EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0115

2014/115/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 2 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern

ĠU L 68, 7.3.2014, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/115(1)/oj

Related international agreement

7.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Diċembru 2013

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern

(2014/115/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

In-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (GPA tal-1994) ġew imnedija f’Jannar 1999 skont l-Artikolu XXIV:7(b) u (c) tal-GPA tal-1994.

(2)

In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat Speċjali stabbilit bl-Artikolu 207(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Fil-15 ta’ Diċembru 2011, il-Partijiet għall-GPA tal-1994 laħqu qbil politiku fuq livell Ministerjali dwar ir-riżultati tan-negozjati. Dak il-qbil politiku ġie kkonfermat permezz tal-adozzjoni mill-Kumitat tal-GPA fit-30 ta’ Marzu 2012 ta' Deċiżjoni dwar ir-riżultati tan-negozjati. Permezz ta' dik id-Deċiżjoni, li tinkludi Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (il-“Protokoll”), il-Partijiet għall-GPA awtentikaw it-test tal-Protokoll u fetħuh għall-aċċettazzjoni tagħhom.

(4)

Il-Protokoll għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna/i li jkollha s-setgħa li tiddepożita, f’isem l-Unjoni, l-istrument ta’ aċċettazzjoni, kif speċifikat fil-paragrafu 3 tal-Protokoll u konsistentement mal-Artikolu XXIV:9 tal-GPA tal-1994 sabiex ikun espress il-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Protokoll (1).

Artikolu 3

Il-Protokoll ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament fil-qrati tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2013.

Għal Kunsill

Il-President

E. GUSTAS


(1)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top