Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0545

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 545/2013 tal- 14 ta’ Ġunju 2013 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sustanza aromatizzanti 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 163, 15.6.2013, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/545/oj

    15.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 163/15


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 545/2013

    tal-14 ta’ Ġunju 2013

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sustanza aromatizzanti 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tagħha,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 (3) adotta lista ta’ sustanzi aromatizzanti u introduċa dik il-lista fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

    (2)

    Dik il-lista tista’ tiġi aġġornata skont il-proċedura uniformi msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara applikazzjoni minn Stat Membru jew minn parti interessata.

    (3)

    Is-sustanza aromatizzanti 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen (Nru FL 15.024) hija inkluża fil-lista bħala sustanza aromatizzanti taħt evalwazzjoni li għaliha għandha tiġi ppreżentata dejta xjentifika addizzjonali. Din id-dejta tressqet mill-applikant.

    (4)

    L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ivvalutat id-dejta mressqa u fil-15 ta’ Mejju 2013 ikkonkludiet li 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen hija mutaġenika kemm in vitro kif ukoll in vivo u li għalhekk l-użu tagħha bħala sustanza aromatizzanti tqajjem tħassib rigward is-sikurezza (4).

    (5)

    Għaldaqstant l-użu ta’ 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ sustanzi aromatizzanti stabbiliti fl-Artikolu 4(a) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008. Konsegwentement, dik is-sustanza għandha titneħħa mil-lista mingħajr dewmien sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem.

    (6)

    Il-Kummissjoni għandha tuża l-proċedura ta’ urġenza għat-tneħħija ta’ sustanza li tqajjem tħassib rigward is-sikurezza mil-lista tal-Unjoni.

    (7)

    Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 sustanzi aromatizzanti mhux inklużi fil-lista tal-Unjoni jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala tali u jintużaw fl-ikel jew fuq l-ikel sat-22 ta’ Ottubru 2014. Dak il-perjodu transitorju ma għandux japplika għal 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen.

    (8)

    Minħabba li 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen kien jintuża f’livelli baxxi u miżjud mal-ikel f’ammonti żgħar annwalment fl-Unjoni Ewropea, il-preżenza ta’ dik is-sustanza fl-ikel ma tqajjimx tħassib immedjat dwar is-sikurezza. Għalhekk, filwaqt li jiġu kkunsidrati wkoll raġunijiet tekniċi u ekonomiċi, għandhom jiġu stabbiliti perjodi ta’ transizzjoni biex ikopru ikel li fih is-sustanza aromatizzanti 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen li tkun tqiegħdet fis-suq jew intbagħtet minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (9)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 hi emendata skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    1.   It-tqegħid fis-suq ta’ 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen bħala sustanza aromatizzanti u l-użu ta’ dik is-sustanza fl-ikel jew fuqu għandhom ikunu ipprojbiti.

    2.   It-tqegħid fis-suq ta’ ikel li fih is-sustanza aromatizzanti 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen għandu jkun ipprojbit.

    3.   L-importazzjoni ta’ 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen bħala sustanza aromatizzanti u l-importazzjoni ta’ ikel li fih is-sustanza aromatizzanti 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen għandhom ikunu ipprojbiti.

    Artikolu 3

    1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2(2), ikel li jkun fih is-sustanza aromatizzanti 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jista’ jinbiegħ sad-data “uża sa” tiegħu jew sad-data ta’ durabilità minima tiegħu.

    2.   L-Artikolu 2 ma għandux japplika għall-kunsinni ta’ ikel li jkun fih is-sustanza aromatizzanti 3-aċetil-2,5-dimetiltijofen fejn l-importatur ta’ tali oġġetti tal-ikel jista’ juri li dawn intbagħtu mill-pajjiż terz ikkonċernat u li kienu jinsabu fi triqithom lejn l-Unjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

    (2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 267, 2.10.2012, p. 1.

    (4)  The EFSA Journal 2013; 11(5): 3227.


    ANNESS

    Fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, l-annotazzjoni li ġejja għal FL 15.024 titħassar:

    “15.024

    3-aċetil-2,5-dimetiltijofen

    2530-10-1

    1051

    11603

     

     

    2

    EFSA”


    Top