EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0837

2014/837/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta' Novembru 2014 li tiddetermina ċerti konsegwenzi finanzjarji diretti mġarrba b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona

ĠU L 343, 28.11.2014, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/837/oj

28.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta' Novembru 2014

li tiddetermina ċerti konsegwenzi finanzjarji diretti mġarrba b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona

(2014/837/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali (minn hawn 'il quddiem “Protokoll Nru 36”), anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-Protokoll Nru 36, ir-Renju Unit kellu l-possibbiltà li jinnotifika lill-Kunsill, sal-31 ta' Mejju 2014, li ma jaċċettax il-poteri tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja, introdotti mit-Trattat ta' Lisbona fir-rigward ta' atti tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

(2)

Permezz ta' ittra lill-President tal-Kunsill iddatata l-24 ta' Lulju 2013, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma jaċċettax il-poteri tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja introdotti mit-Trattat ta' Lisbona fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali. Bħala konsegwenza, l-atti rilevanti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit fl-1 ta' Diċembru 2014.

(3)

Ir-Renju Unit jista' jinnotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-atti li ma jkunux għadhom japplikaw għalih.

(4)

Ir-Renju Unit indika x-xewqa tiegħu li jinnotifika li jipparteċipa f'uħud minn dawk l-atti.

(5)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddetermina l-arranġamenti ta' konsegwenza u tranżizzjonali neċessarji. Il-Kunsill jista' wkoll, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(4), jiddetermina li r-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-atti kkonċernati.

(6)

Minħabba li r-Renju Unit ma nnotifikax lill-Kunsill bix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (1) u 2008/616/ĠAI (2) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI (3) (minn hawn 'il quddiem “id-Deċiżjonijiet ta' Prüm”), dawn ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta' Diċembru 2014. Madankollu, minħabba s-sinifikat prattiku u operazzjonali tad-Deċiżjonijiet ta' Prüm għall-Unjoni għas-sigurtà pubblika, u b'mod aktar partikolari għall-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali, bid-Deċiżjoni 2014/836/UE (4) il-Kunsill iddeċieda li r-Renju Unit se jwettaq każ sħiħ tal-operat u l-implimentazzjoni biex jivvaluta l-merti u l-benefiċċji prattiċi tas-sħubija mill-ġdid tar-Renju Unit fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm u l-passi neċessarji biex jagħmel dan, li r-riżultati tiegħu se jkunu pubblikati sat-30 ta' Settembru 2015. Jekk il-każ tal-operat u l-implimentazzjoni jkun pożittiv, sal-31 ta' Diċembru 2015, ir-Renju Unit jiddeċiedi dwar jekk jinnotifikax lill-Kunsill, fi żmien l-erba' ġimgħat segwenti, dwar ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm, skont l-Artikolu 10(5) tal-Protokoll Nru 36.

(7)

Fondi mill-Programm “Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità”, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI (5), ġew allokati lir-Renju Unit għal żewġ proġetti relatati mad-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI, l-ewwel waħda tikkonċerna l-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Iskambju tad-DNA ta' Prüm, b'massimu ta' kofinanzjament ta' EUR 961 019 mogħti lill-Uffiċċju tal-Affarijiet Interni, u t-tieni tikkonċerna l-Evalwazzjoni tal-Marki tas-Swaba' ta' Prüm mir-Renju Unit, b'massimu ta' kofinanzjament ta' EUR 547 836 mogħti lill-Uffiċċju tal-Affarijeit Interni. Dan jammonta għal total ta' EUR 1 508 855.

(8)

Fil-każ li r-Renju Unit ma jirrispettax waħda mill-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/836/UE jew jiddeċiedi li ma jipparteċipax fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm huwa għandu jħallas lura, bħala konsegwenza finanzjarja diretta, imġarrba neċessarjament u inevitabbilment b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm, is-somom effettivament imħallsa mill-Kummissjoni bħala kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta' dawk id-Deċiżjonijiet.

(9)

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36, ir-Renju Unit qed jipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u huwa marbut biha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-każ li r-Renju Unit ma jirrispettax waħda mill-iskadenzi li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/836/UE jew jiddeċiedi li ma jipparteċipax fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm, huwa għandu jħallas lura lill-baġit ġenerali tal-Unjoni s-somom, sa EUR 1 508 855, irċevuti mill-Programm “Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2014.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. GIACOMELLI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

(3)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar l-akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji (ĠU L 322, 9.12.2009, p. 14).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/836/UE tas-27 ta' Novembru 2014 li tiddetermina ċerti arraġamenti konsegwenzjali u tranżizzjoniali dwar il-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2007 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku “Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” għall-perjodu 2007-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertàjiet (ĠU L 58, 24.2.2007, p. 7).


Top