Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0838

    2014/838/UE, Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta' Novembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li jsiru bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew persuni li jaħdmu għal rashom

    ĠU L 343, 28.11.2014, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/838/oj

    28.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 343/19


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-25 ta' Novembru 2014

    dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li jsiru bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew persuni li jaħdmu għal rashom

    (2014/838/UE, Euratom)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-istituzzjonijiet iridu, b'mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jesprimu u jaqsmu pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma kollha tal-azzjoni tal-Unjoni. L-istituzzjonijiet huma meħtieġa wkoll iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili. Minbarra dan, skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u mal-Artikolu 11(3) tat-TUE, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta b'mod wiesa' qabel tipproponi atti leġiżlattivi.

    (2)

    F'konformità mal-Artikolu 298 tat-TFUE, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti.

    (3)

    Il-Kummissjoni hija impenjata li ssaħħaħ it-trasparenza dwar il-kuntatti bejn il-persunal tagħha u organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom.

    (4)

    Iċ-ċittadini diġà għandhom id-dritt tal-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Din id-Deċiżjoni ma tikkonċernax l-aċċess għad-dokumenti jew l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

    (5)

    Fil-25 ta' Novembru 2014 il-Kummissjoni, filwaqt li segwiet il-Linji Gwida Politiċi tal-15 ta' Lulju 2014 stabbiliti mill-President, adottat id-Deċiżjoni 2014/839/UE, Euratom (2) fejn il-Membri tal-Kummissjoni kienu meħtieġa li jagħmlu pubblika l-informazzjoni dwar laqgħat li jkollhom huma u membri tal-Kabinett tagħhom ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika fl-Unjoni.

    (6)

    Id-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni jista' jkollhom laqgħat ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom għal raġunijiet smili bħal-laqgħat imsemmija f'din id-Deċiżjoni. Huwa għalhekk xieraq li jiġu applikati rekwiżiti ta' trasparenza simili għal dawn il-laqgħat.

    (7)

    Id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għandhom għalhekk jagħmlu pubblika l-informazzjoni dwar il-laqgħat li jkollhom huma ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom dwar kwistjonijiet relatati mat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-politika fl-Unjoni.

    (8)

    Laqgħat ma' rappreżentanti ta' istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni, li jirriflettu l-kors normali tar-relazzjonijiet interistituzzjonali, mhumiex koperti minn din id-Deċiżjoni. Laqgħat ma' rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri mhumiex koperti minn din id-Deċiżjoni billi dawn l-awtoritajiet isegwu l-interess ġenerali u jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Kummissjoni skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera. Sabiex jitħarsu r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, laqgħat ma' rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta' pajjiżi terzi u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mhumiex koperti minn din id-Deċiżjoni preżenti.

    (9)

    Sabiex tirrispetta l-karattru speċifiku tad-djalogu mal-partijiet soċjali, previst fl-Artikolu 154 tat-TFUE, kif ukoll il-karattru speċifiku tad-djalogu mal-knejjes u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali, previst fl-Artikolu 17(3) tat-TFUE, il-laqgħat li jsiru f'dawn il-kuntesti ma għandhomx ikunu koperti minn din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Fid-dawl tar-rwol speċifiku tal-partiti politiċi rikonoxxuti mill-Artikolu 10(4) tat-TUE, u fid-dawl tal-fatt li l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tas-16 ta' April 2014 dwar ir-reġistru tat-trasparenza għal organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni (3) tal-politika tal-Unjoni jistipula li r-reġistru ma japplikax għall-partiti politiċi, laqgħat ma' rappreżentanti tal-partiti politiċi wkoll ma għandhomx ikunu koperti minn din id-Deċiżjoni.

    (11)

    Billi f'ċerti każijiet speċifiċi informazzjoni pubblika dwar laqgħa tista' ddgħajjef il-protezzjoni tal-ħajja, l-integrità jew il-privatezza ta' individwu, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni, l-istabbilità tas-suq jew informazzjoni kummerċjali sensittiva, il-kondotta xierqa ta' proċedimenti tal-qorti jew spezzjonijiet, investigazzjonijiet, verifiki jew proċeduri amministrattivi oħra, jew il-protezzjoni ta' xi interess pubbliku ieħor importanti rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni, il-pubblikazzjoni ta' tali informazzjoni ma għandhiex issir f'dawn il-każijiet.

    (12)

    Skont l-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-ismijiet ta' membri tad-Diretturi Ġenerali li jattendu l-laqgħat mal-organizzazzjonijiet jew individwi impjegati għal rashom jistgħu jsiru pubbliċi; individwi oħra jridu jkunu taw il-kunsens tagħhom b'mod ċar.

    (13)

    Din id-Deċiżjoni hija bla preġudizzju għar-rekwiżiti jew impenji msaħħa tat-trasparenza li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew minn ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Id-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni jagħmlu pubblika l-informazzjoni dwar il-laqgħat kollha li jkollhom ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom dwar kwistjonijiet relatati mat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika fl-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   L-informazzjoni li għandha ssir pubblika tkun tikkonsisti fid-data tal-laqgħa, il-post tagħha, l-isem tad-Direttur Ġenerali, l-isem tal-organizzazzjoni jew individwu li jaħdem għal rasu u s-suġġett tal-laqgħa tagħhom.

    Artikolu 2

    Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “Direttur Ġenerali” tfisser Direttur Ġenerali jew Kap ta' Servizz tal-Kummissjoni.

    (b)

    “laqgħa” tfisser inkontru bilaterali organizzat b'inizjattiva ta' organizzazzjoni jew individwu li jaħdem għal rasu jew Direttur Ġenerali sabiex jiddiskutu kwistjoni marbuta mat-teħid u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni. Inkontri li jseħħu fil-kuntest ta' proċedura amministrattiva stabbilita mit-Trattati jew minn atti tal-Unjoni, li hija responsabbiltà diretta tad-Direttur Ġenerali, kif ukoll inkontri ta' tip purament privat jew soċjali jew inkontri spontanji huma esklużi minn dan il-kunċett;

    (c)

    “organizzazzjoni jew individwu li jaħdem għal rasu” tfisser kull organizzazzjoni jew individwu, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom, involuti f'attivitajiet imwettqa bil-għan li jinfluwenzaw direttament jew indirettament il-formulazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-politika u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, irrispettivament minn fejn isiru dawn l-attivitajiet u mill-kanal jew mezz ta' komunikazzjoni użat.

    Dan il-kunċett ma jinkludix rappreżentanti ta' istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali ta' Stati Membri u ta' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, ikopri kull assoċjazzjoni jew netwerk maħluq biex jirrappreżenta reġjuni jew awtoritajiet pubbliċi subnazzjonali oħra kollettivament.

    Artikolu 3

    1.   Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal laqgħat li jsiru ma' sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni fil-kuntest tad-Djalogu Soċjali, jew għal laqgħat li jsiru fil-kuntest tad-djalogu mal-knejjes, assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.

    2.   Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal laqgħat li jsiru ma' rappreżentanti ta' partiti politiċi.

    Artikolu 4

    1.   L-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tiġi ppubblikata f'format standardizzat fuq is-siti web tad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn wara l-laqgħa.

    2.   Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni tista' tinżamm lura fejn din il-pubblikazzjoni tkun ta' ħsara għall-protezzjoni ta' xi wieħed mill-interessi msemmija fl-Artikolu 4(1), (2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b'mod partikolari l-ħajja, l-integrità jew il-privatezza ta' individwu, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni, l-istabbiltà tas-suq jew informazzjoni kummerċjali sensittiva, il-kondotta xierqa ta' proċedimenti jew spezzjonijiet tal-qorti, investigazzjonijiet, verifiki jew proċeduri amministrattivi oħra; jew il-protezzjoni ta' xi interess pubbliku importanti ieħor rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    L-ismijiet ta' individwi (li jaġixxu f'isem organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom) jew uffiċjali tal-Kummissjoni (għajr Diretturi Ġenerali) li jattendu l-laqgħat ma jsirux pubbliċi sakemm ma jkunux taw il-kunsens tagħhom b'mod mhux ambigwu.

    Artikolu 6

    L-organizzazzjonijiet jew persuni li jaħdmu għal rashom jiġu infurmati bil-fatt li l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tkun se ssir pubblika.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Tapplika mill-1 ta' Diċembru 2014.

    Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Novembru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/839/UE, Euratom tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li saru bejn Membri tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom (ara l-paġna 22 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 277, 19.9.2014, p. 11.

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


    Top