EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0112

Direttiva tal-Kunsill 2014/112/UE tad- 19 ta' Diċembru 2014 li timplimenta l-Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni konkluż mill-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 367, 23.12.2014, p. 86–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/112/oj

23.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 367/86


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2014/112/UE

tad-19 ta' Diċembru 2014

li timplimenta l-Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni konkluż mill-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 155(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-maniġment u l-ħaddiema, minn hawn 'il quddiem imsejħa “s-sħab soċjali” , jistgħu, f'konformità mal-Artikolu 155(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jitolbu b'mod konġunt li l-ftehimiet konklużi minnhom fil-livell tal-Unjoni, f'materji koperti mill-Artikolu 153 tat-TFUE, jkunu implimentati permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar proposta tal-Kummissjoni.

(2)

Permezz ta' ittra tal-10 ta' Diċembru 2007, l-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) infurmaw lill-Kummissjoni dwar ix-xewqa tagħhom li jidħlu f'negozjati taħt l-Artikolu 155(1) tat-TFUE bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim fil-livell tal-Unjoni.

(3)

Fil-15 ta' Frar 2012, l-EBU, l-ESO u l-ETF ikkonkludew Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ( “il-Ftehim” ).

(4)

Il-Ftehim kien jinkludi talba konġunta li l-Ftehim jiġi implimentat permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE.

(5)

L-istrument adatt biex jiġi implimentat il-Ftehim huwa direttiva.

(6)

Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew bil-proposta tagħha.

(7)

Il-Kummissjoni ħejjiet abbozz tal-proposta tagħha għal Direttiva, f'konformità mal-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta' Mejju 1998 dwar l-adattament u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali fil-livell tal-Komunità, b'kont meħud tal-istatus rappreżentattiv tal-partijiet firmatarji u l-legalità ta' kull paragrafu tal-Ftehim.

(8)

Sabiex isir kontribut għal qafas legali koerenti fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tieħu kont tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni u, minħabba l-kontenut tal-Ftehim, b'mod partikolari d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Dik id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta' saħħa u sikurezza għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inkluż dak tal-ħaddiema fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni.

(9)

Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jafdaw lis-sħab soċjali, fuq it-talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-objettivi ta' din id-Direttiva jistgħu jintlaħqu.

(10)

Għall-finijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/88/KE, din id-Direttiva u l-Ftehim anness magħha jistabbilixxu rekwiżiti relatati mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema mobbli fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni li huma aktar speċifiċi minn dawk ta' dik id-Direttiva.

(11)

Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-Unjoni li hija aktar speċifika jew li tagħti livell ogħla ta' protezzjoni lill-ħaddiema mobbli fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni.

(12)

Din id-Direttiva ma għandhiex tintuża biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti mill-Ftehim.

(13)

Din id-Direttiva u l-Ftehim anness magħha jistabbilixxu standards minimi. Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri u s-sħab soċjali li jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli.

(14)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha.

(15)

Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva, li hija maħsuba għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema f'settur prevalentement transkonfinali ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(16)

L-implimentazzjoni tal-Ftehim tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi taħt l-Artikolu 151 tat-TFUE.

(17)

F'konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (2), il-fatt li attività msemmija f'direttiva tkun għadha ma teżistix fi Stat Membru, dan ma jistax jeħles lil dak l-Istat Membru mill-obbligu tiegħu li jadotta liġijiet jew regolamenti sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva jiġu trasposti b'mod korrett. Kemm il-prinċipju ta' ċertezza legali kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-direttivi, fil-liġi u mhux biss fil-fatt, jirrikjedu li l-Istati Membri kollha jirriproduċu r-regoli tad-direttiva konċernata f'qafas ċar, preċiż u trasparenti li jipprovdi dispożizzjonijiet legali obbligatorji. Tali obbligu japplika għall-Istati Membri sabiex tiġi antiċipata kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni eżistenti fihom f'mument partikolari u sabiex jiġi żgurat li l-persuni ġuridiċi kollha fil-Komunità, inklużi dawk fl-Istati Membri fejn attività partikolari msemmija f'direttiva ma teżistix, jistgħu jkunu jafu b'mod ċar u preċiż, liema huma, fiċ-ċirkostanzi kollha, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Skont il-każistika, huwa biss fejn it-traspożizzjoni ta' direttiva tkun għalxejn għal raġunijiet ta' ġeografija li hija ma tkunx mandatorja. L-Istati Membri għandhom f'tali każijiet jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom.

(18)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (3), l-Istati Membri impenjaw rwieħhom li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur jikkunsidra li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva timplimenta l-Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, konkluż fil-15 ta' Frar 2012 mill-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), kif jinsab fl-Anness magħha.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

2.   L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandha taħt l-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri u tas-sħab soċjali li jistabbilixxu, fid-dawl ta' ċirkostanzi li jinbidlu, arranġamenti leġislattivi, regolatorji jew kuntrattwali differenti minn dawk prevalenti fil-ħin tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva, sakemm dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f'din id-Direttiva.

3.   L-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni, konswetudini jew prattika tal-Unjoni jew nazzjonali li tipprevedi kondizzjonijiet aktar favorevoli lill-ħaddiema konċernati.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema pieni huma applikabbli meta jinkisru d-dispożizzjonijiet nazzjonali promulgati konformement ma' din id-Direttiva. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).

(2)  Ara, inter alia, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Jannar 2010 fil-Każ C-343/08, Kummissjoni v Repubblika Ċeka ([2010] ECR I — 275).

(3)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tistabbilixxi standards minimi ġenerali li, bl-eċċezzjoni tat-taqsimiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1) (il-perjodi ta' serħan kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi għas-serħan, l-ammont ta' xogħol matul il-lejl) jirrelataw ukoll mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni. Madankollu, billi dawn ir-regolamenti ma jikkunsidrawx biżżejjed il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien speċifiċi għas-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, jinħtieġu aktar regoli speċifiċi, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/88/KE.

(2)

Dawn ir-regoli aktar speċifiċi għandhom jassiguraw livell għoli ta' saħħa u sikurezza tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni.

(3)

It-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa forma ta' trasport internazzjonali kkaratterizzat l-ewwel u qabel kollox minn attivitajiet transfruntieri fuq it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni Ewropej. Għalhekk is-settur tat-trasport Ewropew fl-ilmijiet navigabbli interni għandu jfittex li joħloq kondizzjonijiet ta' qafas omoġenji għas-suq tax-xogħol f'dan is-settur u jevita l-kompetizzjoni inġusta msejsa fuq id-differenzi bejn l-istrutturi statutorji tal-ħin tax-xogħol.

(4)

Fid-dawl tal-importanza tas-settur tat-trasport għall-kompetittività ekonomika, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet għaliha stess il-mira li tħeġġeġ dawn il-modi ta' trasport li jużaw inqas enerġija, li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jew li huma aktar sikuri (1). It-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa mod ta' trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent b'kapaċità disponibbli li tagħti kontribut sostenibbli għat-tneħħija tal-merkanzija mit-toroq u mil-linji ferrovjarji tal-Ewropa.

(5)

L-organizzazzjoni tax-xogħol tvarja fis-settur. L-għadd ta' ħaddiema u l-ħin tax-xogħol tagħhom abbord ivarjaw skont il-mod li bih jiġi organizzat ix-xogħol, l-impriża kkonċernata, iż-żona ġeografika ta' operazzjoni, it-tul tal-vjaġġ u d-daqs tal-inġenju. Xi wħud mill-bastimenti jaħdmu kontinwament, jiġifieri 24 siegħa kuljum, bil-persunal jaħdem bix-xift. Min-naħa l-oħra, b'mod partikolari impriżi ta' daqs medju għandhom it-tendenza li jħaddmu l-bastimenti tagħhom 14-il siegħa kuljum għal ħames jew sitt ijiem fil-ġimgħa. Fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, il-ħin tax-xogħol ta' ħaddiem abbord mhux l-istess bħall-ħin tal-operat ta' inġenju.

(6)

Wieħed mill-fatturi speċjali tas-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa li l-ħaddiema jista' jkollhom mhux biss il-post tax-xogħol tagħhom abbord iżda wkoll l-akkomodazzjoni jew il-kwartieri fejn jgħixu fuq il-bastiment. Għalhekk, ta' sikwit il-ħaddiema jqattgħu wkoll il-ħin ta' serħan abbord. Ħafna mill-ħaddiema fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, speċjalment dawk li jkunu 'l bogħod mid-dar, jaħdmu bosta jiem konsekuttivi abbord biex ifaddlu s-sigħat ta' vjaġġar u b'hekk ikunu jistgħu jqattgħu ħafna jiem id-dar jew f'postijiet oħra tal-għażla tagħhom. Pereżempju, bil-mudell tax-xogħol 1:1, ħaddiem ikollu l-istess għadd ta' jiem ta' serħan u jiem ta' xogħol. Għal din ir-raġuni l-għadd ta' jiem ta' xogħol konsekuttivi abbord u l-għadd ta' jiem ta' serħan jistgħu jikkorrispondu għal ċifra ogħla minn kif inhu l-każ għal xogħol fuq l-art.

(7)

Il-medja tal-ħin tax-xogħol fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jinkludi normalment ammont sinifikanti ta' ħin on-call għal dak li jista' jinqala' (pereżempju minħabba ħin ta' stennija mhux ippjanat fix-xtiebi ta' kanal jew matul it-tagħbija u l-ħatt tal-inġenju), li jistgħu jseħħu wkoll billejl. Għalhekk il-ħin massimu tax-xogħol ta' kuljum u fil-ġimgħa jista' jkun itwal minn dak stabbilit fid-Direttiva 2003/88/KE.

(8)

Fl-istess ħin irid jiġi rikonoxxut li l-ammont tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa influwenzat minn diversi fatturi, bħall-istorbju, il-vibrazzjoni u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (2), huwa previst li jsiru eżamijiet tas-saħħa kull sena għall-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet tax-xogħol speċifiċi f'dan is-settur.

(9)

Għandu jitqies il-piż addizzjonali li jinġarr mill-membri tal-ekwipaġġ matul ix-xogħol billejl billi l-għadd massimu ta' sigħat permessi billejl jiġi limitat u billi x-xogħol jiġi organizzat kif xieraq.

(10)

Apparti jimpjega l-ħaddiema, is-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni iħaddem ukoll ħaddiema għal rashom (3). L-istatus ta' ħaddiem għal rasu huwa determinat f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.

(11)

Il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fuq il-bastimenti tal-passiġġieri jvarjaw minn dawk fuq forom oħra ta' trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u għalhekk dispożizzjonijiet speċjali huma ġġustifikati. L-ambjent soċjali differenti, l-attivitajiet ta' xogħol diversi u n-natura staġunali ta' dan is-subsettur tas-settur tat-trasport Ewropew fl-ilmijiet navigabbli interni jidhru wkoll fid-differenzi fil-mod ta' kif ix-xogħol huwa organizzat.

Taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 154 u 155(2) tiegħu, il-firmatarji jitolbu b'mod konġunt li dan il-Ftehim konkluż fil-livell tal-UE jiġi implimenatat b'Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-partijiet firmatarji qablu dwar dan li ġej:

Paragrafu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.

Dan il-Ftehim għandu japplika għal ħaddiema mobbli li jkunu impjegati bħala membri tal-persunal tan-navigazzjoni (membri tal-ekwipaġġ) jew b'funżjoni oħra (persunal abbord) fuq inġenju li jopera fit-territorju ta' Stat Membru fis-settur kummerċjali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni.

2.

L-operaturi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ma għandhomx jitqiesu bħala ħaddiema skont it-tifsira ta' dan il-Ftehim, anki jekk ikollhom l-istatus ta' ħaddiema fl-impriża tagħhom stess.

3.

Dan il-ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali marbuta mas-sikurezza tat-trasport bil-baħar li japplikaw għal ħaddiema mobbli u għall-persuni msemmija fil-Paragrafu 1.2.

4.

Fejn ikunu jeżistu differenzi rigward il-perjodi ta' serħan għal ħaddiema mobbli bejn dan il-ftehim u xi dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li jikkonċernaw is-sikurezza tat-trasport bil-baħar, dawk id-dispożizzjonijiet li joffru grad ogħla ta' protezzjoni għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema għandu jkollhom preċedenża.

5.

Il-ħaddiema mobbli li jkunu impjegati abbord inġenju li jopera fit-territorju ta' Stat Membru barra s-settur kummerċjali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u li l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma s-suġġett ta' negozjar kollettivi u ftehimiet salarjali konklużi bejn l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema jistgħu jkunu koperti b'dan il-ftehim wara li dawn l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema jkunu ġew ikkonsultati u jkunu taw il-kunsens tagħhom, fejn id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ikunu aktar favorevoli għall-ħaddiema.

Paragrafu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“inġenju” tfisser bastiment jew unità li żżomm f'wiċċ l-ilma;

(b)

“bastiment tal-passiġġieri” tfisser bastiment li jintuża għal mawra ta' jum jew bastiment bil-kabini mibni u mgħammar biex iġorr aktar minn 12-il passiġġier;

(c)

“ħin tax-xogħol” tfisser il-ħin li matulu ħaddiem huwa skedat li jaħdem jew li matulu jrid ikun disponibbli li jaħdem (ħin “on call”) fuq u għal inġenju skont l-istruzzjonijiet ta' min iħaddem jew tar-rappreżentant ta' min iħaddem;

(d)

“ħin ta' serħan” tfisser il-ħin barra l-ħin tax-xogħol; dan it-terminu jkopri l-perjodi ta' serħan fuq inġenju li qed ibaħħar, fuq inġenju wieqaf, u fuq l-art. Ma jinkludix pawżi qosra (sa 15-il minuta);

(e)

“jum ta' serħan” tfisser perjodu kontinwu ta' serħan ta' 24 siegħa li l-ħaddiem iqatta' f'post tal-għażla tiegħu;

(f)

“operatur fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni” tfisser kull persuna li topera bastimenti għal raġunijiet kummerċjali fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fuq kont tagħha;

(g)

“skeda tax-xogħol” tinkludi l-jiem ta' xogħol ippjanati flimkien mal-jiem ta' serħan komunikati lill-ħaddiem bil-quddiem minn min iħaddem;

(h)

“ħin ta' billejl” tfisser il-ħin bejn il-23:00 u s-06:00;

(i)

“ħaddiem ta' billejl” tfisser

(aa)

minn naħa: kull ħaddiem li, tul il-ħin ta' billejl, jaħdem tal-inqas tliet sigħat tal-jum tax-xogħol tiegħu bħala ħidma normali;

(bb)

min-naħa l-oħra, kull ħaddiem li aktarx li billejl jaħdem ċertu proporzjon tal-ħin annwali tax-xogħol tiegħu, kif definit skont l-għażla tal-Istat Membru kkonċernat:

(aaa)

bil-leġiżlazzjoni nazzjonali, wara konsultazzjoni maż-żewġ partijiet tal-industrija,

jew

(bbb)

bi ftehimiet kollettivi jew ftehimiet konklużi bejn iż-żewġ partijiet tal-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali

(j)

“ħaddiem bix-xift” tfisser kull ħaddiem li l-iskeda tax-xogħol tiegħu hija parti minn xogħol bix-xift;

(k)

“il-persunal abbord” huwa ddefinit skont id-definizzjoni Nru 103 fl-Artikolu 1.01 tal-Anness II tad-Direttiva 2006/87/KE (4);

(l)

“ħaddiem mobbli” tfisser kull ħaddiem impjegat bħala membru ta' persunal tal-ivvjaġġar minn impriża li topera servizzi ta' trasport għall-passiġġieri jew għall-merkanzija fl-ilmijiet navigabbli interni; u referenza għall-“ħaddiema” f'dan il-Ftehim għandha tinftiehem skont dan;

(m)

“staġun” tfisser perjodu ta' mhux aktar minn disa' xhur konsekuttivi minn tnax-il xahar li matulu l-attivitajiet ikunu marbuta ma' ċerti żminijiet tas-sena minħabba f'ċirkostanzi esterni, eż. il-kondizzjonijiet meteoroloġiċi jew id-domanda għat-turiżmu.

Paragrafu 3

Ħin tax-xogħol u perjodu ta' referenza

1.

Mingħajr preġudizzju għall-Paragrafu 4, l-istandard tal-ħin tax-xogħol huwa msejjes fuq jum ta' tmien sigħat.

2.

Il-ħin tax-xogħol jista' jiġi estiż skont il-Paragrafu 4 sakemm il-medja ta' 48 siegħa fil-ġimgħa ma tinqabiżx fi 12-il xahar (il-perjodu ta' referenza).

3.

Il-ħin massimu ta' xogħol fil-perjodu ta' referenza huwa ta' 2 304 sigħat (bażi tal-kakolu: 52 gimgħa li minnhom jitnaqqsu minimu ta' erba' ġimgħat liv × 48 siegħa). Il-perjodi ta' liv annwali bi ħlas u l-perjodi ta' liv tal-mard ma għandhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-medja jew inkella għandhom ikunu newtralizzati. L-intitolament għall-ħin ta' serħan li jirriżulta mill-btajjel pubbliċi statutorji għandu jitnaqqas ukoll.

4

Għar-relazzjonijiet tal-impjieg b'inqas żmien mill-perjodu ta' referenza, il-ħin massimu tax-xogħol permess għandu jiġi kkalkolat pro rata.

Paragrafu 4

Ħin tax-xogħol ta' kuljum u fil-ġimgħa

1.

Il-ħin tax-xogħol ma għandux jaqbeż:

(a)

14-il siegħa f'kull perijodu ta' 24 siegħa, u

(b)

84 siegħa f'kull perjodu ta' sebat ijiem.

2.

Jekk skont l-iskeda tax-xogħol hemm aktar jiem ta' xogħol minn jiem ta' serħan, il-medja ta' 72 siegħa ta' ħin tax-xogħol fil-ġimgħa ma għandhiex tinqabeż fuq perjodu ta' erba' xhur.

Paragrafu 5

Jiem ta' xogħol u ta' serħan

1.

L-għadd tal-jiem ta' xogħol konsekuttivi ma jistax jaqbeż il-31.

2.

Jekk, skont l-iskeda tax-xogħol, l-għadd ta' jiem ta' xogħol ma jaqbiżx l-għadd ta' jiem ta' serħan, il-jiem ta' xogħol konsekuttivi għandhom ikunu segwiti minnufih bl-istess għadd ta' jiem ta' serħan konsekuttivi. L-eċċezzjonijiet għall-għadd ta' jiem ta' serħan konsekuttivi li jridu jingħataw minnufih għandhom ikunu permessi bil-kondizzjoni li:

(a)

l-għadd massimu ta' 31 jum ta' xogħol konsekuttivi ma jinqabiżx, u

(b)

l-għadd minimu ta' jiem ta' serħan konsekuttivi msemmi fi 3.a), 3.b) jew 3.c) jingħata minnufih wara l-jiem ta' xogħol konsekuttivi maħduma, u

(c)

il-perjodu ta' jiem ta' xogħol estiż jew skambjat jiġi bbilanċjat fil-perjodu ta' referenza.

3.

Jekk skont l-iskeda tax-xogħol, hemm aktar jiem ta' xogħol milli jiem ta' serħan, l-għadd minimu ta' jiem ta' serħan konsekuttivi li jsegwu minnufih il-jiem ta' xogħol konsekuttivi għandu jkun kif ġej:

(a)

Mill-ewwel jum sal-għaxar jum ta' xogħol konsekuttivi: 0.2 jiem ta' serħan għal kull jum ta' xogħol konsekuttiv (eż. 10 jiem ta' xogħol konsekuttivi = 2 jiem ta' serħan);

(b)

Mill-11-il jum sal-20 jum ta' xogħol konsekuttivi: 0.3 jiem ta' serħan għal kull jum ta' xogħol konsekuttiv (eż. 20 jiem ta' xogħol konsekuttivi = 5 jiem ta' serħan);

(c)

Mill-21 jum sal-31 jum ta' xogħol konsekuttivi: 0.4 jiem ta' serħan għal kull jum ta' xogħol konsekuttiv (pereżempju 31 jum ta' xogħol konsekuttivi = 9,4 jiem ta' serħan).

B'dan il-kalkolu, il-jiem ta' serħan parzjali għandhom jiżdiedu mal-għadd minimu ta' jiem ta' serħan konsekuttivi u jingħaddu biss bħala jiem sħaħ.

Paragrafu 6

Xogħol staġunali fuq bastimenti tal-passiġġieri

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5 tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu applikati għall-ħaddiema kollha impjegati fuq bastiment tal-passiġġieri matul l-istaġun:

1.

Il-ħin tax-xogħol ma għandux jaqbeż:

(a)

12-il siegħa f'kull perijodu ta' 24 siegħa; u

(b)

72 siegħa f'kull perjodu ta' sebat ijiem.

2.

Għal kull jum ta' xogħol kull ħaddiem għandu jingħata kumpens ta' 0,2 jiem ta' serħan. Fil-fatt għandhom jingħataw tal-inqas jumejn ta' serħan għal kull perjodu ta' 31 jum. Il-bqija tal-jiem ta' serħan għandhom jingħataw skont ftehim.

3.

Filwaqt li jitqiesu s-subparagrafu preċedenti, il-Paragrafu 3, u s-subparagrafu 4, il-jiem ta' serħan għandhom jingħataw u l-medja tal-ħin tax-xogħol ta' 48 siegħa għandha tinżamm skont il-Paragrafu 3 abbażi tal-ftehimiet kollettivi jew tal-ftehimiet bejn iż-żewġ partijiet tal-industrija jew, fl-assenza ta' ftehimiet bħal dawn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Paragrafu 7

Perjodi ta' serħan

Il-ħaddiema għandu jkollhom perjodi ta' serħan regolari li jkunu twal u kontinwi biżżejjed u li jitkejlu f'unitajiet ta' ħin biex jassiguraw li minħabba l-għeja jew tendenzi irregolari tax-xogħol, ma jkorrux lilhom infushom, lil ħaddiema sħabhom jew lil oħrajn u li ma jkunux ta' ħsara għal saħħithom, la fi żmien qasir u lanqas fit-tul.

Il-perjodi ta' serħan ma għandhomx ikunu iqsar minn:

(a)

10 sigħat f'kull perjodu ta' 24 siegħa li minnhom tal-inqas sitt sigħat ikunu kontinwi, u

(b)

84 siegħa f'kull perjodu ta' sebat ijiem.

Paragrafu 8

Pawżi

Kull ħaddiem li l-ħin tax-xogħol ta' kuljum tiegħu jaqbeż is-sitt sigħat għandu jingħata pawża ta' serħan li d-dettalji tagħha, b'mod partikolari t-tul u l-kondizzjonijiet biex tingħata, għandhom jiġu stipulati fil-ftehimiet kollettivi jew fil-ftehimiet bejn is-sħab soċjali jew, fl-assenza ta' dawn, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Paragrafu 9

Ħin tax-xogħol massimu billejl

Fuq il-bażi ta' ħin ta' billejl ta' seba' sigħat, il-ħin massimu tax-xogħol billejl għal kull ġimgħa għandu jkun 42 siegħa għal kull perjodu ta' sebat ijiem.

Paragrafu 10

Liv annwali

Kull ħaddiem għandu jkun intitolat għal liv annwali bi ħlas ta' mill-inqas erba' ġimgħat, jew għal proporzjon korrispondenti minnu jekk il-perjodu ta' impjieg ikun inqas minn sena, skont il-kondizzjonijiet għall-intitolament u l-għoti ta' liv bħal dan stipulat bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prassi nazzjonali.

Il-perjodu minimu ta' liv annwali bi ħlas ma jistax jinbidel b' allowance in lieu, għajr meta r-relazzjoni tal-impieg tintemm.

Paragrafu 11

Protezzjoni tal-minorenni

1.

Il-ħaddiema li għadhom taħt it-18-il sena għandhom ikunu koperti bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/33/KE dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol (5).

2.

Bħala eċċezzjoni, permezz ta' dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ix-xogħol ta' żgħażagħ li għandhom aktar minn 16-il sena u li ma għadhomx aktar soġġetti għall-obbligu tal-iskola full-time skont il-liġi nazzjonali matul il-perjodu li fih ix-xogħol ta' billejl huwa pprojbit skont id-Direttiva 94/33/KE jekk dan huwa meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta' kors ta' taħriġ rikonoxxut u diment li jingħataw il-ħin ta' serħan kumpensatorju xieraq u sakemm l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/33/KE ma jiġux kompromessi.

Paragrafu 12

Verifiki

1.

Kuljum għandhom jinżammu r-rekords tal-ħinijiet tax-xogħol u l-ħinijiet ta' serħan ta' kull ħaddiem, biex tkun tista' tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonjiet tal-Paragrafi 3, 4, 5, 6, 7, 9, 10, 11 u 13.

2.

Dawn ir-rekords għandhom jinżammu abbord tal-inqas sa tmiem il-perjodu ta' referenza.

3.

Ir-rekords għandhom jiġu eżaminati u approvati f'intervalli xierqa (mhux aktar tard mill-aħħar tax-xahar li jsegwi) b'mod konġunt minn min iħaddem jew mir-rapprezentant tiegħu u mill-ħaddiem.

4.

Ir-rekords għandu jkollhom tal-inqas dan it-tagħrif li ġej:

(a)

isem il-bastiment,

(b)

isem il-ħaddiem,

(c)

isem il-kaptan kompetenti,

(d)

id-data,

(e)

jum ta' xogħol jew ta' serħan,

(f)

il-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-perjodi ta' xogħol u ta' serħan ta' kuljum.

5.

Il-ħaddiema għandhom jingħataw kopja tar-rekords approvati li jirreferu lilhom. Dawn għandhom iżommuhom dejjem magħhom għal sena.

Paragrafu 13

Sitwazzjonijiet ta' emerġenza

1.

Il-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jkollu d-dritt li jitlob li ħaddiem jagħmel kwalunkwe għadd ta' sigħat ta' xogħol meħtieġa għas-sikurezza immedjata tal-inġenju, tal-persuni abbord jew tat-merkanzija, jew biex jassisti lil vapuri jew persuni oħra fil-perikolu fuq il-baħar.

2.

Skont is-subparagrafu 1, il-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu jista' jitlob lil ħaddiem jagħmel kemm-il siegħa ta' xogħol li tkun meħtieġa sakemm is-sitwazzjoni terġa lura għan-normal.

3.

Hekk kif ikun prattikabbli wara li s-sitwazzjoni terġa' lura għan-normal, il-kaptan tal-vapur jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jiżgura li l-ħaddiema kollha li jkunu wettqu xogħolhom matul perjodu skedat ta' serħan jingħatalhom perjodu xieraq ta' serħan.

Paragrafu 14

Eżami mediku

1.

Il-ħaddiema kollha għandhom ikunu intitolati għal eżami mediku mingħajr ħlas kull sena. Matul dan l-eżami għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu identifikati sintomi jew kondizzjonijiet li jistgħu jkunu r-riżultat tax-xogħol abbord flimkien mal-perjodi minimi ta' serħan kuljum u/jew l-għadd minimu ta' jiem ta' serħan skont il-Paragrafi 5 u 6.

2.

Il-ħaddiema ta' billejl li jsofru minn problemi ta' saħħa rikonoxxuti bħala problemi marbuta mal-fatt li huma jwettqu xogħol ta' billejl għandhom jiġu ttrasferiti kull meta jkun possibbli lejn xogħol ta' binhar li għalih huma aktar adattati.

3.

L-eżami mediku bla ħlas għandu jkun konformi mal-prinċipju tal-kunfidenzjalità medika.

4.

L-eżami mediku bla ħlas jista' jsir taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa.

Paragrafu 15

Protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa

1.

Il-ħaddiema ta' billejl u l-ħaddiema tax-xift għandu jkollhom il-protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa xierqa għan-natura ta' xogħolhom.

2.

Is-servizzi jew il-faċilitajiet ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni xierqa fir-rigward tas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema ta' billejl u tal-ħaddiema tax-xift għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal ħaddiema oħrajn u disponibbli f'kull waqt.

Paragrafu 16

Tendenzi tax-xogħol

Jekk min iħaddem ikollu l-intenzjoni li jorganizza x-xogħol skont ċerta tendenza, għandu jqis il-prinċipju ġenerali tal-adattazzjoni tax-xogħol għall-ħaddiem, b'mod partikolari bil-għan li jtaffi l-monotonija tax-xogħol u x-xogħol b'rata ta' xogħol predeterminata, li jiddependi mit-tip tal-attività u tar-rekwiżiti tas-sikurezza u tas-saħħa, speċjalment fir-rigward tal-pawżi matul il-ħin tax-xogħol.

Paragrafu 17

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri

(a)

biex iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji; jew

(b)

biex jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta ' ftehimiet kollettivi jew ftehimiet bejn iż-żewġ naħat tal-industrija

li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema mid-dispożizzjonijiet stipulati f'dan il-Ftehim.

2.   Klawsola ta' nonrigressjoni

Fl-ebda ċirkostanza, l-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim ma għandha tikkostitwixxi raġunijiet biżżejjed għal ġustifikazzjoni għat-tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema koperti b'dan il-Ftehim.

3.   Is-segwitu għall-Ftehim

Is-sħab soċjali għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim fil-kuntest tal-kumitat dwar id-djalogu settorjali għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet tas-saħħa okkupazzjonali.

4.   Reviżjoni

Is-sħab soċjali għandhom jirrivedu d-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta' implimentazzjoni stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill li ddaħħal fis-seħħ dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2012.

L-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU)

L-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO)

Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF)


(1)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni “Naiades”, COM(2006) 6 final, 17.1.2006.

(2)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(3)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010) 373 final, 13.7.2010: Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri, sezzjoni 1.1.

(4)  Id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE (ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1-260).

(5)  ĠU L 216, 20.8.1994, p. 12.


Top