrafi (b) u (c) jinbidlu b'dan li ġej:

    “(b)

    L-Anness 10 dwar it-telekomunikazzjonijiet ajrunawtiċi, il-Volum II dwar il-proċeduri ta' komunikazzjoni inklużi dawk bi Status ta' PANS fis-sitt edizzjoni tiegħu ta' Ottubru 2001, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 88-A;

    (c)

    L-Anness 11 dwar is-servizzi tat-traffiku tal-ajru fit-13-il edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2001, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 49 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 (*) kif ikun applikabbli.

    (*)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).”"

    3.

    Fl-Anness III, il-Punt 2, is-subparagrafi (a), (b) u (c) jinbidlu b'dan li ġej:

    “(a)

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012, l-Anness 3 dwar is-servizzi meteoroliġiċi għan-navigazzjoni tal-ajru internazzjonali fit-18-il edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2013, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 76.

    (b)

    L-Anness 11 dwar is-servizzi tat-traffiku tal-ajru fit-13-il edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2001, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 49 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 kif ikun applikabbli;

    (c)

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 139/2014 (**) tat-12 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b'rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Anness 14 dwar l-ajrudromi fil-verżjonijiet li ġejjin:

    (i)

    Il-Volum I dwar id-disinn u l-operazzjonijiet tal-ajrudrom fis-6 edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2013, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 11-A u mit-13 ta' Novembru 2014, inkluża wkoll l-emenda 11-B;

    (ii)

    Il-Volum II dwar il-ħeliporti fir-4 edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2013, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża Nru 5.

    (**)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b'rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1).”"

    4.

    Fl-Anness IV, il-punt 2, l-ewwel paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

    “(b)

    l-Annessi li ġejjin għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali safejn ikunu rilevanti għall-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni ajrunawtika fl-ispazju tal-ajru kkonċernat:

    (i)

    L-Anness 3 dwar is-servizzi meteoroloġiċi għan-navigazzjoni tal-ajru internazzjonali fit-18-il edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2013, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 76;

    (ii)

    L-Anness 4 dwar il-mapep ajrunawtiċi fil-11-il edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2009, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 57;

    (iii)

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 73/2010, l-Anness 15 dwar is-servizzi ta' informazzjoni ajrunawtika fl-14-il edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2013, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 37.”

    5.

    Fl-Anness V, il-punt 3, is-subparagrafi (a) sa (e) jinbidlu b'dan li ġej:

    “(a)

    Il-Volum I dwar l-għajnuniet għan-navigazzjoni bir-radju fis-6 edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2006, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 88-A;

    (b)

    Il-Volum II dwar il-proċeduri ta' komunikazzjoni inklużi dawk bi status ta' PANS fis-6 edizzjoni tiegħu ta' Ottubru 2001, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 88-A;

    (c)

    Il-Volum III dwar is-sistemi ta' komunikazzjoni fit-2 edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2007, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 88-A;

    (d)

    Il-Volum IV dwar is-sistemi ta' sorveljanza bir-radar u għall-evitar tal-kolliżjonijiet fir-4 edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2007, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża Nru 88-A;

    (e)

    Il-Volum V dwar l-użu tal-ispettru tal-frekwenzi tar-radju ajurunawtiku fit-3 edizzjoni tiegħu ta' Lulju 2013, inklużi l-emendi kollha sa u inkluża n-Nru 88-A.”



    Top