EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0186

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 186/2013 tal- 5 ta’ Marzu 2013 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Salame Felino (IĠP)]

ĠU L 62, 6.3.2013, p. 4–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/186/oj

6.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 186/2013

tal-5 ta’ Marzu 2013

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Salame Felino (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2), l-applikazzjoni mressqa mill-Italja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Salame Felino” kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

(2)

F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, ġew innotifikati lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni, immotivati skont l-Artikolu 7(3)(a), (c) u (d) ta’ dak ir-Regolament, mill-Belġju, mill-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Ġermanja. B’ittra tas-27 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibdew il-konsultazzjonijiet xierqa

(3)

Fi tmiem il-perjodu ta’ konsultazzjonijiet xierqa, il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi waslu għal ftehim mal-Italja. Dan il-ftehim iwassal għal emenda tad-deskrizzjoni kwalitattiva tal-materja prima bl-introduzzjoni ta’ referenza għall-klassifikazzjoni stabbilita fit-tabella li tiddefinixxi l-karkassi u li tidher fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (4), it-tneħħija tal-limitu ġeografiku tat-tqattigħ u l-ippakkjar flimkien ma’ emendi minuri fit-test.

(4)

Madankollu, ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn il-Ġermanja u l-Italja matul il-perjodu ta’ konsultazzjonijiet xierqa.

(5)

Ladarba ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn il-partijiet kollha fi żmien sitt xhur, il-Kummissjoni trid tadotta deċiżjoni.

(6)

L-oġġezzjoni tal-Ġermanja kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006 (5) fir-rigward tal-oriġini tal-materja prima. Għandu jitqies li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma timponix restrizzjoni ġeografika fuq tali oriġini, kif ikkonfermat mill-emenda proposta mill-Italja abbażi tal-ftehim li ntlaħaq mal-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi.

(7)

Min oġġezzjona sostna wkoll li r-rekwiżit “kwalità determinata, ir-reputazzjoni jew karatteristiki oħrajn jistgħu jkunu attribwiti lil din l-oriġini ġeografika” mhux qed jiġi ssodisfat. Minħabba li l-Italja bbażat l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni bħala indikazzjoni ġeografika fuq ir-reputazzjoni miksuba mis-“Salame Felino”, id-dossier segwa dan ir-raġunament. Għandu jitqies li min oġġezzjona la jopponi din ir-reputazzjoni u lanqas ma jiddubitaha. Għalhekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 ġew irrispettati.

(8)

It-tielet raġuni għall-oġġezzjoni mill-Ġermanja, jiġifieri li l-isem propost għar-reġistrazzjoni huwa isem ġeneriku, ma ġiet sostnuta bl-ebda evidenza u għalhekk in-natura ġenerika ma ntweriet bl-ebda mod.

(9)

Fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tiegħu u bħala konklużjoni għall-konsultazzjonijiet xierqa, il-Belġju kkwota l-Artikolu 7(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Skont dan l-Artikolu, jiġu aċċettati d-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni “(…) għar-raġuni li r-reġistrazzjoni tal-isem propost jikkawża jipperikola […] l-eżistenza ta’ prodotti li ilhom fis-suq b’mod legali għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2)”. Perjodu tranżitorju massimu ta’ ħames snin jista’ f’dan il-każ ikun awtorizzat fejn dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tkun ġiet iddikjarata ammissibbli għal din ir-raġuni. Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tal-Belġju tirreferi għall-intrapriżi Reulen bvba u Salaisons Salamone SA u turi li dawn iż-żewġ intrapriżi jipproduċu u jikkumerċjalizzaw salami tat-tip Felino.

(10)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, l-isem imsemmi għandu jiġi rreġistrat, id-dokument uniku emendat għandu jiġi ppubblikat u għandu jiġi introdott perjodu tranżitorju ta’ 5 snin favur l-intrapriżi msemmija hawn fuq.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament hija b’dan irreġistrata.

Artikolu 2

Huwa stabbilit perjodu tranżitorju ta’ 5 snin favur l-intrapriżi Reulen bvba u Salaisons Salamone SA msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tal-Belġju.

Artikolu 3

Id-dokument uniku emendat jidher fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(3)  ĠU C 19, 20.1.2011, p. 11.

(4)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(5)  ĠU L 369, 23.12.2006, p. 1.


ANNESS I

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-trattat:

Klassi 1.2:   Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

L-ITALJA

Salame Felino (IĠP)


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 (*)

“SALAME FELINO”

Nru tal-KE: IT-PGI-0005-0597-11.04.2007

IĠP (X) DPO ( )

1.   Isem

“Salame Felino”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2:

Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Meta jinħareġ fis-suq biex jinbiegħ lill-konsumaturi, is-“Salame Felino” IĠP għandu jkollu forma ċilindrika, b’tarf wieħed ikbar mill-ieħor u l-wiċċ ta’ barra ta’ kulur abjad fil-griż kemxejn miksi bi trab, li jinħoloq minn ammont moderat ta’ tipi differenti ta’ moffa awtoktona.

Is-“Salame Felino” IĠP għandu jkollu l-karatteristiki li ġejjin:

Piż: bejn 200 gramma u 4,5 kilogrammi;

Qisien: forma ċilindrika mhux regolari, b’tul ta’ bejn 15 u 130 cm;

karatteristiki organolettiċi: meta l-prodott jinqata’, kull fetta tkun kompatta u ta’ konsistenza mhux elastika u omoġenja, relattivament nieqsa mix-xaħam u ta’ kulur aħmar skur, mingħajr tbajja’, u b’togħma delikata u mhux pikkanti;

Karatteristiki kimiċi, u kimikofiżiċi:

ammont totali ta’ proteina

mhux inqas minn 23 %

proporzjon kollaġen/proteini

mhux aktar minn 0,10

proporzjon ilma/proteini

mhux aktar minn 2,00

proporzjon xaħam/proteini

mhux aktar minn 1,50

pH

> 5,3

ammont totali ta’ laktobaċilli

> 100 000

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Is-“Salame Felino” IĠP huwa magħmul mil-laħam tal-majjal, kif deskritt hawn taħt:

Jintużaw annimali ta’ razez bażiċi tradizzjonali puri jew derivati minn Large White u Landrace, kif imtejba permezz tar-Reġistru tar-Razez Taljan.

Jintużaw ukoll annimali tar-razza Duroc, kif imtejba permezz tar-Reġistru tar-Razez Taljan.

Barra minn hekk, jintużaw ukoll annimali ta’ razez oħra, imħalltin u ibridi, sakemm il-karkassi tagħhom ikunu jaqgħu taħt il-klassijiet U, R jew O kif iddefinit fit-tabella Komunitarja ta’ klassifikazzjoni tal-karkassi tal-ħnieżer fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u fl-emendi sussegwenti tiegħu;

B’osservanza għat-tradizzjoni, jibqgħu madankollu esklużi l-annimali b’karatteristiki antiteteċi, l-aktar dawk suxxettibbli għall-istress (PSS), li llum jinstabu b’mod oġġettiv anki fuq annimali “post mortem” u fuq il-prodotti mmaturati;

Huma madankollu esklużi l-annimali tar-razez puri Landrace Belġjana, Hampshire, Pietrain, Duroc u Spotted Poland;

Ir-razez li jintużaw għandhom jiżguraw li jintlaħqu piżijiet tqal b’effiċjenza tajba u, xorta waħda, piż medju ta’ 160 kilogramma għal kull lott (piż ħaj), bejn wieħed u ieħor 10 %;

L-età minima għall-qatla hija ta’ disa’ xhur;

Ma jintużawx ħnieżer maskili li jintużaw għat-tgħammir u ħnieżer femminili;

Il-ħnieżer għandhom jinqatlu waqt li jkunu fi stat tajjeb ta’ saħħa u għandhom jiġu svinati kompletament;

Il-qatgħat ta’ laħam użati għall-produzzjoni tas-“Salame Felino” IĠP jikkonsistu f’partijiet tal-muskoli u xaħam magħżula bħal, pereżempju, il-parti ta’ quddiem taż-żaqq (testa di pancetta) u/jew kapuljat minn taħt l-ispalla (trito di banco (sottospalla)). Il-laħam li jintuża ma jrid ikun għadda minn l-ebda proċess ta’ ffriżar.

Mill-partijiet tal-muskolu u dawk xaħmin, jinqatgħu u jitneħħew bil-galbu l-għeruq tal-ligamenti kif ukoll it-tessut xaħmi l-artab.

Il-laħam (il-partijiet tal-muskoli u dawk xaħmin) li jintuża għas-“Salame Felino” IĠP għandu jinżamm f’kamra għat-tkessiħ b’temperatura ta’ mhux inqas minn - 1 °C mgħammra b’tali mod li tippermetti li l-partijiet muskolari jinxfu sew mill-ilma.

It-tħin tat-taħlita għandu jsir permezz ta’ magna tal-kapuljat (forom b’toqob ta’ dijametru ta’ 6-8 mm).

Il-laħam imbagħad jiġi magħġun bil-melħ fi proporzjon ta’ 2 għal kull 2,8 %, bil-bżar sħiħ u/jew mitħun fi proporzjon ta’ 0,03 sa 0,06 %, kif ukoll b’tewm misħuq.

Jista’ jintuża wkoll:

inbid abjad xott, f’doża massima ta’ 400 ċl inbid/100 kg laħam sabiex jissaħħu r-riħa u l-aroma;

zokkor u/jew destrożju u/jew fruttożju: 0–0,3 %;

kolturi li jagħtu bidu għall-fermentazzjoni: l-użu ta’ dawn il-kolturi li jagħtu bidu għall-fermentazzjoni għandu jsir f’konformità ma’ prattiki tajba, u billi jiġu kkunsidrati l-karatteristiki speċifiċi tal-kolturi li jagħtu bidu għall-fermentazzjoni tas-“Salame Felino”. L-iskop tagħhom hu li jiżviluppaw it-togħma u l-aroma permezz ta’ azzjoni lipolitika u proteolitika waqt li jistabilizzaw il-kulur u jikkontrollaw l-aċidifikazzjoni tal-prodott.

nitrat tas-sodju u/jew tal-potassju: mhux aktar minn 300 mg/kg; nitrat tas-sodju u/jew tal-potassju: mhux aktar minn 150 mg/kg; aċidu askorbiku u melħ tas-sodju tiegħu: mhux aktar minn 1 g/kg.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

L-għalf użat għandu jkun konformi mal-istandards kummerċjali. L-għalf għandu preferibbilment jingħata f’forma ta’ likwidu (brodu jew tagħsida) u, tradizzjonalment, bix-xorrox tal-ħalib. Fl-għalf awtorizzat li jingħata lil annimali b’piż ħaj sa 80 kg, il-preżenza ta’ sustanza niexfa taċ-ċereali ma għandhiex tkun inqas minn 45 % tal-ammont sħiħ. Fir-rigward tal-għalf awtorizzat li jintuża waqt il-fażi tat-tismin, il-preżenza tas-sustanza niexfa taċ-ċereali ma għandhiex tkun inqas minn 55 % tal-ammont sħiħ.

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi speċifiċi tal-produzzjoni huma:

tħin permezz ta’ magna tal-kapuljat

l-għaġna tat-taħlita u ż-żieda ta’ melħ, bżar u tewm. Jistgħu jintużaw ukoll inbid, tipi ta’ zokkor, kolturi li jagħtu bidu għall-fermentazzjoni, nitrat tas-sodju jew tal-potassju, nitrit tas-sodju jew tal-potassju, aċidu askorbiku u melħ tas-sodju tiegħu;

tqegħid fl-imsaren naturali tal-majjal;

rbit bl-ispag, mhux f’forma ta’ xibka;

tnixxif u maturazzjoni.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.

It-tqattigħ u l-ippakkjar tas-“Salame Felino” jista’ jsir biss fi strutturi li jinsabu fit-territorju fejn issir il-produzzjoni, taħt is-superviżjoni ta’ entitajiet awtorizzati skont kif preskritt mill-pjan ta’ kontroll.

Fil-fatt, minħabba li l-prodott huwa delikat u minħabba li l-istadji ta’ tqattigħ u ppakkjar jistgħu jikkawżaw ħsara, jeħtieġ li l-perjodu li matulu s-salami jkun f’kuntatt mal-arja jkun wieħed kemm jista’ jkun qasir, sabiex dan ma jsirx kannella.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Is-“Salame Felino” IĠP jista’ jinħareġ fis-suq biex jinbiegħ lill-konsumaturi sħiħ, b’tikketta waħda jew siġill wieħed, f’biċċiet maqtugħin ħoxnin, f’vakwu jew f’atmosfera protettiva, jew imfellel, f’vakwu jew f’atmosfera protettiva.

L-isem “Salame Felino”, segwit mill-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew mill-akronimu “IĠP” (tradott fil-lingwa tal-pajjiż li fih ikun qiegħed jinbiegħ il-prodott), għandu jitwaħħal ma’ kull tikketta jew siġill b’kitba ċara u li ma titħassarx, b’mod distint minn kull kitba oħra li tidher fuq il-prodott, u għandu jiġi segwit mil-logo tal-Komunità u l-marka tal-azjenda.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tas-“Salame Felino” IĠP hija identifikata fit-territorju amministrattiv tal-Provinċja ta’ Parma.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tas-“Salame Felino” IĠP, identifikata bħala l-provinċja kollha ta’ Parma, hija kkaratterizzata mill-preżenza ta’ għoljiet kif ukoll ta’ pjanuri, u mill-preżenza ta’ lagi u ta’ minjieri tal-melħ.

L-identifikazzjoni taż-żona ġeografika twettqet billi saret referenza għal rikostruzzjoni storika dettaljata dwar il-prattiki antiki ta’ produzzjoni li wasslu għall-ħolqien ta’ dan il-prodott lokali, u li huma marbuta mat-tradizzjonijiet tal-qtil u tal-maturazzjoni tal-laħam tal-majjal. Dawn it-tradizzjonijiet huma aġevolati mill-preżenza sa minn żmien il-qedem ta’ minjieri tal-melħ, kif ukoll mill-kondizzjonijiet tal-klima li huma kkaratterizzati minn livelli speċifiċi ta’ umdità, minn esponiment għall-arja tal-baħar u minn konċentrazzjoni ta’ firxiet kbar ta’ msaġar.

Fl-għoljiet ta’ Parma, dejjem kien possibbli li t-tekniki użati fil-pjanuri jitlaqqgħu mal-melħ ta’ Salsomaggiore.

Tekniki tal-pjanuri tfisser dawk il-prattiki ta’ manifattura u ta’ maturazzjoni tal-laħam tal-majjal li kienu diġà nħolqu fi żmien ir-Rumani u l-Etruski anki minħabba l-preżenza ta’ ħnieżer imrobbija, fost affarijiet oħra, biex iservu bħala provvista ta’ ikel għal-leġjuni Rumani. Fuq l-għoljiet li jsebbħu l-pjanura, dawn il-leġjuni ħadu l-opportunità li jużaw bl-iktar mod sempliċi, il-melħ tal-minjieri ta’ Salsomaggiore, minħabba li fl-għoljiet ta’ dan il-post tradizzjonalment kien jinġabar il-melħ. Minħabba li kien jitqies bħala materjal prezzjuż, kien jittieħed ‘il bogħod mir-rotot ta’ komunikazzjoni ewlenin biex jiġi evitat li jinsteraq.

Fil-fatt, sa mill-1300, anki minħabba l-preżenza ta’ dawn il-minjieri tal-melħ, it-tmelliħ tal-laħam tal-majjal u l-ipproċessar tiegħu wassal għall-produzzjoni ta’ prodotti magħrufa kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Is-“Salame Felino” IĠP huwa differenti minn prodotti oħra tal-istess kategorija minħabba l-kompattezza u l-konsistenza omoġenja u mhux elastika tiegħu, u għaliex huwa relattivament nieqes mix-xaħam u minħabba l-kulur aħmar skur. It-togħma hija delikata u mhux pikkanti.

Dan huwa salami li, b’differenza mill-maġġoranza kbira ta’ dawk fis-suq, jitqiegħed biss fi msaren naturali (u qatt fi msaren sintetiċi). Is-“Salame Felino” ma fihx lattożju u dqiq tal-ħalib, u għandu pH moderatament għoli li jtejjeb il-kwalitajiet organolettiċi.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika ddefinita u l-kwalità jew il-karatteristiki tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiki oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Ir-reputazzjoni tas-“Salame Felino” IĠP tintwera permezz tal-bibljografija ddettaljata li tinkludi referenzi u kwotazzjonijiet rigward il-prodott.

L-ewwel referenzi għall-prodott jinsabu f’kitbiet ta’ awturi Latini tal-ewwel seklu W.K. (Apicius, De re coquinaria).

Is-“Salame Felino” kien magħruf sew fir-residenzi uffiċjali tal-familji nobbli li sussegwentement stabbilixxew ruħhom fil-belt kapitali: minn dawk tal-familja Farnese u tal-Borboni sad-Dukessa Maria Luigia.

L-eqdem xbieha tal-prodott tidher f’dekorazzjoni fil-Battisterju ta’ Parma (1196–1307), fejn, fil-parti ddedikata lis-sinjal astroloġiku ta’ Akkwarju jidhru mqiegħda fuq appoġġ idur ta’ borma, fuq fuklar, żewġ salami, li mid-daqs u l-forma, li għadhom l-istess anke llum, jidhru li huma “Salame Felino” IĠP.

Iċ-ċensiment tal-ħnieżer li sar fl-1766 jindika li l-Markiżat ta’ Felino kien l-aktar post attiv fl-inħawi fir-rigward tal-kummerċ tal-majjal. Skemi dwar l-ipprezzar li nstabu fl-istess perjodu u li nkitbu b’referenza għat-territorju ta’ Felino jirreferu għal salami nieqes mix-xaħam u għal dak xaħmi. Sa mill-bidu tal-1800, testi dwar l-użanzi u d-drawwiet kulinarji jindikaw il-preżenza ta’ metodu partikolari għall-ipproċessar tal-laħam tal-majjal f’salami fit-territorju tal-lokalità ta’ Felino.

Fl-1905, fid-dizzjunarju Taljan jidher il-kliem “Salame Felino” u fl-1912 il-produzzjoni tas-salami Felino ġiet inkluża fir-rapport tal-Ministru tal-Agrikoltura rigward il-prestazzjoni ekonomika ta’ dik is-sena.

Sa mill-1927, l-istituzzjonijiet pubbliċi lokali kompetenti jirreferu għas-salami magħmul fil-Provinċja ta’ Parma bl-isem ta’ “Salame Felino”, li jidher li kien diġà jgawdi minn reputazzjoni u fama partikolari u, b’hekk, anki minn rikonoxximent partikolari, jekk id-dikjarazzjoni tal-isem fl-użu kummerċjali kienet tikkostitwixxi, fl-evalwazzjoni ta’ l’Ufficio e Consiglio Provinciale dell’Economia Nazionale, raġuni għall-promozzjoni tal-ġid tal-provinċja. Anki llum, l-għeruq tal-produzzjoni ta’ “Salame Felino” fil-provinċja ta’ Parma jistgħu jiġu vverifikati permezz tar-riċerka u studji fil-fond dwar il-kultura gastronomika tat-territorju ta’ Parma. Fil-fatt jeżistu bosta kitbiet kritiċi li jassoċjaw is-“Salame Felino” mal-gastronomija tal-provinċja billi jirreferu għalih bħala wieħed mill-aktar tipi ta’ laħam immellaħ apprezzati f’Parma, li t-tjubija tiegħu hija marbuta b’mod dirett mat-tradizzjoni antika tal-produzzjoni tiegħu li ġiet żviluppata u miżmuma fis-sħiħ biss fil-widien tal-provinċja ta’ Parma. Barra minn hekk jeżistu wkoll bosta attivitajiet u avvenimenti li għadhom qed jiġu organizzati mill-awtoritajiet lokali u l-istituzzjonijiet provinċjali ta’ Parma kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħra għas-“Salame Felino” permezz ta’ tħejjija ta’ padiljuni fejn wieħed jista’ jduq il-prodott, u li minnhom jitqassam materjal ta’ tagħrif dwar il-karatteristiki u l-produzzjoni storika ta’ “Salame Felino” fit-territorju ta’ Parma.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Din l-amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni billi ppubblikat il-proposta għar-rikonoxximent tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Salame Felino” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana.

It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jista’ jinkiseb:

fl-indirizz li ġej:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew

billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministero delle politiche agricole alimentari e forestali (http://www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Prodotti di Qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin), u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE (Reg CE 510/2006)”.


(*)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.


Top