Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0394

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 394/2012 tat- 8 ta’ Mejju 2012 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2012/2013

ĠU L 123, 9.5.2012, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2013: This act has been changed. Current consolidated version: 14/01/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/394/oj

9.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/30


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 394/2012

tat-8 ta’ Mejju 2012

li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2012/2013

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, il-punt (d), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, iz-zokkor jew l-isoglukożju li l-produzzjoni tiegħu taqbeż il-kwota msemmija fl-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi esportat biss fil-limitu kwantitattiv li għandu jiġi ffissat.

(2)

Regoli dettaljati tal-implimentazzjoni għall-esportazzjonijiet barra mill-kwota, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħruġ ta’ liċenzji tal-esportazzjoni, huma stipulati permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 (2). Madankollu, għal kull sena tas-suq, il-limitu kwantitattiv għandu jkun iffissat abbażi tal-opportunitajiet possibbli fis-swieq tal-esportazzjoni.

(3)

Għal ċerti produtturi taz-zokkor u l-isoglukożju fl-Unjoni, l-esportazzjonijiet mill-Unjoni jirrappreżentaw parti importanti tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, u dawn stabbilixxew swieq tradizzjonali barra mill-Unjoni. L-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju lejn dawk is-swieq jistgħu jkunu ekonomikament vijabbli anke mingħajr l-għoti ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni. Għal dan il-għan jeħtieġ li jiġi ffissat limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u tal-isoglukożju barra mill-kwota sabiex il-produtturi kkonċernati tal-UE jkunu jistgħu jkomplu jfornu lis-swieq tradizzjonali tagħhom.

(4)

Għas-sena tas-suq 2012/2013, huwa stmat li inizjalment l-iffissar tal-limitu kwantitattiv għal 650 000 tunnellata, f’ekwivalenti ta’ zokkor abjad, għall-esportazzjonijiet taz-zokkor barra mill-kwota, u għal 70 000 tunnellata, f’materja niexfa, għall-isoglukożju barra mill-kwota, ikun jikkorrispondi għad-domanda tas-suq.

(5)

L-esportazzjonijiet taz-zokkor mill-Unjoni lejn ċerti destinazzjonijiet fil-qrib u lejn pajjiżi terzi li jagħtu trattament preferenzjali tal-importazzjoni lill-prodotti tal-Unjoni, attwalment jinsabu f’pożizzjoni kompetittiva partikolarment favorevoli. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ strumenti xierqa ta’ assistenza reċiproka fil-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u sabiex jiġi minimizzat ir-riskju tal-frodi u biex jiġi evitat kwalunkwe abbuż assoċjat mal-importazzjoni mill-ġdid jew mad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta’ zokkor barra mill-kwota, ċerti destinazzjonijiet fil-qrib għandhom jiġu eskluzi mid-destinazzjonijiet eliġibbli.

(6)

Fid-dawl tal-istima ta’ anqas riskji ta’ frodi eventwali fir-rigward tal-isoglukożju minħabba n-natura tal-prodott, mhuwiex meħtieġ li jkunu ristretti d-destinazzjonijiet eliġibbli għall-esportazzjoni tal-isokglukożju barra mill-kwota.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Iffissar tal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor barra mill-kwota

1.   Għas-sena tas-suq 2012/2013, li tibda mill-1 ta’ Ottubru 2012 sat-30 ta’ Settembru 2013, il-limitu kwantitattiv imsemmi fl-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkun 650 000 tunnellata għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta’ zokkor abjad barra mill-kwota kopert bil-kodiċi tan-NM 1701 99.

2.   L-esportazzjonijiet fil-limitu kwantitattiv iffissat fil-paragrafu 1 għandhom ikunu permessi għad-destinazzjonijiet kollha, minbarra:

(a)

pajjiżi terzi: Andorra, il-Liechtenstein, is-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan), San Marino, il-Kroazja, il-Bosnja-Ħerzegovina, is-Serbja (3), il-Montenegro, l-Albanija u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

(b)

it-territorji tal-Istati Membri li ma jiffurmawx parti mit-territorju doganali tal-Unjoni: il-Gżejjer Faeroe, il-Groenlandja, Heligoland, Ceuta, Melilla, il-komuni ta’ Livigno u Campione d’Italia, u ż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv;

(c)

it-territorji Ewropej li għar-relazzjonijiet esterni tagħhom huwa responsabbli Stat Membru li ma jiffurmax parti mit-territorju doganali tal-Unjoni: Ġibiltà.

Artikolu 2

Iffissar tal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet tal-isoglukożju barra mill-kwota

1.   Għas-sena tas-suq 2012/2013, li tibda mill-1 ta’ Ottubru 2012 sat-30 ta’ Settembru 2013, il-limitu kwantitattiv imsemmi fl-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkun 70 000 tunnellata ta’ materja niexfa, għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta’ isoglukożju barra mill-kwota kopert bil-kodiċijiet tan-NM 1702 40 10, 1702 60 10 u 1702 90 30.

2.   L-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu permessi biss meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta’ Ottubru 2012.

Jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  Kif ukoll il-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni Nru 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Ġunju 1999.


Top