Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1236

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1236/2012 tad- 19 ta’ Diċembru 2012 li jniedi investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli ta’ miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 fuq importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bl-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu kemxejn modifikati, li fihom 97 % tal-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % tal-molibdenu, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

    ĠU L 350, 20.12.2012, p. 51–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1236/oj

    20.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 350/51


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1236/2012

    tad-19 ta’ Diċembru 2012

    li jniedi investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli ta’ miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 fuq importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bl-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu kemxejn modifikati, li fihom 97 % tal-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % tal-molibdenu, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

    Wara li, b’konformità mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ikkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   IT-TALBA

    (1)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikolu 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà li kien hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bl-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu kemxejn modifikati li fihom 97 % tal-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % tal-molibdenu, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni.

    (2)

    It-talba ġiet ippreżentata fil-5 ta’ Novembru 2012 minn Plansee SE, produttur tal-Unjoni ta’ ċerti wajers tal-molibdenu.

    B.   IL-PRODOTT

    (3)

    Il-prodott ikkonċernat mill-possibilità ta’ ċirkomvenzjoni huwa wajer tal-molibdenu, li mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti minn molibdenu, b’dimensjoni ta’ profil trasversali massimu li taqbeż 1,35 mm imma ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, bħalissa kklassifikat bil-kodiċi NM ex 8102 96 00 (il-kodiċi TARIC 8102960011 u 8102960019) (“il-prodott ikkonċernat”).

    (4)

    Il-prodott taħt investigazzjoni huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda għandu 97 % tal-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % tal-molibdenu, u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat iżda li jaqa’ taħt kodiċi TARIC differenti (jiġifieri 8102960090 sad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament) u li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott taħt investigazzjoni”).

    C.   MIŻURI EŻISTENTI

    (5)

    Il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa u possibiliment qed ikun hemm ċirkumvenzjoni tagħhom huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 (2) fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    D.   IR-RAĠUNIJIET

    (6)

    It-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima face li l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qed ikun hemm ċirkonvenzjoni tagħhom permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni.

    (7)

    L-evidenza prima facie li ġiet ippreżentata hija din:

    (8)

    It-talba turi li seħħet bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi esportazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni tad-dazju definittiv anti-dumping fuq il-prodott ikkonċernat impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010, mingħajr raġuni biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għal tibdil bħal dan għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

    (9)

    Din il-bidla tidher li ġejja mill-importazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni fl-Unjoni. It-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-prodott taħt investigazzjoni għandu l-istess karatteristiċi essenzjali u użi għall-prodott ikkonċernat.

    (10)

    Barra minn hekk, it-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qed jiddgħajfu kemm fil-kwantità kif ukoll fil-prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni jidher li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni qed isiru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

    (11)

    Fl-aħħar nett, it-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott taħt investigazzjoni huma oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

    (12)

    Jekk il-prassi ta’ ċirkomvenzjoni li hija koperta bl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr dawk imsemmija hawn fuq, tiġi identifikata fl-andament tal-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri din il-prassi wkoll.

    E.   IL-PROĊEDURA

    (13)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għal reġistrazzjoni, b’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

    (a)   Kwestjonarji

    (14)

    Sabiex tikseb tagħrif li tqis bħala meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Kif xieraq, it-tagħrif jista’ jintalab ukoll mingħand l-industrija tal-Unjoni.

    (15)

    F’kull każ, il-partijiet interessati kollha għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux iktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, minħabba li l-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

    (16)

    L-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina se jiġu nnotifikati bil-bidu tal-investigazzjoni.

    (b)   Il-ġbir tat-tagħrif u s-seduti ta’ smigħ

    (17)

    Il-partijiet kollha interessati huma b’dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jagħtu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, jekk dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

    (c)   Eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri

    (18)

    B’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni jistgħu jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma jkunx fiha ċirkomvenzjoni.

    (19)

    Billi l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ssir barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodott taħt investigazzjoni fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li jistgħu juru li ma humiex relatati (3) ma’ kwalunkwe produttur soġġett għall-miżuri (4) u li jinstab li mhumiex involuti fi prassi ta’ ċirkomvenzjoni kif ġie definit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom jippreżentaw talba sostnuta b’evidenza xierqa fil-limitu taż-żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament.

    F.   IR-REĠISTRAZZJONI

    (20)

    Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet ta’ ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq ta’ dazji tal-anti-dumping mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet bħal dawn.

    G.   IL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN

    (21)

    Fl-interess ta’ amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati l-limiti taż-żmien li fihom:

    il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu l-kwestjonarju mimli jew kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies matul l-investigazzjoni,

    il-produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew tal-miżuri,

    il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

    (22)

    Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta’ ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

    H.   IN-NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

    (23)

    F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tagħtix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, jistgħu jsiru sejbiet, pożittivi jew negattivi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

    (24)

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dak it-tagħrif għandu jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    (25)

    Jekk parti interessata ma tikkoperax jew tikkopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din kienet ikkoperat.

    I.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

    (26)

    L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    J.   L-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI

    (27)

    Huwa nnutat li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (5).

    K.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

    (28)

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet jitħaddmu b’mod sħiħ.

    (29)

    Talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

    (30)

    Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tnediet investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, sabiex jiġi determinat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ wajer tal-molibdenu, li fihom 97 % tal-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % tal-molibdenu, b’dimensjoni ta’ profil trasversali massimu li taqbeż 1,35 mm imma ma taqbiżx 4,0 mm, u bħalissa kklassifikat bil-kodiċi NM ex 8102 96 00 (il-kodiċi TARIC 8102960030), li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010.

    Artikolu 2

    L-awtoritajiet Doganali, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

    Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, titlob lill-awtoritajiet Doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti manifatturati minn produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkun instab li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata eżenzjoni.

    Artikolu 3

    1.   Il-kwestjonarji għandhom jintalbu mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jitqiesu waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

    3.   Il-produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri għandhom jibagħtu talba sostnuta sewwa mill-evidenza fl-istess limitu taż-żmien ta’ 37 jum.

    4.   Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jistemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu taż-żmien ta’ 37 jum.

    5.   Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f’format elettroniku (sottomissjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull Prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju għandhom ikunu ppreżentati fuq karta, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta’ hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista’ tagħti s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku, din għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence.

    Kull sottomissjoni bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali trid tkun immarkata “Limited (6) (“Ristrett”) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “For inspection by interested parties” (“Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”).

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N105 08/020

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Faks: +32 22986287

    L-indirizz elettroniku: TRADE-MW-CIRCUMVENTION@ec.europa.eu

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 150, 16.6.2010, p. 17.

    (3)  B’konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1) li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew għandha 5 % jew iżjed tal-ishma jew tal-kwoti tal-ishma li jivvutaw jew tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk għandhom xi waħda minn dawn ir-relazzjonijiet li ġejjin: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’dan il-kuntest, “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

    (4)  Madankollu, anki jekk il-produtturi huma relatati skont kif jissemma hawn fuq ma’ kumpaniji soġġetti għall-miżuri stabbiliti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-miżuri oriġinali tal-anti-dumping), xorta waħda tista’ tingħata eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji soġġetta għall-miżuri oriġinali kienet stabbilita jew użata biex ikun hemm evażjoni tal-miżuri oriġinali.

    (5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (6)  Dokument “Limited” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


    Top