Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1198

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2013 tal- 25 ta’ Novembru 2013 li ttemm il-proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 330/2013 li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għal reġistrazzjoni

    ĠU L 315, 26.11.2013, p. 67–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1198/oj

    26.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 315/67


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1198/2013

    tal-25 ta’ Novembru 2013

    li ttemm il-proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 330/2013 li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għal reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 24 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment dwar l-allegati sussidji dannużi għall-produzzjoni tal-bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u l-Indoneżja, li tressaqt skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku mill-European Biodiesel Board (“l-ilmentatur”) f’isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-bijodiżil fl-Unjoni.

    (2)

    L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie ta’ sussidjar tal-prodott imsemmi u ta’ dannu materjali li jirriżulta minnu, li tqieset suffiċjenti biex tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni.

    (3)

    Fl-10 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż pubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“in-notifika ta’ bidu”), il-ftuħ ta’ proċediment antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ bijodiżil fl-Unjoni li joriġina mill-Arġentina u mill-Indoneżja (2).

    (4)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-ilmentatur, lill-produtturi magħrufa l-oħra fl-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fl-Arġentina u fl-Indoneżja, lill-importaturi, lill-fornituri, lid-distributuri, lill-utenti u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa u konċernati, u lill-awtoritajiet tal-Arġentina u tal-Indoneżja bil-ftuħ tal-proċediment. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jispjegaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta sal-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika ta’ bidu.

    (5)

    Il-partijiet interessati kollha, u talbu hekk u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ.

    (6)

    Fl-10 ta’ April 2013, il-Kummissjoni ssoġġettat l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja għal reġistrazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2013 (3).

    2.   L-IRTIRAR TAL-ILMENT U T-TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

    (7)

    Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2013 indirizzata lill-Kummissjoni, l-ilmentatur irtira formalment l-ilment tiegħu.

    (8)

    Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jiġi tterminat meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm din it-terminazzjoni ma tkunx kontra l-interessi tal-Unjoni.

    (9)

    L-investigazzjoni ma żvelat ebda konsiderazzjoni li turi li din it-terminazzjoni tmur kontra l-interessi tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li dan il-proċediment għandu jiġi tterminat. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw opportunità jikkummentaw. Mandankollu l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment li jista’ jwassal għall-konklużjoni li din it-terminazzjoni tkun kontra l-interessi tal-Unjoni.

    (10)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u l-Indoneżja għandu jiġi tterminat.

    (11)

    Ir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja, stabbilita b’applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2013, għalhekk għandha titwaqqaf u r-Regolament imsemmi għandu jiġi mħassar,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-proċediment antisussidji fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ esteri monoalkiliċi ta’ aċidi xaħmin u/jew ta’ żejt tal-gass paraffiniku, li jinkisbu minn sinteżi u/jew minn trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossili, f’forma pura jew f’taħlita, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1516 20 98, ex 1518 00 91, ex 1518 00 95, ex 1518 00 99, ex 2710 19 43, ex 2710 19 46, ex 2710 19 47, 2710 20 11, 2710 20 15, 2710 20 17, ex 3824 90 97, 3826 00 10 u ex 3826 00 90, u li joriġinaw fl-Arġentina u fl-Indoneżja, b’dan qiegħed jiġi tterminat.

    Artikolu 2

    L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita b’applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 330/2013.

    Artikolu 3

    Ir-Regolament (UE) Nru 330/2013 huwa mħassar.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

    (2)  ĠU C 342, 10.11.2012, p. 12.

    (3)  ĠU L 102, 11.4.2013, p. 13.


    Top