Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0254

    2014/254/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat- 2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/007 IT/VDC Technologies mill-Italja)

    ĠU L 134, 7.5.2014, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/254/oj

    7.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 134/44


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta' April 2014

    dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/007 IT/VDC Technologies mill-Italja)

    (2014/254/UE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 23, it-tieni subparagrafu tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (4), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni u biex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2)

    Il-FEG m'għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

    (3)

    L-Italja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża VDC Technologies SpA u fornitur wieħed, fil-31 ta' Awwissu 2012 u ssupplimentatha b'tagħrif addizzjonali sas-6 ta' Settembru 2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti sabiex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi mobilizzat ammont ta' EUR 3 010 985.

    (4)

    Minkejja l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 ġie miċħud, dan għandu jkompli japplika għall-applikazzjonijiet imressqa sal-31 ta' Diċembru 2013 bis-saħħa tal-Artikolu 23, it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

    (5)

    Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Italja,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2014, għandha tiġi mobilizzata somma ta' EUR 3 010 985 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament taħt l-intestatura tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Strażburgu, is-16 ta' April 2014.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. KOURKOULAS


    (1)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

    (3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

    (4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


    Top