Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0347

2013/347/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Ġunju 2013 li tapprova l-pjanijiet ta’ kontinġenza sottomessi mill-Kroazja għall-kontroll ta’ ċerti mard tal-annimali (notifikata bid-dokument C(2013) 3992) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 183, 2.7.2013, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/07/2021; Imħassar b' 32020R0687

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/347/oj

2.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/13


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Ġunju 2013

li tapprova l-pjanijiet ta’ kontinġenza sottomessi mill-Kroazja għall-kontroll ta’ ċerti mard tal-annimali

(notifikata bid-dokument C(2013) 3992)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/347/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE tal-14 ta’ Lulju 1992 li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda Newcastle (1), u partikolarment t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda tal-infafet vesikolari (deni klassiku) tal-ħnieżer (2), u partikolarment t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka d-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjoni 89/531/KEE u 91/665/KEE u temenda d-Direttiva 92/46/KEE (3), u partikolarment l-Artikolu 72(7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza avjarja u li tħassar d-Direttiva 92/40/KEE (4), u partikolarment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 62(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/66/KEE tistipula l-miżuri ta’ kontroll tal-Unjoni li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa tal-marda ta’ Newcastle. Id-Direttiva 92/66/KEE tipprevedi, inter alia, li kull Stat Membru għandu jħejji pjan ta’ kontinġenza li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li għandhom jiġu implimentati f’każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda.

(2)

Id-Direttiva 2001/89/KE tistipula l-miżuri minimi tal-Unjoni għall-kontroll tal-marda tal-infafet vesikolari (deni klassiku) tal-ħnieżer, Id-Direttiva 2001/89/KE tipprovdi, inter alia, li kull Stat Membru għandu jħejji pjan ta’ kontinġenza li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li għandhom jiġu implimentati f’każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda.

(3)

Id-Direttiva 2003/85/KE tistipula l-miżuri minimi ta’ kontroll li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer ta’ kwalunkwe tip ta’ vajrus. Dik id-Direttiva tistipula wkoll ċerti miżuri preventivi bl-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni u l-preparazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-komunità agrikola għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Id-Direttiva 2003/85/KE tipprevedi, inter alia, li l-Istati Membri jridu jagħmlu pjanijiet ta’ kontinġenza speċifikati fil-miżuri nazzjonali meħtieġa sabiex imantnu livel għoli ta’ sensibilizzazzjoni u preparazzjoni, u protezzjoni ambjentali u li għandhom jiġu implimentati fl-eventwalità ta’ tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer.

(4)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula ċerti miżuri preventivi marbuta mas-sorveljanza u s-sejba bikrija tal-influwenza avjarja u li jżidu l-livell ta’ sensibilizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti u tal-komunità agrikola u tal-preparazzjoni għar-riskji ta’ din il-marda. Id-Direttiva tistipula wkoll il-miżuri minimi ta’ kontroll li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ tfaqqigħa tal-influwenza avjarja fi tjur u għasafar oħra miżmuma fil-magħluq u s-sejba bikrija ta’ tixrid possibbli tal-vajrusis tal-influwenza tat-tjur għal mammiferi. Id-Direttiva 2005/94/KE tipprovdi, inter alia, li l-Istati Membri għandhom iħejju pjan ta’ kontinġenza fi qbil mal-Anness X tagħha, li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li għandhom jiġu implimentati f’każ ta’ tifqigħa tal-influwenza avjarja.

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (5) jistabbilixxi regoli għall-qtil ta’ annimali mrobbija jew miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel, is-suf, il-ġilda, il-pil jew prodotti oħra kif ukoll il-qtil ta’ annimali għall-iskopijiet ta’ depopolazzjoni u għal operazzjonijiet relatati. Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009 jistipula, inter alia, li l-metodi ta’ sturdament u ta’ qtil ippjanati u l-proċeduri operattivi standard korrispondenti sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet ta’ kontinġenza meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali, abbażi tal-ipoteżi stabbilita fil-pjan ta’ kontinġenza dwar id-daqs u l-post ta’ fejn suppost faqqgħu l-mard.

(6)

Fid-dawl tas-sbuħija tagħha mal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Kroazja ssottomettiet lill-Kummissjoni l-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħha għall-marda ta’ Newcastle, id-deni klassiku tal-ħnieżer, il-marda tal-ilsien u d-dwiefer u l-influwenza avjarja sabiex jiġu eżaminati u approvati.

(7)

Dawk il-pjanijiet, kif emendati mill-Kroazja wara s-suġġerimenti li saru mill-Kummissjoni matul l-eżami tagħhom, jikkonformaw mal-kriterji stipulati fid-Direttivi 92/66/KEE, 2001/89/KE, 2003/85/KE u 2005/94/KE rispettivament. Barra minn hekk, dawn jinkludu l-elementi neċessarji sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009. Il-pjanijiet jippermettu, soġġetti għal implimentazzjoni effettiva u aġġornament regolari, li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttivi 92/66/KEE, 2001/89/KE, 2003/85/KE u 2005/94/KE u tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009. Għaldaqstant huwa xieraq li jdawk il-pjanijiet jiġu approvati permezz ta’ din id-Deċiżjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dawn il-pjanijiet ta’ kontinġenza li ġejjin sottomessi mill-Kroazja fil-11 ta’ Mejju 2013 huma approvati:

(a)

il-pjan ta’ kontinġenza li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li jridu jiġu implimentati f’każ ta’ tifqigħa tal-marda ta’ Newcastle, kif stipulat fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 92/66/KEE;

(b)

il-pjan ta’ kontinġenza li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li jridu jiġu implimentati f’każ ta’ tifqigħa tal-marda tad-deni klassiku tal-ħnieżer, kif stipulat fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2001/89/KE;

(c)

il-pjan ta’ kontinġenza li jispeċifika l-miżuri nazzjonali meħtieġa sabiex imantnu livel għoli ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ preparazzjoni għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u l-protezzjoni ambjentali u li għandhom jiġu implimentati f’każ ta’ tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, kif stipulat fl-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2003/85/KE;

(d)

il-pjan ta’ kontinġenza li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li jridu jiġu implimentati f’każ ta’ tifqigħa tal-marda avjarja, kif stipulat fl-Artikolu 62(1) tad-Direttiva 2005/94/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 260, 5.9.1992, p. 1.

(2)  ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5.

(3)  ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(5)  ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.


Top