Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0248

    2014/248/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 132, 3.5.2014, p. 73–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/08/2019; Imħassar b' 32019D1278

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/248/oj

    3.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 132/73


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-28 ta' April 2014

    dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2014/248/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni tat mandat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), li bih talbet il-parir tagħha dwar il-valutazzjoni teknika tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor fir-rigward tal-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu (CRAs).

    (2)

    Fil-parir tekniku tagħha mogħti fil-31 ta' Mejju 2013, l-ESMA indikat li fir-riżultati tagħha, il-qafas legali u superviżorju Singaporjan fir-rigward tas-CRAs huwa komparabbli ma' dak stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

    (3)

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz ikun ikkunsidrat bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet ta' dan ir-Regolament.

    (4)

    Skont l-ewwel kundizzjoni, CRAs f'pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-reġistrazzjoni u għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u regolatorju għas-CRAs Singaporjani daħal fis-seħħ fis-17 ta' Jannar 2012. L-Awtorità Monetarja ta' Singapor (MAS), li huwa l-bank ċentrali ta' Singapor, għandu s-setgħa li joħroġ leġiżlazzjoni sekondarja fuq il-bażi tas-Securities and Futures Act (SFA). Is-CRAs huma meħtieġa jiksbu liċenzja tas-servizzi tas-swieq kapitali (CMS) skont l-SFA biex iwettqu servizzi ta' klassifikazzjoni tal-kreditu f'Singapor u huma supervizzati fuq bażi kontinwa mill-MAS. Regolamenti tal-MAS applikabbli għas-CRAs, bħala detenturi tal-liċenzji tas-CMS, jinkludu s-Securities and Futures (Liċenzjar u Kondotta ta' Negozju) Regulations u s-Securities and Futures (Ħtiġijiet Finanzjarji u ta' Marġini għad-Detenturi tal-Liċenzji tas-Servizzi tas-Swieq Kapitali) Regulations, kif ukoll Kodiċi ta' Kondotta għas-CRAs li torbot legalment. Il-qafas legali u superviżorju Singaporjan jipprovdi l-MAS b'varjetà komprensiva ta' setgħat li jippermettulha tinvestiga jekk is-CRAs humiex konformi mal-obbligi legali tagħhom, apparti l-obbligi tas-CRAs li jinformaw lill-MAS dwar kwalunkwe kambjament fid-dettalji tiegħu fuq bażi kontinwa u li jirreġistraw informazzjoni finanzjarja mal-MAS. L-MAS għandha s-setgħa li tispezzjona detentur tal-liċenzja ta' CMS u s-CRAs għandhom jippermettu l-MAS taċċedi b'mod sħiħ il-kotba, il-kontijiet u d-dokumenti tagħhom u jagħtu tali informazzjoni u faċilitajiet kif jista' jkun meħtieġ biex titmexxa l-ispezzjoni. L-MAS għandha l-awtorità tagħmel kopji jew tieħu fil-pussess tagħha kull wieħed mill-kotba ppreżentati u tista' tinvoka setgħat ta' investigazzjoni biex titlob il-produzzjoni tad-dokumenti. Sa April 2012, kienu liċenzjati tliet CRAs f'Singapor u fl-ewwel tmien xhur tal-2013, l-MAS wettqet spezzjoni fuq il-post waħda. Barra minn hekk, l-MAS għandha s-setgħa li toħroġ struzzjonijiet bil-miktub lil CRA li m'għandhomx x'jaqsmu mal-kontenut ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, prospetti ta' klassifikazzjoni jew metodoloġiji, jekk tikkonsidra li huwa neċessarju jew xieraq fl-interessi tal-pubbliku jew għall-protezzjoni ta' investituri, tirtira l-liċenzja jew tissospendi l-attivitajiet ta' CRA, tippubblika informazzjoni relatata ma' kwalunkwe ksur minn CRA tal-obbligi tagħha. L-MAS tista' tirreferi l-kwistjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għal investigazzjoni u prosekuzzjoni kriminali. Il-ftehim ta' kooperazzjoni konkluż bejn l-ESMA u l-MAS jipprovdi għal skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' miżuri ta' infurzar u superviżorji meħuda fil-konfront ta' CRAs transfruntieri. Fuq din il-bażi, għandu jiġi kkonsidrat li s-CRAs f'Singapor huma suġġetti għall-ħtiġijiet tal-awtorizzazzjoni jew tar-reġistrazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-arranġamenti superviżorji u ta' infurzar Singaporjani applikabbli għas-CRAs huma applikati jew infurzati effettivament.

    (5)

    Skont it-tieni kundizzjoni, is-CRAs fil-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għal regoli li jorbtu legalment li huma ekwivalenti għal dawk stipulati fl-Artikoli 6 sa 12 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6a, 6b, 8a, 8b, 8c u 11a, il-punt (ba) tal-punt 3 u l-punti 3a u 3b tat-Taqsima B tal-Anness I ma' dak ir-Regolament. Meta jiġi vvalutat it-twettiq ta' din il-kundizzjoni għandha tingħata attenzjoni mistħoqqa lill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Fir-rigward ta' governanza korporattiva, il-qafas legali u superviżorju Singaporjan jipprovdi għal obbligu ġenerali għas-CRAs, l-uffiċjali u l-persunal tagħhom biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom b'mod indipendenti u l-indipendenza effettiva tad-diretturi hija miksuba permezz ta' ħtiġijiet għal politiki speċifiċi u tkun murija lill-MAS. Is-CRAs għandhom ifittxu l-approvazzjoni tal-MAS għall-ħatra ta' CEO jew direttur, mentri l-MAS tikkonsidra l-esperjenza, l-għarfien espert u l-prestazzjoni tal-passat tal-individwu. L-MAS għandha wkoll is-setgħa li tesiġi t-tneħħija tas-CEO, tad-diretturi jew ta' uffiċjali oħra tas-CRA jekk tikkonsidra li dawn il-persuni jkunu naqsu milli jwettqu d-dmirijiet tagħhom, bħal fir-rigward ta' kunflitti ta' interess u l-funzjoni ta' rieżami u ta' konformità. Dispożizzjonijiet estensivi huma fis-seħħ fil-qafas legali u superviżorju Singaporjan rigward l-identifikazzjoni, l-eliminazzjoni, l-immaniġġjar u d-divulgazzjoni ta' kunflitti ta' interess reali jew potenzjali. Dan il-qafas jeħtieġ ukoll li s-CRAs jistabbilixxu funzjoni ta' rieżami bir-reqqa u formali għar-rieżami ta' metodoloġiji ta' klassifikazzjoni u jinkludi numru ta' ħtiġijiet organizzattivi sabiex tiġi żgurata konformità mal-liġijiet u r-regoli applikabbli kif ukoll ħtiġijiet ta' divulgazzjoni bħal dwar l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata meta jinħarġu klassifikazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjonijiet annwali li jikkonċernaw l-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju Singaporjan għandu jilħaq l-istess għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kunflitti ta' interess, il-proċessi u l-proċeduri organizzattivi li CRA għandha tistabbilixxi, il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk jipprovdi għal protezzjoni ekwivalenti f'termini ta' integrità, trasparenza, governanza tajba tas-CRAs u affidabbiltà tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu.

    (6)

    Skont it-tielet kundizzjoni, ir-reġim regolatorju fil-pajjiż terz għandu jevita ndħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta' dak il-pajjiż terz mal-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u tal-metodoloġiji. Sakemm jista' jiġi aċċertat ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tagħti s-setgħa lill-MAS jew kull awtorità pubblika oħra biex tinfluwenza l-kontenut tal-klassifikazzjoni jew tal-metodoloġiji tal-kreditu. Kull att mill-MAS barra mis-setgħat tagħha jista' jkun soġġett għal rieżami ġudizzjarju.

    (7)

    Fl-isfond tal-fatturi eżaminati, il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistgħu jitqiesu li huma milħuqa mill-qafas legali u superviżorju Singaporjan għas-CRAs. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju Singaporjan għas-CRAs għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-Kummissjoni, infurmata mill-ESMA, għandha tkompli ssegwi l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor għas-CRAs u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni.

    (8)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju għall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu fis-seħħ f'Singapor jitqies bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' April 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


    Top