Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0445

Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE

ĠU L 132, 3.5.2014, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/445(1)/oj

3.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/1


DEĊIŻJONI Nru 445/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jimmira għal unjoni dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa u jagħti lill-Unjoni Ewropea l-kompitu, fost l-oħrajn, li tikkontribwixxi għat-tisbiq tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tagħti prominenza lill-patrimonju kulturali komuni. F'dan ir-rigward, l-Unjoni, fejn meħtieġ, tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri biex jitjiebu l-għarfien u t-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 dwar aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja li qed tigglobalizza, approvata mill-Kunsill fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2007 (3) u mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 (4), tistabbilixxi l-objettivi għal attivitajiet futuri tal-Unjoni fil-qasam tal-kultura. Dawk l-attivitajiet għandhom jippromwovu d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali, il-kultura bħala katalizzatur għall-kreattività fil-qafas għat-tkabbir u l-impjiegi u l-kultura bħala element vitali fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni.

(3)

Il-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, li daħlet fis-seħħ fit-18 ta' Marzu 2007 u li l-Unjoni tagħmel parti minnha, għandha l-għan li tipproteġi u tippromwovi d-diversità kulturali, trawwem l-interkulturalità u tkabbar l-għarfien dwar il-valur tad-diversità kulturali fil-livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) stabbilixxiet azzjoni għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin 2007 sal-2019.

(5)

L-evalwazzjonijiet tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, kif ukoll il-konsultazzjoni pubblika dwar il-ġejjieni tal-azzjoni wara l-2019, żvelaw li din progressivament saret waħda mill-inizjattivi kulturali l-aktar ambizzjużi fl-Ewropa kif ukoll waħda mill-aktar inizjattivi apprezzati miċ-ċittadini Ewropej. Azzjoni ġdida għandha, għaldaqstant, tiġi stabbilita biex tkopri s-snin 2020-2033.

(6)

Barra mill-objettivi oriġinali tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, li kienu li tiġi enfasizzata r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej u l-karatteristiċi li dawk il-kulturi jikkondividu kif ukoll li jiġi promoss għarfien reċiproku akbar bejn iċ-ċittadini Ewropej, il-bliet detenturi tat-titolu ta' Kapitali Ewropea tal-Kultura (“it-titolu”) progressivament żiedu dimensjoni ġdida wkoll billi użaw l-effett ta' lieva tat-titolu biex jistimulaw l-iżvilupp aktar ġenerali tagħhom f'konformità mal-istrateġiji u l-prijoritajiet rispettivi tagħhom.

(7)

L-objettivi tal-azzjoni stabbilita b'din id-Deċiżjoni għandhom ikunu għalkollox konformi mal-objettivi tal-Programm Ewropa Kreattiva stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li għandu l-għan li jissalvagwardja, jiżviluppa u jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, li jippromwovi l-patrimonju kulturali Ewropew u li jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, b'mod partikolari dak tas-settur awdjoviżiv, bil-għan li jsostni tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-kisba ta' dawk l-objettivi għandha tgħin ukoll fit-tisħiħ ta' sens ta' appartenenza f'żona kulturali komuni u biex tistimola djalogu interkulturali u fehim reċiproku.

(8)

Sabiex jinkisbu tali objettivi, hu importanti li l-bliet li jkollhom it-titolu jiżviluppaw rabtiet bejniethom, minn naħa, fis-setturi kulturali u kreattivi tagħhom, u, min-naħa l-oħra, f'setturi bħall-edukazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent, l-iżvilupp urban jew it-turiżmu kulturali. B'mod partikolari, l-esperjenza tal-imgħoddi wriet il-potenzjal tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura bħala katalizzatur għall-iżvilupp lokali u t-turiżmu kulturali kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 intitolata “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja — qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew”, li intlaqgħet mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2010 u ġiet approvata mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 (7).

(9)

Hu importanti wkoll li l-bliet detenturi tat-titolu jfittxu li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs u jagħmlu dak kollu possibbli biex jiżguraw l-akbar involviment possibbli tal-komponenti kollha tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-programm kulturali, u għandha tingħata attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ, u l-gruppi emarġinati u dawk żvantaġġati.

(10)

L-evalwazzjonijiet u l-konsultazzjoni pubblika wrew ukoll b'mod konvinċenti li l-Kapitali Ewropej tal-Kultura għandhom bosta benefiċċji potenzjali meta jiġu ppjanati bir-reqqa. Jibqgħu l-ewwel u qabel kollox inizjattiva kulturali, iżda jistgħu wkoll iġibu magħhom benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti, b'mod partikolari meta jiġu inkorporati fi strateġija ta' żvilupp fit-tul xprunata mill-kultura għall-belt ikkonċernata.

11.

L-azzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura kienet ukoll sfida kbira. L-organizzazzjoni ta' programm ta' attivitajiet kulturali tul sena sħiħa hi impenjattiva u xi bliet detenturi tat-titolu kellhom suċċess aktar minn oħrajn fl-isfruttament tal-potenzjal. Għalhekk, dik l-azzjoni għandha tissaħħaħ biex tgħin il-bliet kollha jisfruttaw it-titolu bis-sħiħ.

(12)

It-titolu għandu jibqa' jiġi riservat għal bliet, irrispettivament mid-daqs tagħhom, iżda biex jilħqu pubbliku usa' u jamplifikaw l-impatt, għandu jkun possibbli, bħal qabel, li l-bliet ikkonċernati jinvolvu ż-żona ta' madwarhom.

(13)

L-għoti tat-titolu għandu jibqa' jkun ibbażat fuq programm kulturali maħluq speċifikament, li għandu jkollu dimensjoni Ewropea qawwija. Dak il-programm kulturali għandu jkun parti minn strateġija fit-tul li jkollha impatt sostenibbli fuq l-iżvilupp ekonomiku, kulturali u soċjali lokali.

(14)

Il-proċess ta' għażla f'żewġ stadji bbażat fuq lista kronoloġika tal-Istati Membri u mwettaq minn bord ta' esperti indipendenti wera li huwa ġust u trasparenti. Dan ippermetta li l-bliet itejbu l-applikazzjonijiet tagħhom bejn il-fażi ta' qabel l-għażla u l- fażi tal-għażla abbażi ta' parir espert minn dak il-bord, u żgura distribuzzjoni ġusta tat-titolu fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, biex tkun salvagwardjata l-kontinwità tal-azzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura u biex ikun evitat it-telf ta' esperjenza u għarfien, li jistgħu jirriżultaw jekk l-esperti kollha jinbidlu fl-istess ħin, l-esperti għandhom jinbidlu gradwalment.

(15)

L-għarfien espert nazzjonali għandu jibqa' jkun żgurat billi l-Istati Membri jingħataw is-setgħa li jaħtru sa żewġ esperti fuq bord li jwettaq il-proċeduri għall-għażla u l-monitoraġġ.

(16)

Il-kriterji tal-għażla għandhom ikunu aktar espliċiti biex jipprovdu gwida aħjar lill-bliet kandidati fir-rigward tal-objettivi u tar-rekwiżiti li jridu jikkonformaw magħhom sabiex jingħataw it-titolu. Dawk il-kriterji għandhom jitkejlu aktar faċilment biex jgħinu lill-bord fl-għażla u fil-monitoraġġ tal-bliet. F'dan ir-rigward, għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq il-pjani tal-bliet kandidati għal attivitajiet dwar il-patrimonju inklużi fi strateġija ta' politika kulturali fit-tul, li jkunu kapaċi jiġġeneraw impatt kulturali, ekonomiku u soċjali sostenibbli.

(17)

Il-bliet kandidati għandhom jesploraw il-possibbliltà, fejn xieraq, li jfittxu li jużaw l-appoġġ finanzjarju mill-programmi u l-fondi tal-Unjoni.

(18)

Il-fażi ta' preparazzjoni bejn in-nomina ta' belt u s-sena tat-titolu hija ta' importanza kruċjali għas-suċċess tal-azzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Hemm qbil ġenerali fost il-partijiet interessati li l-miżuri ta' akkumpanjament introdotti bid-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE kienu utli ħafna għall-bliet ikkonċernati. Dawk il-miżuri għandhom jiġu żviluppati aktar, b'mod partikolari permezz ta' laqgħat u żjarat ta' monitoraġġ aktar frekwenti fil-bliet mill-esperti tal-bord, u permezz ta' skambju ta' esperjenza aktar sod bejn il-bliet detenturi tat-titolu tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-ġejjieni, kif ukoll il-bliet kandidati. Fil-bliet magħżula jistgħu jiżviluppaw ukoll aktar rabtiet ma' bliet detenturi tat-titolu oħrajn.

(19)

Il-premju Melina Mercouri stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE kiseb valur simboliku qawwi li jmur sew lil hinn mill-ammont effettiv li jingħata mill-Kummissjoni. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-bliet nominati jissodisfaw l-impenji tagħhom, il-kondizzjonijiet għall-ħlas ta' dak il-premju ta' flus għandhom ikunu aktar rigorużi u espliċiti.

(20)

Huwa importanti li l-bliet ikkonċernati jagħmluha ċara fil-materjal kollu ta' komunikazzjoni tagħhom li l-azzjoni stabbilita b'din id-Deċiżjoni hija azzjoni tal-Unjoni.

(21)

L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-imgħoddi, li huma bbażati fuq data miġbura f'livell lokali, ma setgħux jipprovdu data primarja dwar l-impatt tat-titolu. Għalhekk, il-bliet infushom għandhom ikunu l-atturi ewlenin fil-proċess tal-evalwazzjoni.

(22)

L-esperjenza tal-imgħoddi wriet li l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati tista' tgħin biex tqarribhom aktar lejn l-Unjoni billi jiġu enfasizzati l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej. L-azzjoni stabbilita b'din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali wara l-2019.

(23)

Madankollu, matul il-perijodu kopert b'din id-Deċiżjoni, jiġifieri mill-2020 sal-2033, għal raġunijiet ta' ekwità mal-bliet fl-Istati Membri, il-bliet fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw biss f'kompetizzjoni waħda għat-titolu. Barra minn hekk, ukoll għal raġunijiet ta' ekwità mal-Istati Membri, kull pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali għandu jkun jista' jospita t-titolu darba biss matul dak il-perijodu.

(24)

Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE għandha titħassar. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom ikomplu japplikaw fir-rigward tal-bliet kollha li diġà ġew nominati jew huma fil-proċess li jiġu nominati għas-snin sal-2019.

(25)

Billi l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tiġi ssalvagwardjata u promossa d-diversità ta' kulturi fl-Ewropa, biex jiġu enfasizzati l-karatteristiċi komuni li jikkondividu u jiġi promoss il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-bliet, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-ħtieġa, b'mod partikolari, ta' kriterji u proċeduri komuni, ċari u trasparenti għall-għażla u l-monitoraġġ, kif ukoll ta' koordinazzjoni b'saħħitha bejn l-Istati Membri, imma jistgħu pjuttost, minħabba l-firxa u l-effetti mistennija tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment tal-azzjoni

L-azzjoni tal-Unjoni intitolata “Kapitali Ewropej tal-Kultura” hija b'dan stabbilita għas-snin mill-2020 sal-2033 (“l-azzjoni”).

Artikolu 2

Objettivi

1.   L-objettivi ġenerali tal-azzjoni huma:

(a)

li tissalvagwardja u tippromwovi d-diversità tal-kulturi fl-Ewropa u tenfasizza l-karatteristiċi komuni li jikkondividu kif ukoll iżżid is-sens ta' appartenenza taċ-ċittadini f'żona kulturali komuni;

(b)

li trawwem il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-bliet f'konformità mal-istrateġiji u l-prijoritajiet rispettivi tagħhom.

2.   L-objettivi speċifiċi tal-azzjoni huma:

(a)

li ttejjeb il-medda, id-diversità u d-dimensjoni Ewropea tal-offerta kulturali fil-bliet, inkluż permezz ta' kooperazzjoni transnazzjonali;

(b)

li twessa' l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha;

(c)

li ssaħħaħ il-kapaċità tas-settur kulturali u r-rabtiet tiegħu ma' setturi oħrajn;

(d)

li tgħolli l-profil internazzjonali tal-bliet permezz tal-kultura.

Artikolu 3

Aċċess għall-azzjoni

1.   Il-kompetizzjoni għat-titolu għandha tkun miftuħa għall-bliet, li jistgħu jinvolvu ż-żoni ta' madwarhom.

2.   L-għadd ta' bliet detenturi tat-titolu f'sena partikolari (“is-sena tat-titolu”) ma għandux ikun aktar minn tlieta.

It-titolu għandu jingħata kull sena għal mhux iktar minn belt waħda f'kull wieħed miż-żewġ Stati Membri li jidhru fil-kalendarju li jinsab fl-Anness (“il-kalendarju”) u, fis-snin rilevanti, għal belt waħda minn pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali jew għal belt waħda minn pajjiż li jaderixxi mal-Unjoni fiċ-ċirkostanzi li jinsabu fil-paragrafu 5.

3.   Il-bliet fl-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jżommu t-titolu għal sena waħda f'konformità mal-ordni tal-Istati Membri kif tidher fil-kalendarju.

4.   Il-bliet fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li jipparteċipaw fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi sussegwenti tal-Unjoni li jappoġġaw il-kultura fid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) jistgħu japplikaw għat-titolu għal sena waħda fil-qafas ta' kompetizzjoni miftuħa organizzata kull tielet sena f'konformità mal-kalendarju.

Il-bliet fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw biss f'kompetizzjoni waħda matul il-perijodu mill-2020 sal-2033.

Kull pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali għandu jkun jista' jospita t-titolu darba biss matul il-perijodu mill-2020 sal-2033.

5.   Fejn pajjiż jaderixxi mal-Unjoni wara l-4 ta' Mejju 2014 iżda qabel l-1 ta' Jannar 2027, huwa għandu jkunu intitolat jospita it-titolu seba' snin wara l-adeżjoni tiegħu, skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-Istati Membri. Il-kalendarju għandu jiġi aġġornat skont dan. Fejn pajjiż jaderixxi mal-Unjoni fl-1 ta' Jannar 2027 jew wara din id-data, huwa ma għandux ikun intitolat li jipparteċipa fl-azzjoni bħala Stat Membru.

Madankollu, fi snin fejn diġà hemm tliet bliet detenturi tat-titolu skont il-kalendarju, bliet fil-pajjiżi msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu intitolati biss jospitaw it-titolu fis-sena disponibbli li jmiss fil-kalendarju, fl-ordni tal-adeżjoni ta' dawk il-pajjiżi.

Jekk belt minn pajjiż imsemmi fl-ewwel subparagrafu tkun ipparteċipat qabel f'kompetizzjoni għal pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, hi ma tistax tipparteċipa fl-ebda kompetizzjoni sussegwenti għall-Istati Membri. Meta, matul il-perijodu mill-2020 sal-2033, belt minn tali pajjiż tkun ġiet nominata biex iżżomm it-titolu f'konformità mal-paragrafu 4, dak il-pajjiż ma għandux ikun intitolat, wara l-adeżjoni tiegħu, jorganizza kompetizzjoni bħala Stat Membru matul dak il-perijodu.

Jekk aktar minn pajjiż wieħed jaderixxi mal-Unjoni fl-istess data u jekk ma jkunx hemm qbil dwar l-ordni ta' parteċipazzjoni fl-azzjoni bejn dawk il-pajjiżi, il-Kunsill għandu jorganizza tlugħ bix-xorti.

Artikolu 4

Applikazzjoni

1.   Għandha titħejja formola ta' applikazzjoni komuni bbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 5 mill-Kummissjoni li għandha tintuża mill-bliet kandidati kollha.

Fejn belt kandidata tinvolvi ż-żona ta' madwarha, l-applikazzjoni għandha ssir taħt l-isem ta' dik il-belt.

2.   Kull applikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq programm kulturali b'dimensjoni Ewropea qawwija.

Il-programm kulturali għandu jkopri s-sena tat-titolu u għandu jinħoloq b'mod speċifiku għat-titolu, f'konformità mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 5.

Artikolu 5

Kriterji

Il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet (“il-kriterji”) għandhom jinqasmu fil-kategoriji “kontribut għall-istrateġija fit-tul”, “dimensjoni Ewropea”, “kontenut kulturali u artistiku”, “kapaċità ta' rendiment”, “komunikazzjoni” u “ġestjoni” kif ġej:

(1)

fir-rigward tal-kategorija “kontribut għall-istrateġija fit-tul”, għandu jittieħed kont tal-fatturi li ġejjin:

(a)

li strateġija kulturali għall-belt kandidata fil-mument tal-applikazzjoni, li tkopri l-azzjoni u tinkludi pjani għas-sostenn tal-attivitajiet kulturali lil hinn mis-sena tat-titolu tkun fis-seħħ fil-mument tal-applikazzjoni;

(b)

il-pjani għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-setturi kulturali u kreattivi, inkluż l-iżvilupp ta' kollegamenti fit-tul bejn is-setturi kulturali, ekonomiċi u soċjali fil-belt kandidata;

(c)

l-impatt kulturali, soċjali u ekonomiku fit-tul previst, inkluż l-iżvilupp urban, li t-titolu jkollu fuq il-belt kandidata;

(d)

il-pjani għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tat-titolu fuq il-belt kandidata u għat-tixrid tar-riżultati tal-evalwazzjoni;

(2)

fir-rigward tal-kategorija “dimensjoni Ewropea”, il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati:

(a)

l-ambitu u l-kwalità tal-attivitajiet li jippromwovu d-diversità kulturali tal-Ewropa, djalogu interkulturali u fehim reċiproku akbar bejn iċ-ċittadini Ewropej;

(b)

l-ambitu u l-kwalità tal-attivitajiet li jenfasizzaw l-aspetti komuni tal-kulturi, il-patrimonju u l-istorja Ewropej kif ukoll l-integrazzjoni Ewropea u temi attwali Ewropej;

(c)

l-ambitu u l-kwalità tal-attivitajiet li fihom jipparteċipaw artisti Ewropej, il-kooperazzjoni mal-operaturi jew il-bliet f'pajjiżi differenti, inkluż, fejn xieraq, bliet detenturi tat-titolu u s-sħubiji transnazzjonali;

(d)

l-istrateġija biex jiġi attirat l-interess ta' pubbliku Ewropew u internazzjonali wiesa';

(3)

fir-rigward tal-kategorija “kontenut kulturali u artistiku”, il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati:

(a)

viżjoni artistika u strateġija ċari u koerenti għall-programm kulturali;

(b)

l-involviment ta' artisti u organizzazzjonijiet kulturali lokali fil-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-programm kulturali;

(c)

il-firxa u d-diversità tal-attivitajiet proposti u l-kwalità artistika ġenerali tagħhom;

(d)

il-kapaċità li tgħaqqad il-forom tal-arti tradizzjonali u l-wirt kulturali lokali ma' espressjonijiet kulturali ġodda, innovattivi u sperimentali;

(4)

fir-rigward tal-kategorija “kapaċità ta' rendiment”, il-bliet kandidati għandhom juru li:

(a)

l-applikazzjoni għandha l-appoġġ politiku wiesa' u b'saħħtu u impenn finanzjarju sostenibbli mill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali;

(b)

il-belt kandidata għandha jew ser ikollha infrastruttura vijabbli u adegwata biex iżżomm it-titolu;

(5)

fir-rigward tal-kategorija “komunikazzjoni”, il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati:

(a)

l-involviment tal-popolazzjoni lokali u s-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(b)

il-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda u sostenibbli għal firxa wiesgħa ta' ċittadini biex jattendu jew jipparteċipaw f'attivitajiet kulturali, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, il-voluntiera u l-entitajiet emarġinati u żvantaġġati, inklużi l-minoranzi, b'attenzjoni speċjali għal persuni b'diżabbiltà u għall-anzjani fir-rigward tal-aċċessibbiltà ta' dawk l-attivitajiet;

(c)

l-istrateġija ġenerali għall-iżvilupp tal-udjenza, u b'mod partikolari r-rabta mal-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-iskejjel;

(6)

fir-rigward tal-kategorija “ġestjoni”, il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu vvalutati:

(a)

il-fattibbiltà tal-istrateġija għall-ġbir tal-fondi u tal-baġit propost, li tinkludi, fejn xieraq, il-pjani biex jinstab appoġġ finanzjarju mill-programmi u mill-fondi tal-Unjoni, u tkopri l-fażi tat-tħejjija, is-sena tat-titolu, l-evalwazzjoni u dispożizzjonijiet għal attivitajiet ta' segwitu, u l-ippjanar ta' kontinġenza;

(b)

l-istruttura tal-governanza u ta' rendiment prevista għall-implimentazzjoni tal-azzjoni li tipprovdi, fost l-oħrajn, għal kooperazzjoni adegwata bejn l-awtoritajiet lokali u l-istruttura ta' rendiment, inkluż it-tim artistiku;

(c)

il-proċeduri għall-ħatra tad-diretturi ġenerali u artistiċi u l-oqsma ta' azzjoni tagħhom;

(d)

li l-istrateġija ta' kummerċjalizzazzjoni u ta' komunikazzjoni hija komprensiva u tenfasizza li l-azzjoni hija azzjoni tal-Unjoni;

(e)

li l-istruttura ta' rendiment għandha l-persunal b'ħiliet u esperjenza xierqa għall-ippjanar, il-ġestjoni u t-twettiq tal-programm kulturali għas-sena tat-titolu.

Artikolu 6

Bord ta' esperti

1.   Bord ta' esperti indipendenti (“il-bord”) għandu jiġi stabbilit biex iwettaq il-proċeduri tal-għażla u l-monitoraġġ.

2.   Il-bord għandu jikkonsisti minn 10 esperti maħtura mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni (“l-esperti Ewropej”) f'konformità mal-paragrafu 3.

3.   Wara li torganizza sejħa għall-wiri ta' interess, il-Kummissjoni għandha tipproponi grupp ta' esperti Ewropej potenzjali.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħżlu tliet esperti kull wieħed minn dak il-grupp u jaħtruhom f'konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom.

Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jagħżel espert mill-grupp u jaħtar lil dak l-espert f'konformità mal-proċeduri tiegħu.

Fl-għażla tal-esperti Ewropej, kull waħda minn dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandhom ifittxu li jiżguraw il-komplementarjetà tal-kompetenzi, distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata u bilanċ bejn is-sessi fil-kompożizzjoni ġenerali tal-bord.

4.   Barra mill-esperti Ewropej, għall-għażla u l-monitoraġġ ta' belt minn Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun intitolat jaħtar sa żewġ esperti fuq il-bord f'konformità mal-proċeduri tiegħu stess u f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

5.   L-esperti kollha għandhom:

(a)

ikunu ċittadini tal-Unjoni;

(b)

ikunu indipendenti;

(c)

ikollhom esperjenza u għarfien espert sostanzjali:

(i)

fis-settur kulturali;

(ii)

fl-iżvilupp kulturali tal-bliet; jew

(iii)

fl-organizzazzjoni ta' avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura jew f'avveniment kulturali internazzjonali ta' ambitu u skala simili;

(d)

ikunu f'pożizzjoni li jiddedikaw numru xieraq ta' ġranet tax-xogħol fis-sena lill-bord.

6.   Il-bord għandu jinnomina l-president tiegħu.

7.   L-esperti Ewropej għandhom jinħatru għal perijodu ta' tliet snin.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-ewwel darba li jitwaqqaf il-bord, il-Parlament Ewropew għandu jaħtar l-esperti tiegħu għal tliet snin, il-Kummissjoni għal sentejn u l-Kunsill u l-Kumitat tar-Reġjuni għal sena.

8.   L-esperti kollha għandhom jiddikjaraw kwalunkwe konflitt ta' interess attwali jew potenzjali fir-rigward ta' belt kandidata speċifika. Fil-każ ta' dikjarazzjoni bħal din, jew jekk jirriżulta tali kunflitt ta' interess, l-espert ikkonċernat għandu jirriżenja u l-istituzzjoni jew il-korp rilevanti tal-Unjoni jew Stat Membru għandu jissostitwixxi lil dak l-espert għall-bqija tal-mandat, f'konformità mal-proċedura rilevanti.

Artikolu 7

Preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet fl-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-bliet tiegħu f'konformità mal-kalendarju.

2.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jippubblikaw sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-anqas sitt snin qabel is-sena tat-titolu.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri li huma intitolati jinnominaw belt biex iżżomm it-titolu fl-2020 għandhom jippubblikaw sejħa bħal din malajr kemm jista' jkun wara l-4 ta' Mejju 2014.

Kull sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għandu jkun fiha l-formola ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1).

L-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-bliet kandidati għal kull sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għandha tkun skedata mhux qabel 10 xhur minn meta tiġi ppubblikata.

3.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw l-applikazzjonijiet lill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Preselezzjoni fl-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jlaqqa' l-bord għal laqgħa ta' preselezzjoni mal-bliet kandidati mhux aktar tard minn ħames snin qabel is-sena tat-titolu.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri intitolati li jinnominaw il-bliet biex iżommu t-titolu għas-sena 2020 jistgħu jestendu dik l-iskadenza għal mhux aktar minn sena.

2.   Il-bord, wara li jivvaluta l-applikazzjonijiet f'konformità mal-kriterji, għandu jaqbel dwar lista mqassra ta' bliet kandidati u għandu joħroġ rapport tal-preselezzjoni dwar l-applikazzjonijiet kollha, filwaqt li jagħti, fost l-oħrajn, rakkomandazzjonijiet lill-bliet kandidati tal-lista mqassra.

3.   Il-bord għandu jippreżenta rapport ta' preselezzjoni lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni.

4.   Kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandu japprova formalment il-lista mqassra bbażata fuq ir-rapporti tal-bord.

Artikolu 9

Għażla fl-Istati Membri

1.   Il-bliet kandidati fil-lista mqassra għandhom ilestu u jirrevedu l-applikazzjonijiet tagħhom bil-ħsieb li jikkonformaw mal-kriterji kif ukoll jieħdu kont tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-preselezzjoni, u għandhom jippreżentawhom lill-Istat Membru kkonċernat, li mbagħad għandu jittrasmettihom lill-Kummissjoni.

2.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jlaqqa' l-bord għal laqgħa tal-għażla mal-bliet kandidati fil-lista mqassra mhux aktar tard minn disa' xhur wara l-laqgħa ta' preselezzjoni.

Fejn meħtieġ, l-Istat Membru kkonċernat, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jista' jestendi dik l-iskadenza ta' disa' xhur għal perijodu raġonevoli.

3.   Il-bord għandu jivvaluta l-applikazzjonijiet lesti u riveduti.

4.   Il-bord għandu joħroġ rapport tal-għażla dwar l-applikazzjonijiet tal-bliet kandidati fil-lista mqassra b'rakkomandazzjoni għan-nomina ta' massimu ta' belt waħda fl-Istat Membru kkonċernat.

Ir-rapport tal-għażla għandu jkollu wkoll rakkomandazzjonijiet lill-belt ikkonċernata dwar il-progress li jrid isir sas-sena tat-titolu.

Il-bord għandu jippreżenta rapport ta' preselezzjoni lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni.

5.   Minkejja l-paragrafu 4, jekk ebda belt kandidata ma tissodisfa l-kriterji kollha, il-bord jista' jirrakkomanda li t-titolu ma jingħatax għas-sena inkwistjoni.

Artikolu 10

Preselezzjoni u għażla fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-bliet fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-anqas sitt snin qabel is-sena tat-titolu.

Kull sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għandu jkun fiha l-formola ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1).

L-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet taħt kull sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għandha tkun skedata mhux qabel 10 xhur mill-pubblikazzjoni.

3.   Il-preselezzjoni tal-bliet għandha titwettaq mill-bord mill-anqas ħames snin qabel is-sena tat-titolu, abbażi tal-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom. Ma għandhiex tiġi organizzata laqgħa mal-bliet kandidati.

Il-bord, wara li jivvaluta l-applikazzjonijiet f'konformità mal-kriterji, għandu jaqbel dwar lista mqassra ta' bliet kandidati u għandu joħroġ rapport tal-preselezzjoni dwar l-applikazzjonijiet kollha, filwaqt li jagħti, fost l-oħrajn, rakkomandazzjonijiet lill-bliet kandidati tal-lista mqassra.

Il-bord għandu jippreżenta r-rapport ta' preselezzjoni lill-Kummissjoni.

4.   Il-bliet kandidati fil-lista mqassra għandhom ilestu u jirrevedu l-applikazzjonijiet tagħhom bil-ħsieb li jikkonformaw mal-kriterji kif ukoll jieħdu kont tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-preselezzjoni, u jippreżentawhom lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tlaqqa' l-bord għal laqgħa tal-għażla mal-bliet kandidati fil-lista mqassra mhux aktar tard minn disa' xhur wara l-laqgħa ta' preselezzjoni.

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista' testendi dik l-iskadenza ta' disa' xhur għal perijodu raġonevoli.

5.   Il-bord għandu jivvaluta l-applikazzjonijiet lesti u riveduti.

6.   Il-bord għandu joħroġ rapport tal-għażla dwar l-applikazzjonijiet tal-bliet kandidati fil-lista mqassra flimkien ma' rakkomandazzjoni għan-nomina ta' massimu ta' belt waħda f'pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali wieħed.

Ir-rapport tal-għażla għandu jkollu wkoll rakkomandazzjonijiet lill-belt ikkonċernata dwar il-progress li jrid isir sas-sena tat-titolu.

Il-bord għandu jippreżenta r-rapport tal-għażla lill-Kummissjoni.

7.   Minkejja l-paragrafu 6, jekk ebda belt kandidata ma tissodisfa l-kriterji kollha, il-bord jista' jirrakkomanda li t-titolu ma jingħatax għas-sena inkwistjoni.

Artikolu 11

Nomina

1.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jinnomina belt waħda biex iżżomm it-titolu, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-għażla tal-bord, u għandu jinnotifika, sa mhux aktar tard minn erba' snin qabel is-sena tat-titolu, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni b'dik in-nomina.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri intitolati li jinnominaw il-bliet biex iżommu t-titolu għas-sena 2020 jistgħu jestendu dik l-iskadenza għal massimu ta' sena.

2.   Fil-każ ta' pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, il-Kummissjoni għandha tinnomina belt waħda biex iżżomm it-titolu fis-snin rilevanti, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li jkun fih ir-rapport tal-għażla tal-bord, u għandha tinnotifika, mhux aktar tard minn erba' snin qabel is-sena tat-titolu, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni b'dik in-nomina.

3.   In-nomini msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu akkumpanjati minn ġustifikazzjoni abbażi tar-rapporti tal-bord.

4.   Fejn belt tinvolvi ż-żona ta' madwarha, in-nomina għandha tapplika għall-belt.

5.   Fi żmien xahrejn tan-notifika tan-nomini, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-bliet nominati bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura f'serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Kooperazzjoni bejn bliet nominati

Il-bliet nominati għall-istess sena għandhom ifittxu li jiżviluppaw rabtiet bejn il-programmi kulturali tagħhom u tali kooperazzjoni tista' tiġi kkunsidrata fil-qafas tal-proċedura ta' monitoraġġ stipulata fl-Artikolu 13.

Artikolu 13

Monitoraġġ

1.   Il-bord għandu jwettaq monitoraġġ tat-tħejjija tal-bliet nominati għas-sena tat-titolu u jipprovdilhom appoġġ u gwida minn meta jiġu nominati sal-bidu tas-sena tat-titolu.

2.   Għal dak il-fini, il-Kummissjoni għandha torganizza tliet laqgħat ta' monitoraġġ li għandhom jattendu għalihom il-bord u l-bliet nominati, kif ġej:

(a)

tliet snin qabel is-sena tat-titolu;

(b)

18-il xahar qabel is-sena tat-titolu;

(c)

xahrejn qabel is-sena tat-titolu.

L-Istat Membru jew il-pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali kkonċernat jista' jinnomina osservatur biex jattendi dawk il-laqgħat.

Il-bliet nominati għandhom jippreżentaw rapporti dwar il-progress lill-Kummissjoni sitt ġimgħat qabel kull laqgħa ta' monitoraġġ.

Matul il-laqgħat ta' monitoraġġ, il-bord għandu jagħmel rendikont tat-tħejjijiet u jagħti parir bil-ħsieb li jgħin lill-bliet nominati jiżviluppaw programm kulturali ta' kwalità għolja u strateġija effettiva. Il-bord għandu jagħti attenzjoni speċjali lir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport dwar l-għażla u fi kwalunkwe wieħed mir-rapporti ta' monitoraġġ preċedenti msemmija fil-paragrafu 3.

3.   Wara kull laqgħa ta' monitoraġġ, il-bord għandu joħroġ rapport ta' monitoraġġ dwar l-istat tat-tħejjijiet u dwar kwalunkwe pass li għandu jittieħed.

Il-bord għandu jibgħat ir-rapporti ta' monitoraġġ lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-bliet nominati u lill-Istat Membru jew pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali kkonċernat.

4.   Barra mil-laqgħat ta' monitoraġġ, il-Kummissjoni tista' torganizza żjarat mill-membri tal-bord fil-bliet nominati kull meta jkun meħtieġ.

Artikolu 14

Premju

1.   Il-Kummissjoni tista' tagħti premju fi flus f'ġieħ Melina Mercouri (“il-premju”) lil belt nominata soġġett għall-finanzjament disponibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali rilevanti.

L-aspetti legali u finanzjarji tal-premju għandhom jiġu ttrattati fil-qafas tal-programmi rispettivi tal-Unjoni ta' appoġġ għall-kultura.

2.   Il-premju ta' flus għandu jitħallas sal-aħħar ta' Marzu tas-sena tat-titolu, sakemm il-belt nominata kkonċernata tibqa' tonora l-impenji li tkun għamlet fl-istadju tal-applikazzjoni, tikkonforma mal-kriterji u tieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti tal-għażla u ta' monitoraġġ.

L-impenji magħmula fl-istadju tal-applikazzjoni għandhom jitqiesu li jkunu ġew onorati mill-belt nominata meta ma tkun saret ebda bidla sostanzjali għall-programm u l-istrateġija bejn l-istadju tal-applikazzjoni u s-sena tat-titolu, b'mod partikolari fejn:

(a)

il-baġit inżamm f'livell li jippermetti t-twettiq ta' programm kulturali ta' kwalità għolja konformi mal-applikazzjoni u l-kriterji;

(b)

l-indipendenza tat-tim artistiku ġiet rispettata b'mod xieraq;

(c)

id-dimensjoni Ewropea baqgħet qawwija biżżejjed fil-verżjoni finali tal-programm kulturali;

(d)

l-istrateġija ta' kummerċjalizzazzjoni u komunikazzjoni u l-materjal ta' komunikazzjoni użat mill-belt nominata jirriflettu biċ-ċar il-fatt li l-azzjoni hija azzjoni tal-Unjoni;

(e)

il-pjani għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tat-titolu fuq il-belt nominata jkunu fis-seħħ.

Artikolu 15

Arranġamenti prattiċi

Il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari:

(a)

tiżgura l-koerenza ġenerali tal-azzjoni;

(b)

tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-bord;

(c)

fid-dawl tal-objettivi msemmijin fl-Artikolu 2 u tal-kriterji, tistabbilixxi linji gwida biex jassistu fl-għażla u l-proċeduri ta' monitoraġġ f'kooperazzjoni mill-qrib mal-bord;

(d)

tipprovdi appoġġ tekniku lill-bord;

(e)

tippubblika, fuq is-sit tal-Internet tagħha, ir-rapporti kollha tal-bord;

(f)

tirrendi ppubblika l-informazzjoni rilevanti kollha u tikkontribwixxi għall-viżibbiltà tal-azzjoni fil-livelli Ewropej u internazzjonali;

(g)

trawwem l-iskambju tal-esperjenza u l-prattiki tajba bejn bliet detenturi tat-titolu tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-ġejjieni, kif ukoll il-bliet kandidati, u tippromwovi disseminazzjoni aktar mifruxa tar-rapporti ta' evalwazzjoni tal-bliet u l-lezzjonijiet meħuda.

Artikolu 16

Evalwazzjoni

1.   Kull belt ikkonċernata għandha tkun responsabbli għall-evalwazzjoni tar-riżultati fis-sena tagħha bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida u indikaturi komuni għall-bliet ikkonċernati abbażi tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 2 u tal-kriterji sabiex tiżgura approċċ koerenti fil-proċedura ta' evalwazzjoni.

Il-bliet ikkonċernati għandhom iħejju r-rapporti ta' evalwazzjoni tagħhom u jippreżentawhom lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru tas-sena wara s-sena tat-titolu.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapporti ta' evalwazzjoni fuq is-sit elettroniku tagħha.

2.   Minbarra l-evalwazzjonijiet tal-bliet, il-Kummissjoni għandha tiżgura li evalwazzjonijiet esterni u indipendenti tar-riżultati tal-azzjoni jsiru fuq bażi regolari.

L-evalwazzjonijiet esterni u indipendenti għandhom jiffokaw biex iqiegħdu l-Kapitali Ewropej tal-Kultura kollha tal-imgħoddi f'kuntest Ewropew, b'mod li jistgħu jsiru paraguni u jittieħdu tagħlimiet għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-ġejjieni, kif ukoll għall-bliet Ewropej kollha. Dawk l-evalwazzjonijiet għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-azzjoni bħala entità sħiħa, inklużi l-effiċjenza tal-proċessi involuti fit-tmexxija tal-azzjoni, l-impatt tagħha u l-modi kif tista' tittejjeb.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapporti li ġejjin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni abbażi ta' dawk l-evalwazzjonijiet, akkumpanjati, fejn xieraq, minn proposti rilevanti:

(a)

rapport interim inizjali sal-31 ta' Diċembru 2024;

(b)

it-tieni rapport interim sal-31 ta' Diċembru 2029;

(c)

rapport ex post sal-31 ta' Diċembru 2034.

Artikolu 17

Tħassir u dispożizzjonijiet transizzjonali

Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE hija b'dan imħassra. Hija għandha madankollu tkompli tapplika fil-każ ta' bliet li ġew nominati jew huma fil-proċess li jiġu nominati bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin mill-2013 sal-2019.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 113, 18.4.2012, p. 17 u ĠU C 17, 19.1.2013, p. 97.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fl-24 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-15 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

(4)  ĠU C 247E, 15.10.2009, p. 32.

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sal-2019 (ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221).

(7)  ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 41.


ANNESS

KALENDARJU

2020

Kroazja

Irlanda

 

2021

Rumanija

Greċja

Pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali

2022

Litwanja

Lussemburgu

 

2023

Ungerija

Renju Unit

 

2024

Estonja

Awstrija

Pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali

2025

Slovenja

Ġermanja

 

2026

Slovakkja

Finlandja

 

2027

Latvja

Portugall

Pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali

2028

Repubblika Ċeka

Franza

 

2029

Polonja

Svezja

 

2030

Ċipru

Belġju

Pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali

2031

Malta

Spanja

 

2032

Bulgarija

Danimarka

 

2033

Pajjiżi l-Baxxi

Italja

Pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali


Top