Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0696

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 696/2013 tat- 22 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    ĠU L 198, 23.7.2013, p. 22–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2017; Impliċitament imħassar minn 32017R1509

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/696/oj

    23.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 198/22


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 696/2013

    tat-22 ta’ Lulju 2013

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposti konġunti tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (1), jagħti effett lill-miżuri previsti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/795/PESK tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (2), li mbagħad ġiet revokata u sostitwita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (3).

    (2)

    Fit-22 ta’ April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/800/PESK (4), li ġġedded il-miżuri eżistenti u tagħti effett għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) 2094 (2013).

    (3)

    Il-miżuri restrittivi jinkludu projbizzjoni fuq l-għoti ta’ taħriġ tekniku, pariri, servizzi jew assistenza teknika f’dak li għandu x’jaqsam ma’ oġġetti pprojbiti u huwa meħtieġ li jiġi estiż l-ambitu ta’ dik il-projbizzjoni sabiex jiġi jinkludi servizzi intermedjarji oħra.

    (4)

    Il-forniment ta’ servizzi finanzjarji lil persuni u entitajiet addizzjonali huwa pprojbit, jiġifieri dawk li jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni tal-persuni u l-entitajiet innominati jew entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew li huma kkontrollati minnhom, u huwa meħtieġ li jiġi miżjud kriterju addizzjonali tal-elenkar fir-Regolament (KE) Nru 329/2007 għal dak il-għan.

    (5)

    Huwa neċessarju li jiġi pprojbit il-ħolqien ta’ relazzjonijiet ta’ korrispondent ġodda ma’ banek fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (‘Korea ta’ Fuq’) u ż-żamma ta’ relazzjonijiet ta’ korrispondent ma’ banek fil-Korea ta’ Fuq fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li dan jista’ jikkontribwixxi għall-programmi relatati man-nukleari, ma’ armi oħra ta’ qerda massiva jew mal-missili ballistiċi jew attivitajiet projbiti oħra tal-Korea ta’ Fuq. Minbarra dan, l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għandhom ikunu pprojbiti milli jiftħu kontijiet bankarji fil-Korea ta’ Fuq.

    (6)

    Huwa meħtieġ li tiġi spezzjonata l-merkanzija kollha li toriġina mill-Korea ta’ Fuq, jew li hija destinata għall-Korea ta’ Fuq, jew li tkun intermedjata jew iffaċilitata mill-Korea ta’ Fuq jew miċ-ċittadini tagħha, jew minn individwi jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom, fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija jkun fiha oġġetti pprojbiti. Għalhekk jenħtieġ li jkun hemm l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni qabel il-wasla u qabel it-tluq. Meta bastiment jirrifjuta spezzjoni, dan għandu jiġi rrifjutat id-dħul.

    (7)

    Huwa meħtieġ li jiġi pprojbit għal kwalunkwe inġenju tal-ajru li jitlaq minn, jinżel fi, jew itir fuq it-territorju tal-Unjoni, jekk ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-inġenju tal-ajru jkun fih oġġetti pprojbiti.

    (8)

    L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 329/2007 jelenka l-oġġetti, il-materjali, it-tagħmir, il-prodotti u t-teknoloġija kollha, inkluż software, li huma prodotti jew teknoloġija b’użu doppju kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (5) li huma pprojbiti milli jinbiegħu, jiġu fornuti, ittrasferiti jew esportati, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Korea ta’ Fuq jew biex jintużaw hemm, f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 329/2007.

    (9)

    L-Anness Ia jelenka oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija oħra li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq marbuta mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn ta’ qerda massiva jew ma’ missili ballistiċi li wkoll huma pprojbiti milli jinbiegħu, jiġu fornuti, ittrasferiti jew esportati. Huwa l-kompitu tal-Unjoni li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom jiġu inklużi f’dak l-Anness.

    (10)

    Il-lista tal-oġġetti fl-Anness Ia tar-Regolament (KE) Nru 329/2007 għandha tiġi emendata biex tiżdied il-lista tal-oġġetti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    (11)

    Dawn il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, b’mod speċjali bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn li tittieħed azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

    (12)

    Ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, jiżdied il-punt li ġej:

    “9.

    ‘servizzi ta’ senserija’ tfisser:

    (i)

    in-negozjar jew l-arranġament ta’ tranżazzjonijiet għax-xiri, bejgħ jew provvista ta’ merkanzija u teknoloġija jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi dawk minn pajjiż terz lil kwalunkwe pajjiż terz ieħor; jew

    (ii)

    il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija u teknoloġija, jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi fejn jinsabu f’pajjiżi terzi għat-trasferiment tagħhom għal pajjiż terz ieħor;”;

    (2)

    fil-Artikolu 3(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    il-forniment, dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika jew ta’ servizzi ta’ senserija relatati ma’ merkanzija u teknoloġija elenkati fil-Lista Komuni tal-UE ta’ Tagħmir Militari jew fl-Annessi I, Ia u Ib, u mal-forniment, manifattura, manutenzjoni u użu ta’ merkanzija elenkata fil-Lista Komuni tal-UE ta’ Tagħmir Militari jew fl-Annessi I, Ia u Ib lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Korea ta’ Fuq, jew għall-użu fil-Korea ta’ Fuq;”;

    (3)

    L-Artikolu 3a huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3a

    1.   Bil-għan li jiġi impedut it-trasferiment ta’ merkanzija u teknoloġija li huma koperti mil-Lista Komuni tal-UE ta’ Tagħmir Militari jew il-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew l-importazzjoni tagħhom li huma pprojbiti minn dan ir-Regolament, flimkien mal-obbligu li l-awtoritajiet doganali kompetenti jiġu pprovduti bl-informazzjoni ta’ qabel il-wasla u wara t-tluq kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet rilevanti li jirrigwardaw id-dikjarazzjonijiet sommarji tad-dħul u l-ħruġ flimkien mad-dikjarazzjonijiet tad-dwana fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (*) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (**), il-persuna li tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tiddikjara jekk il-merkanzija hijiex koperta mil-Lista Komuni tal-UE ta’ Tagħmir Militari jew minn dan ir-Regolament u, fejn l-esportazzjoni hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni, tispeċifika d-dettalji tal-liċenzja tal-esportazzjoni mogħtija.

    2.   L-elementi addizzjonali meħtieġa msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu ppreżentati jew f’forma miktuba jew bl-użu ta’ dikjarazzjoni tad-dwana kif ikun xieraq.

    3.   Fejn hemm motivi raġonevoli biex wieħed jemmen li bastiment jista’ jkun fih oġġetti pprojbiti taħt dan ir-Regolament, għandu jkun ipprojbit li jiġi aċċettat, jew jiġi pprovdut aċċess għal portijiet fit-territorju tal-Unjoni għal:

    (a)

    kwalunkwe bastiment li jkun irrifjuta li jiġi spezzjonat wara li tali spezzjoni tkun ġiet awtorizzata mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment, jew

    (b)

    kwalunkwe bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Korea ta’ Fuq li jkun irrifjuta li jiġi spezzjonat.

    4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 3 ma għandhomx jirrestrinġu l-aċċess għall-portijiet fil-każ ta’ emerġenza;

    5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 3 ma għandhomx jirrestrinġu l-aċċes għall-portijiet fejn tali aċċess huwa meħtieġ għal finijiet ta’ spezzjoni.

    6.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 3 ma għandhom jirrestrinġu lil ebda bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru milli jkollu aċċess għall-portijiet tal-istat tal-bandiera tiegħu.

    7.   Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-paragrafu 3.

    (*)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1."

    (**)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.”;"

    (4)

    jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 3b

    Il-forniment ta’ servizzi ta’ trażbord jew ta’ servizzi forniment ta’ bastimenti, jew xi servizzi oħra għall-bastimenti, lil bastimenti tal-Korea ta’ Fuq huwa pprojbit fejn il-fornituri tas-servizz ikollhom informazzjoni, inkluż mingħand l-awtoritajiet kompetenti tad-dwana fuq il-bażi tal-informazzjoni ta’ qabel il-wasla u ta’ qabel it-tluq imsemmija fl-Artikolu 3a(1), li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-bastimenti qed iġorru oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont ir-Regolament, sakemm il-forniment ta’ dawn is-servizzi ma jkunx neċessarju għal skopijiet umanitarji.;

    Artikolu 3c

    1.   Ħlief fejn ipprojbit mill-paragrafu 8 tar-Riżoluzzjoni 1718 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-paragrafi 9, 10 u 23 tar-Riżoluzzjoni 1874 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-paragrafu 9 tar-Riżoluzzjoni 2087 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-paragrafi 7 u 20 tar-Riżoluzzjoni 2094 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew minn miżuri rilevanti taħt Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti oħrajn segwenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk it-termini u l-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, transazzjonijiet fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament jew assistenza jew servizzi ta’ senserija msemmija fl-Artikolu 3(1), dment li l-oġġetti u t-teknoloġija, l-assistenza jew is-servizzi ta’ senserija huma għall-finijiet ta’ ikel, ta’ agrikoltura, mediċi jew finijiet umanitarji oħrajn.

    2.   L-Istat Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, fi żmien erba’ ġimgħat, ta’ awtorizzazzjonijiet taħt dan l-Artikolu.”;

    (5)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Jekk deroga mill-Artikoli 2(1)(a) jew 3(1)(a) jew (b) tkun meqjusa meħtieġa f’każ speċifiku, il-bejjiegħ, il-fornitur, il-parti li tkun qed tittrasferixxi, l-esportatur jew il-fornitur tas-servizz ikkonċernati jistgħu jippreżentaw talba debitament motivata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kif elenkat fl-Anness II. L-Istat Membru li jirċievi t-talba għandu, jekk iqis li tali deroga hija ġġustifikata, jippreżenta talba għal approvazzjoni speċifika lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.”;

    (b)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, transazzjoni fir-rigward ta’ oġġetti msemmija fil-punt 17 tal-Anness III dment li l-oġġetti huma għal finijiet umanitarji jew għal finijiet uffiċjali ta’ missjonijiet diplomatiċi jew konsulari jew organizzazzjonijiet internazzjonali li jgawdu immunitajiet f’konformità mal-liġi internazzjonali.”;

    (6)

    fl-Artikolu 5a, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    jiftaħ kont bankarju ġdid ma’ istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja domiċiljata fil-Korea ta’ Fuq jew kull istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2);

    (b)

    jistabbilixxi relazzjoni ġdida ta’ bank korrispondenti ma’ istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja domiċiljata fil-Korea ta’ Fuq jew kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2);”

    (b)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(c)

    jiftaħ uffiċċju rappreżentattiv ġdid fil-Korea ta’ Fuq, jew jistabbilixxi fergħa jew sussidjarja ġdida, fil-Korea ta’ Fuq;

    (d)

    jistabbilixxi impriża konġunta ġdida ma’ istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja domiċiljata fil-Korea ta’ Fuq jew kull istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2);

    (e)

    iżomm relazzjoni ta’ bank korrispondenti ma’ istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja domiċiljata fil-Korea ta’ Fuq jew istituzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2) jekk ikun hemm informazzjoni li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li dan jista’ jikkontribwixxi għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq relatati man-nukleari, ma’ armi oħra ta’ qerda massiva jew ma’ missili ballistiċi, jew attivitajiet oħra projbiti minn dan ir-Regolament jew mid-Deċiżjoni 2013/183/PESK.”;

    (7)

    fl-Artikolu 6, il-paragrafi 1 sa 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni, l-entitajiet, u l-korpi elenkati fl-Anness IV jew li huma proprjetà tagħhom jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati. L-Anness IV għandu jinkludi l-persuni, l-entitajiet u l-korpi indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti skont il-paragrafu 8(d) tar-Riżoluzzjoni 1718 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-paragrafu 8 tar-Riżoluzzjoni 2094 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    2.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness V, jew li huma l-proprjetà tagħhom, jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati. L-Anness V għandu jinkludi l-persuni, l-entitajiet u l-korpi li mhumiex elenkati fl-Anness IV, li, f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni 2013/183/PESK ġew identifikati mill-Kunsill:

    (a)

    li huma responsabbli għal, inkluż permezz tal-appoġġ jew il-promozzjoni ta’, programmi tal-Korea ta’ Fuq relatati mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn ta’ qerda massiva, jew mal-missili ballistiċi jew persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu f’isimhom jew skont l-istruzzjonijiet tagħhom, jew persuni, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti;

    (b)

    li jipprovdu servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’, jew mit-territorju tal-Unjoni, jew li jinvolvu ċittadini ta’ Stati Membri jew entitajiet organizzati taħt il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tal-Unjoni, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi oħrajn jew riżorsi li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn ta’ qerda massiva jew ma’ missili ballistiċi, kif ukoll persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu f’isimhom jew fuq l-istruzzjonijiet tagħhom jew persuni, entitajiet jew korpi li jappartjenu lilhom jew li huma kkontrollati minnhom; jew

    (c)

    li huma involuti, inkluż permezz tal-għoti ta’ servizzi finanzjarji, fil-provvista lejn jew mill-Korea ta’ Fuq ta’ armi u ta’ materjali relatati ta’ kull tip, jew ta’ oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn ta’ qerda massiva u ma’ missili ballistiċi għall-Korea ta’ Fuq.

    L-Anness V għandu jiġi rieżaminat regolarment u mill-inqas kull 12-il xahar.

    2a.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness Va, jew li huma l-proprjetà tagħhom, huma miżmuma jew huma kkontrollati minnhom, għandhom ikunu ffriżati. L-Anness Va għandu jinkludi l-persuni, l-entitajiet jew il-korpi mhux koperti bl-Anness IV jew V li qed jaħdmu f’isem jew fuq l-istruzzjonijiet ta’ persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew V jew lil persuni li jgħinu fl-evażjoni ta’ sanzjonijiet jew li jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew tad-Deċiżjoni 2013/183/PESK.

    L-Anness Va għandu jiġi rieżaminat regolarment u mill-inqas kull 12-il xahar.

    3.   L-Annessi IV, V u Va għandhom jinkludu, fejn disponibbli, informazzjoni dwar persuni fiżiċi elenkati, bil-għan li l-persuni kkonċernati jiġu identifikati biżżejjed.

    Din l-informazzjoni tista’ tinkludi:

    (a)

    il-kunjom u l-ismijiet, inklużi psewdonimi u titli, jekk hemm;

    (b)

    id-data u l-post tat-twelid;

    (c)

    iċ-ċittadinanza;

    (d)

    in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità;

    (e)

    in-numri tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali;

    (f)

    is-sess;

    (g)

    l-indirizz jew tagħrif ieħor dwar fejn wieħed ikun jinsab;

    (h)

    il-funzjoni jew professjoni;

    (i)

    id-data tan-nomina.

    L-Annessi IV, V u Va għandhom jinkludu wkoll ir-raġunijiet għall-elenkar, bħall-impjieg.

    L-Annessi IV, V u Va jistgħu jinkludu wkoll informazzjoni għall-finijiet ta’ identifikazzjoni, kif stipulat f’dan il-paragrafu, dwar il-membri tal-familja tal-persuni elenkati, sakemm din l-informazzjoni tkun meħtiega f’każ speċifiku bil-għan waħdieni li tiġi vverifikata l-identità tal-persuna fiżika elenkata kkonċernata.

    4.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom ikunu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Annessi IV, V u Va.”;

    (8)

    L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 7

    1.   B’deroga mill-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti tal-Internet elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

    (a)

    neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew legali, tal-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness IV, V jew Va, u l-membri tal-familji dipendenti ta’ tali persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għal ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, ħlas ta’ assigurazzjoni u ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż imġarrba b’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi legali; jew

    (c)

    maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji jew imposti għal servizzi għall-kustodja normali jew għall-manutenzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; u

    (d)

    fejn l-awtorizzazzjoni tkun tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV, l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b’dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal dik l-azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol min-notifika.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti tal-Internet elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm:

    (a)

    fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie notifikat dwar din id-determinazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat u li d-determinazzjoni ġiet approvata minn dak il-Kumitat; u

    (b)

    fejn l-awtorizzazzjoni tkun tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness V jew Va, l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifka lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għaliex iqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-anqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

    3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafi 1 u 2.”;

    (9)

    Fl-Artikolu 8, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    ir-rahan jew is-sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta’ persuna, entità jew korp elenkati fl-Annessi IV, V jew Va;”;

    (10)

    Fl-Artikolu 11a, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 16 għandhom, fl-attivitajiet tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-kreditu u finanzjarji msemmija fil-paragrafu 2, u sabiex jevitaw tali attivitajiet li jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq relatati man-nukleari, ma’ armi oħra ta’ qerda massiva jew mal-missili ballistiċi jew sabiex jevitaw attivitajiet oħra pprojbiti minn dan ir-Regolament, jew mid-Deċiżjoni 2013/183/PESK:

    (a)

    jeżerċitaw viġilanza kontinwa fuq l-attivitajiet tal-kontijiet, b’mod partikolari permezz tal-programmi tagħhom dwar diliġenza dovuta tal-klijent u obbligi relatati mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

    (b)

    jirrikjedu li fl-istruzzjonijiet tal-pagamenti timtela l-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-oriġinatur u l-benefiċjarju tat-tranżazzjoni kkonċernata u, jekk dik l-informazzjoni ma tiġix ipprovduta, jirrifjutaw it-tranżazzjoni;

    (c)

    iżommu r-rekords kollha tat-tranżazzjonijiet għal perijodu ta’ ħames snin u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali fuq talba;

    (d)

    jekk jissuspettaw jew ikollhom bażi raġonevoli sabiex jissuspettaw li l-fondi huma marbuta mal-finanzjament tal-proliferazzjoni, immedjatament jirrappurtaw is-suspetti tagħhom lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja (UIF) jew awtorità kompetenti oħra nnominata mill-Istat Membru kkonċernat, kif indikat fis-siti tal-Internet fl-Anness II, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(1) jew l-Artikolu 6. L-UIF jew xi awtorità kompetenti oħra għandha sservi ta’ ċentru nazzjonali għar-riċeviment u l-analiżi ta’ rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi dwar finanzjament potenzjali tal-proliferazzjoni. L-UIF jew xi awtorità kompetenti oħra simili għandu jkollha aċċess, direttament jew indirettament, mingħajr dewmien żejjed, għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva jew tal-infurzar tal-liġi li teħtieġ sabiex twettaq din il-funzjoni b’mod xieraq, inkluża l-analiżi tar-rapporti tat-tranżazzjonijiet suspettużi.”;

    (11)

    għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 11b

    1.   Fejn hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li inġenju tal-ajru jista’ jkun fih oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti taħt l-Artikoli 2, 4 jew 4a, għandu jkun ipprojbit għal dak l-inġenju tal-ajru li:

    (a)

    itir fuq it-territorju tal-Unjoni; jew

    (b)

    jibda jew itemm titjira fit-territorju tal-Unjoni.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux iwaqqaf lill-inġenji tal-ajru milli jagħmlu nżul ta’ emerġenza.

    3.   Il-paragrafu 1 ma għandux iwaqqaf lill-inġenji tal-ajru rreġistrati fi Stat Membru milli jagħmlu nżul għall-ispezzjoni ta’ oġġetti pprojbiti.

    4.   Il-parteċipazzjoni, konxjament u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-paragrafu 1 hija pprojbita.”;

    (12)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 11c

    1.   L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq bona fede fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandux joħloq responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b’riżultat ta’ negliġenza.

    2.   Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament ma għandhomx iwasslu għal responsabbiltà ta’ ebda xorta min-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru dawn il-projbizzjonijiet.”;

    (13)

    L-Anness Ia għar-Regolament (KE) Nru 329/2007 huwa emendat skont it-test stipulat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

    L-Anness II għal dan ir-Regolament huwa mdaħħal bħala l-Anness Va għar-Regolament (KE) Nru 329/2007.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 88, 29.3.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 322, 22.11.2006, p. 32.

    (3)  ĠU L 341, 23.12.2010, p. 32.

    (4)  ĠU L 111, 23.4.2013, p. 52.

    (5)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.


    ANNESS I

    L-Anness Ia għar-Regolament (KE) Nru 329/2007 huwa emendat kif ġej:

    L-entrati li ġejjin għandhom jiddaħħlu wara l-entrata I.A1.024:

    “I.A1.025

    Liegi tat-Titanju, minbarra dawk speċifikati f’1C002 u 1C202.

    1C002

     

     

    1C202

    I.A1.026

    Żirkonju u liegi taż-żirkonju, minbarra dawk speċifikati f’1C011, 1C111 u 1C234.

    1C011

     

     

    1C111

     

     

    1C234

    I.A1.027

    Materjali splussivi minbarra dawk speċifikati f’1C239, jew materjali jew taħlitiet li aktar minn 2 % tal-piż tagħhom huwa tali materjal splussivi, b’densità kristallina ogħla minn 1,5 g/cm3 u li għandhom veloċità ta’ detonazzjoni ogħla minn 5 000  m/s.

    1C239”

    L-entrata I.A2.002 għandha tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

    “I.A2.002

    Għodda tal-magni, minbarra dawk speċifikati f’2B001 jew 2B201 u kwalunkwe taħlita tagħhom, għat-tneħħija (jew il-qtugħ) ta’ metalli, ċeramika jew ‘kompożiti’ li, skont l-ispeċifikazzjoni teknika tal-manifattur, jistgħu jkunu mgħammra b’apparat elettroniku għall-‘kontroll numeriku’, li jkollhom preċiżjoni ta’ pożizzjonar ta’ daqs jew inqas (aħjar) minn 30 μm skont ISO 230/2 (1988) (1) jew ekwivalenzi nazzjonali fuq kwalunkwe assi lineari.

    2B001

     

     

    2B201”

    L-entrata li ġejja għandha tiddaħħal wara l-entrata I.A6.012:

    “I.A6.013

    Lejżers, minbarra dawk speċifikati f’6A005 u 6A205.

    6A005

     

     

    6A205”


    ANNESS II

    “ANNESS Va

    LISTA’ TA’ PERSUNI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 6(2a)


    Top