Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0867

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 867/2012 tal- 24 ta’ Settembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

ĠU L 257, 25.9.2012, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/867/oj

25.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 867/2012

tal-24 ta’ Settembru 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK tal-1 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (2) bil-għan li ssir effettiva l-parti l-kbira tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2011/782/PESK.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/420/PESK tat-23 ta’ Lulju 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/782/PESK (3) tipprovdi għal miżura addizzjonali, jiġifieri li l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-bastimenti u l-ajruplani kollha destinati għas-Sirja jekk ikollhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jaħseb li l-merkanzija fiha oġġetti li l-forniment, bejgħ, trasferiment jew esportazzjoni tagħhom hija projbita jew suġġetta għal awtorizzazzjoni.

(3)

Fir-rigward ta’ dik il-miżura, id-Deċiżjoni 2012/420/PESK tipprovdi wkoll li l-inġenji tal-ajru u l-bastimenti li jittrasportaw merkanzija lejn is-Sirja għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżit ta’ informazzjoni addizzjonali ta’ qabel il-wasla jew qabel it-tluq għall-merkanzija kollha li tiddaħħal fi Stat Membru jew tinħareġ minnu.

(4)

Minbarra dan, id-Deċiżjoni 2012/420/PESK tipprovdi għal deroga mill-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi fir-rigward ta’ trasferiment ta’ fondi dovuti b’rabta mal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju lil ċittadini Sirjani li jkunu qed isegwu edukazzjoni, taħriġ professjonali jew ikunu impenjati f’riċerka akkademika fl-Unjoni.

(5)

Id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal derogi mill-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi tal-Bank Ċentrali tas-Sirja għandhom jiġu emendati.

(6)

Xi wħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex huma jiġu implimentati, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(7)

Għall-istess raġuni, hija meħtieġa emenda sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 36/2012.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1 għandu jiddaħħal il-punt li ġej:

“(r)

‘territorju doganali tal-Unjoni’ tfisser it-territorju kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (*1).

(*1)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.”;"

(2)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2c

1.   Ir-regoli li jirregolaw l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni bil-quddiem kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet relevanti rigward id-dikjarazzjonijiet fil-qosor kif ukoll id-dikjarazzjonijiet doganali fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (*2) japplikaw għall-merkanzija kollha li titlaq mit-territorju doganali tal-Unjoni lejn is-Sirja.

Il-persuna jew entità li tipprovdi dik l-informazzjoni għandha wkoll tippreżenta kwalunkwe awtorizzazzjoni jekk din tkun meħtieġa minn dan ir-Regolament.

2.   Il-qbid u t-trattament ta’ tagħmir, merkanzija jew teknoloġija li l-forniment, bejgħ, trasferiment jew esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti mill-Artikoli 2 u 2a ta’ dan ir-Regolament, jistgħu, b’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali jew mad-deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti, isiru a spejjeż tal-persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 jew, jekk ma jkunx possibbli li dawn l-ispejjeż jiġu rkuprati minn dik il-persuna jew entità, l-ispejjeż jistgħu, b’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, jiġu rkuprati minn kwalunkwe persuna jew entità li tassumi responsabbiltà għall-ġarr tal-merkanzija jew tagħmir fit-tentattiv ta’ forniment, bejgħ, trasferiment jew esportazzjoni illeċiti.

(*2)   ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.”;"

(3)

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 12 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Huma pprojbiti:

(a)

il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tagħmir jew teknoloġija kif elenkati fl-Anness VII biex jiġu użati fil-bini jew l-installazzjoni fis-Sirja ta’ impjanti ġodda tal-enerġija għall-produzzjoni tal-elettriku;

(b)

l-għoti, b’mod dirett jew b’mod indirett, ta’ għajnuna teknika, ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja, inklużi derivattivi finanzjarji, kif ukoll assigurazzjoni jew riassigurazzjoni b’rabta ma’ kwalunkwe proġett imsemmi fil-punt (a).”;

(4)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 20a

B’deroga mill-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw, skont il-kondizzjonijiet li jkunu jqisu bħala xierqa, it-trasferiment minn jew permezz ta’ entità finanzjarja elenkata fl-Anness II jew IIa ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi, fejn it-trasferiment ikun relatat ma’ ħlas minn persuna jew entità mhux elenkati fl-Anness II jew IIa b’konnessjoni mal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lil ċittadini Sirjani li jkunu qegħdin isegwu xi edukazzjoni, taħriġ professjonali jew ikunu impenjati f’xi riċerka akkademika fl-Unjoni, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti tkun iddeterminat, abbażi ta’ każ b’każ, li l-pagament ma jkunx riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna jew entità elenkata fl-Anness II jew IIa.”;

(5)

L-Artikolu 21a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 21a

1.   B’deroga mill-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw, skont il-kondizzjonijiet li jkunu jqisu bħala xierqa:

(a)

trasferiment minn jew permezz tal-Bank Ċentrali tas-Sirja ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi riċevuti u ffriżati wara d-data tan-nominazzjoni tiegħu fejn it-trasferiment ikun relatat ma’ pagament dovut b’rabta ma’ kuntratt ta’ kummerċ speċifiku; jew

(b)

trasferiment ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi lil jew permezz tal-Bank Ċentrali tas-Sirja fejn it-trasferiment ikun relatat ma’ pagament dovut b’rabta ma’ kuntratt kummerċjali speċifiku,

bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru relevanti tkun iddeterminat, abbażi ta’ każ b’każ, li l-pagament ma tkun se tirċevih, direttament jew indirettament, l-ebda persuna jew entità elenkata fl-Anness II jew IIa u bil-kondizzjoni li t-trasferiment ma jkunx ipprojbit b’xi mod ieħor minn dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw, skont il-kondizzjonijiet li jkunu jqisu bħala xierqa, trasferiment magħmul minn jew permezz tal-Bank Ċentrali tas-Sirja ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati sabiex jipprovdi lil istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri b’likwidità għall-finanzjament tal-kummerċ.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)   ĠU L 319, 2.12.2011, p. 56.

(2)   ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.

(3)   ĠU L 196, 24.7.2012, p. 59.


Top