Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0804

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/804/PESK tat- 8 ta' Ottubru 2014 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn ir-Repubblika tal-Kamerun u l-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tal-forzi taħt id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea fi tranżitu fit-territorju tar-Repubblika tal-Kamerun

    ĠU L 332, 19.11.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/804/oj

    Related international agreement

    19.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 332/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/804/PESK

    tat-8 ta' Ottubru 2014

    dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn ir-Repubblika tal-Kamerun u l-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tal-forzi taħt id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea fi tranżitu fit-territorju tar-Repubblika tal-Kamerun

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-10 ta' Frar 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/73/PESK (1) dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA).

    (2)

    Wara l-adozzjoni, fil-15 ta' April 2014, ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà nnegozja, f'konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kamerun dwar l-istatus tal-forzi taħt id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea fi tranżitu fit-territorju tar-Repubblika tal-Kamerun.

    (3)

    F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fit-tfassil u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom effett fuq id-difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk ma tikkontribwixxix għall-finanzjament ta' din l-operazzjoni.

    (4)

    Il-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri għandu jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kamerun dwar l-istatus tal-forzi taħt id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea fi tranżitu fit-territorju tar-Repubblika tal-Kamerun huwa approvat f'isem l-Unjoni.

    It-test tal-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw l-ittra sabiex l-Unjoni tintrabat.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ottubru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LUPI


    (1)  Deċiżjoni 2014/73/PESK tal-10 ta' Frar 2014 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA) (ĠU L 40, 11.2.2014, p. 59).


    Top