This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0472
2012/472/EU: Council Decision of 26 April 2012 on the conclusion of the Agreement between the United States of America and the European Union on the use and transfer of passenger name records to the United States Department of Homeland Security
2012/472/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta' April 2012 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti
2012/472/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta' April 2012 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti
ĠU L 215, 11.8.2012, p. 4–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/472/oj
11.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 215/4 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-26 ta' April 2012
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti
(2012/472/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni, flimkien ma’ direttivi ta’ negozjar, li awtorizzaw lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-trasferiment u l-użu tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra. |
(2) |
F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/471/UE (2), il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fl-14 ta' Diċembru 2011, suġġett għall-konklużjoni tiegħu. |
(3) |
Il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tagħha, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tagħha u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess imparzjali rikonoxxut fl-Artikolu 47 tagħha. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji. |
(4) |
Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(5) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(6) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u la hija marbuta bil-Ftehim u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
(7) |
Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jipproċedu, f'isem l-Unjoni, għall-iskambju tan-notifiki previsti fl-Artikolu 27 tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ April 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BØDSKOV
(1) Kunsens tad-19 ta' April 2012 (għadu mhuwiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
11.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 215/5 |
TRADUZZJONI
FTEHIM
bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti
L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA,
minn hawn 'il quddiem imsejħa wkoll “l-Istati Uniti”, u
L-UNJONI EWROPEA,
minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “l-UE”,
flimkien minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Partijiet”,
FILWAQT LI JIXTIEQU li jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja b'mod effettiv bħala mezz ta' protezzjoni tas-soċjetajiet demokratiċi rispettivi tagħhom u l-valuri komuni;
WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fi spirtu ta' sħubija transatlantika;
JIRRIKONOXXU d-dritt u r-responsabbiltà ta’ Stati li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom u jipproteġu l-fruntieri tagħhom u konxji tar-responsabbiltà tan-nazzjonijiet kollha li jipproteġu l-ħajja u s-sikurezza tal-pubbliku inklużi dawk li jużaw is-sistemi ta’ trasport internazzjonali;
KONVINTI li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni hija komponent essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja u li f'dan il-kuntest, l-ipproċessar u l-użu ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) huma għodda neċessarja li tipprovdi informazzjoni li ma tistax tinkiseb b'mezzi oħra;
DETERMINATI li jipprevjenu u jiġġieldu r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u jirrikonoxxu l-importanza tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali u l-informazzjoni;
WARA LI KKUNSIDRAW l-istrumenti internazzjonali, l-istatuti u r-regolamenti tal-Istati Uniti li jeħtieġu li kull trasportatur tal-ajru li jopera titjiriet tal-passiġġieri fit-trasport bl-ajru barrani lejn jew mill-Istati Uniti jagħmel il-PNR disponibbli lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) sal-punt li jiġu miġbura u jinżammu fis-sistemi awtomatizzati tal-prenotazzjoni/kontroll tat-tluq tat-trasportatur tal-ajru, u rekwiżiti komparabbli li huma jew jistgħu jiġu implimentati fl-UE;
JINNOTAW li d-DHS jipproċessa u juża l-PNR għall-għan ta’ prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja f’konformità ma’ salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali u l-informazzjoni, kif stabbilit f'dan il-Ftehim;
JENFASIZZAW l-importanza tal-kondiviżjoni tal-PNR u l-informazzjoni analitika rilevanti u adegwata miksuba mill-PNR mill-Istati Uniti mal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “Stati Membri tal-UE”, u l-Europol jew l-Eurojust bħala mezz biex tittrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja.
JIRRIKONOXXU t-tradizzjonijiet antiki taż-żewġ Partijiet ta’ rispett għall-privatezza individwali, kif rifless fil-liġijiet tagħhom u d-dokumenti fundaturi;
KONXJI mill-impenji tal-UE skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u neċessità dwar id-dritt għall-ħajja privata u familjari, ir-rispett għall-privatezza, u l-protezzjoni ta’ data personali skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru. 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha 181, u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
KONXJI li d-DHS attwalment jimpjega proċessi b'saħħithom biex jipproteġi l-privatezza personali u jiżgura l-integrità tad-data, inkluż is-sigurtà fiżika, il-kontrolli tal-aċċess, is-separazzjoni u l-encryption tad-data, kapaċitajiet ta' verifika u miżuri ta’ responsabbiltà effettivi;
JIRRIKONOXXU l-importanza li tiġi żgurata l-kwalità, l-eżattezza, l-integrità, u s-sigurtà tad-data, u li jistabbilixxu responsabbiltà xierqa biex jiżguraw li dawn il-prinċipji jiġu osservati;
JINNOTAW b'mod partikolari l-prinċipju tat-trasparenza u l-mezzi varji li bihom l-Istati Uniti tiżgura li l-passiġġieri li l-PNR tagħhom jiġi miġbur mid-DHS ikunu mgħarrfa mill-ħtieġa għal u l-użu tal-PNR tagħhom;
JIRRIKONOXXU AKTAR li l-ġbir u l-analiżi tal-PNR huwa meħtieġ għad-DHS sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu ta’ sigurtà tal-fruntieri, filwaqt li jiġi żgurat li l-ġbir u l-użu tal-PNR jibqa’ rilevanti u neċessarju għall-finijiet li għalih ikun inġabar;
JIRRIKONOXXU li, b’konsiderazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu, id-DHS għandu jkun meqjus li jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data għall-ipproċessar u l-użu ta’ PNR trasferit lid-DHS;
KONXJI li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea huma marbuta li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-informazzjoni personali filwaqt li jiġġieldu kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, u huma ddeterminati li jilħqu, bla dewmien, ftehim sabiex jipproteġu l-informazzjoni personali li ġiet skambjata b’mod komprensiv fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu li ser imexxi l-miri komuni tagħna;
JIRRIKONOXXU r-Reviżjonijiet Konġunti b'suċċess fl-2005 u l-2010 tal-Ftehimiet tal-2004 u l-2007 bejn il-Partijiet dwar it-trasferiment tal-PNR;
JINNOTAW l-interess tal-Partijiet, kif ukoll l-Istati Membri tal-UE, fl-iskambju tal-informazzjoni rigward il-metodu ta’ trażmissjoni tal-PNR kif ukoll it-trasferiment ulterjuri kif stabbilit fl-artikoli rilevanti ta’ dan il-Ftehim u jkomplu jinnotaw l-interess tal-UE fil-fatt li dan jiġi indirizzat fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u reviżjoni stabbiliti f’dan il-Ftehim;
JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma jikkostitwix preċedent għal kwalunkwe arranġament ġejjieni bejn il-Partijiet, jew bejn xi waħda mill-Partijiet u kull parti oħra, rigward l-ipproċessar, l-użu, jew it-trasferiment tal-PNR jew kwalunkwe forma oħra ta' data, jew dwar il-protezzjoni tad-data;
JIRRIKONOXXU l-prinċipji relatati ta’ proporzjonalità kif ukoll ir-rilevanza u n-neċessità li jiggwidaw dan il-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti; u
WARA LI KKUNSIDRAW il-possibbiltà tal-Partijiet li jiddiskutu ulterjorment it-trasferiment ta’ data tal-PNR fil-modalità marittima;
B’DAN JIFTIEHMU KIF ĠEJ:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Għan
1. L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jiżgura s-sigurtà u jipproteġi l-ħajja u s-sikurezza tal-pubbliku.
2. Għal dan il-għan, dan il-Ftehim jistabbilixxi r-responsabbiltajiet tal-Partijiet fir-rigward tal-kondizzjonijiet li taħthom il-PNR jista’ jiġi trasferit, ipproċessat u użat, u protett.
Artikolu 2
Ambitu
1. Il-PNR, kif stabbilit fil-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, għandu jfisser ir-reġistrazzjoni maħluqa minn trasportaturi tal-ajru jew l-aġenti awtorizzati tagħhom għal kull vjaġġ ipprenotat minn jew f'isem kwalunkwe passiġġier u inkluża f’sistemi ta’ prenotazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru, is-sistemi ta’ kontroll tat-tluq, jew sistemi ekwivalenti li jipprovdu funzjonalità simili (kollettivament imsemmija f'dan il-Ftehim bħala “sistemi ta’ prenotazzjoni”). Speċifikament, kif użat f’dan il-Ftehim, il-PNR jikkonsisti minn tipi ta’ data stabbiliti fl-Anness ta' dan il-Ftehim (“Anness”).
2. Dan il-Ftehim għandu japplika għat-trasportaturi tal-ajru li joperaw titjiriet tal-passiġġieri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.
3. Dan il-Ftehim għandu japplika wkoll għat-trasportaturi tal-ajru inkorporati jew li jippreżervaw id-data fl-Unjoni Ewropea u li joperaw titjiriet tal-passiġġieri lejn jew mill-Istati Uniti.
Artikolu 3
Provvista ta’ PNR
Il-Partijiet jaqblu li t-trasportaturi tal-ajru għandhom jipprovdu l-PNR inkluż fis-sistemi ta’ prenotazzjoni tagħhom lid-DHS kif meħtieġ minn u skont l-istandards tad-DHS u b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim. Jekk il-PNR trasferit mit-trasportaturi tal-ajru jinkludi data oħra minn dik elenkata fl-Anness, id-DHS għandu jħassar data bħal din hekk kif jirċiviha.
Artikolu 4
Użu tal-PNR
1. L-Istati Uniti tiġbor, tuża u tipproċessa l-PNR għall-skopijiet ta’ prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni, u prosekuzzjoni:
(a) |
Reati terroristiċi u reati relatati, inkluż
|
(b) |
Reati oħra li huma punibbli b’sentenza ta' priġunerija ta' tliet snin jew aktar u huma fin-natura transnazzjonali. Reat huwa meqjus bħala transnazzjonali fin-natura b’mod partikolari jekk:
|
2. Il-PNR jista’ jintuża u jiġi pproċessat abbażi ta’ każ b’każ fejn ikun meħtieġ fid-dawl ta' theddida serja u għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali ta’ kwalunkwe individwu jew jekk ikun ordnat minn qorti.
3. Il-PNR jista' jiġi użat u pproċessat mid-DHS sabiex jidentifika persuni li jistgħu jkunu suġġetti għal mistoqsijiet jew eżamijiet ddetaljati mal-wasla jew mat-tluq mill-Istati Uniti jew li forsi jkunu jeħtieġu iżjed eżami.
4. Il-paragrafi 1, 2, u 3 għandhom ikunu bla ħsara għall-infurzar tal-liġi domestika, is-setgħat ġudizzjarji, jew il-proċedimenti, fejn ikun ġie skopert ksur ieħor tal-liġi jew indikazzjonijiet tagħhom matul l-użu u l-ipproċessar tal-PNR.
KAPITOLU II
SALVAGWARDJI APPLIKABBLI GĦALL-UŻU TAL-PNR
Artikolu 5
Sigurtà tad-Data
1. Id-DHS għandu jiżgura li miżuri tekniċi adegwati u arranġamenti organizzattivi jiġu implimentati biex jipproteġu d-data personali u informazzjoni personali li tinsab fil-PNR kontra qerda aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzata, telf, jew żvelar, alterazzjonijiet, aċċess, ipproċessar jew użu.
2. Id-DHS għandu jagħmel użu xieraq tat-teknoloġija biex jiżgura l-protezzjoni tad-data, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità. B’mod partikolari, id-DHS għandu jiżgura li:
(a) |
il-proċeduri ta’ encryption, awtorizzazzjoni u dokumentazzjoni rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti jiġu applikati. B’mod partikolari, l-aċċess għall-PNR għandu jkun assigurat u limitat għal uffiċjali speċifikament awtorizzati; |
(b) |
Il-PNR għandu jinżamm f'ambjent fiżiku sikur u protett b’kontrolli kontra dħul mhux awtorizzat fiżiku; u |
(c) |
jeżisti mekkaniżmu li jiżgura li l-investigazzjonijiet dwar il-PNR jitwettqu b’mod konsistenti mal-Artikolu 4. |
3. Fil-każ ta’ vjolazzjoni tal-privatezza (inkluż aċċess mhux awtorizzat jew żvelar), id-DHS għandu jieħu miżuri raġjonevoli sabiex jinnotifika l-individwi affettwati kif xieraq, biex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħsara ta’ żvelar mhux awtorizzat ta’ data personali u informazzjoni, u biex jiftaħ miżuri ta’ rimedju li huma teknikament prattikabbli kemm jista' jkun.
4. Fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, id-DHS għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtoritajiet Ewropej rilevanti dwar każijiet ta’ inċidenti sinifikanti relatati mal-privatezza li jinvolvu l-PNR ta’ ċittadini jew residenti tal-UE li jirriżultaw mill-qerda aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, jew kwalunkwe forma llegali ta' pproċessar jew użu.
5. L-Istati Uniti tikkonferma li miżuri effettivi ta’ infurzar amministrattiv, ċivili u kriminali huma disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti għal inċidenti dwar il-privatezza. Id-DHS jista’ jieħu azzjoni dixxiplinari kif xieraq kontra persuni responsabbli għal kwalunkwe inċident dwar il-privatezza li tinkludi ċaħda ta’ aċċess għas-sistema, twissijiet formali, sospensjoni, demozzjoni jew tneħħija minn dmir.
6. Kull aċċess għall-PNR, kif ukoll l-ipproċessar u l-użu tiegħu, għandu jkun irreġistrat jew dokumentat mid-DHS. Reġistrazzjonijiet jew dokumentazzjoni għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ sorveljanza, verifika, u manutenzjoni tas-sistema jew kif meħtieġ mod ieħor bil-liġi.
Artikolu 6
Data Sensittiva
1. Sal-punt li l-PNR ta’ passiġġier kif ikun miġbur jinkludi data sensittiva (jiġifieri, data personali u informazzjoni li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fit-trejdunjins, jew data dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali tal-individwu), id-DHS għandu juża sistemi awtomatizzati għall-filtrazzjoni u l-protezzjoni ta’ data sensittiva mill-PNR. Barra minn hekk, id-DHS ma għandux jipproċessa b’mod ulterjuri jew juża tali data, ħlief skont il-paragrafi 3 u 4.
2. Id-DHS għandu jipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim lista ta' kodiċi u termini li jidentifikaw data sensittiva li għandha tiġi ffiltrata.
3. L-aċċess għal, kif ukoll l-ipproċessar u l-użu ta’, data sensittiva għandhom ikunu permessi f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn il-ħajja ta’ individwu tista’ tkun ipperikolata jew indebolita serjament. Tali data tista’ tiġi aċċessata esklussivament bl-użu ta’ proċessi restrittivi abbażi ta’ każ b’każ bl-approvazzjoni ta’ maniġer anzjan tad-DHS.
4. Id-data sensittiva għandha tiġi mħassra b’mod permanenti mhux aktar tard minn 30 jum mill-aħħar riċezzjoni tal-PNR li jinkludi tali data mid-DHS. Madankollu, data sensittiva tista’ tinżamm għaż-żmien speċifikat f’liġi tal-Istati Uniti għall-għan ta’ azzjoni speċifika ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni jew infurzar.
Artikolu 7
Deċiżjonijiet Individwali Awtomatizzati
L-Istati Uniti m’għandiex tieħu deċiżjonijiet li jipproduċu azzjonijiet negattivi sinifikanti li jaffettwaw l-interessi legali ta’ individwi abbażi biss ta’ proċessar u użu awtomatizzat tal-PNR.
Artikolu 8
Żamma ta’ Data
1. Id-DHS iżomm il-PNR f’database attiva għal mhux aktar minn ħames snin. Wara l-ewwel sitt xhur ta’ dan il-perjodu, il-PNR għandu jiġi depersonalizzat u protett skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. L-aċċess għal din id-database attiva għandu, sakemm ma jkunx permess b’dan il-Ftehim, ikun ristrett għal numru limitat ta’ uffiċjali awtorizzati speċifikament.
2. Sabiex tinkiseb d-depersonalizzazzjoni, informazzjoni identifikabbli personalment bħat-tipi ta' data tal-PNR li ġejjin għandha tiġi protetta:
(a) |
isem (ismijiet); |
(b) |
ismijiet oħra fuq il-PNR; |
(c) |
l-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluża informazzjoni dwar l-oriġinatur); |
(d) |
Rimarki Ġenerali, inkluża informazzjoni supplimentari oħra (OSI), informazzjoni ta’ servizz speċjali (SSI), u talba għal servizz speċjali (SSR); u |
(e) |
kwalunkwe informazzjoni miġbura fis-Sistema ta’ Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (APIS). |
3. Wara dan il-perjodu attiv, il-PNR għandu jiġi trasferit lejn database inattiva għal perjodu ta’ mhux aktar minn għaxar snin. Din id-database inattiva għandha tkun suġġetta għal kontrolli addizzjonali, inkluż numru aktar ristrett ta' persunal awtorizzat, kif ukoll livell ogħla ta’ approvazzjoni superviżorja meħtieġa qabel l-aċċess. F'din id-database inattiva, il-PNR m’għandux ikun personalizzat mill-ġdid minbarra b’konnessjoni ma’ operazzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi u mbagħad f'konnessjoni biss ma’ każ, theddida jew riskju identifikabbli. Fir-rigward tal-għanijiet hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), il-PNR ta' din id-database inattiva jista' jiġi ppersonalizza mill-ġdid biss għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin.
4. Wara l-perjodu ta’ inattività, id-data miżmuma għandha tiġi totalment anonimizzata billi jitħassru l-elementi kollha li jistgħu jservu sabiex jidentifikaw il-passiġġier li jirrelata miegħu l-PNR mingħajr il-possibbiltà ta’ personalizzazzjoni mill-ġdid.
5. Id-data li hija relatata ma’ każ jew investigazzjoni speċifika tista’ tinżamm f'database attiva ta’ PNR sakemm il-każ jew l-investigazzjoni jiġu arkivjati. Dan il-paragrafu huwa mingħajr ħsara għal rekwiżiti taż-żamma tad-data għall-fajls ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni individwali.
6. Il-Partijiet jaqblu li, fil-qafas tal-evalwazzjoni kif previst fl-Artikolu 23(1), il-ħtieġa ta' perjodu inattiv ta’ 10 snin ser tiġi kkunsidrata.
Artikolu 9
Nondiskriminazzjoni
L-Istati Uniti għanda tiżgura li s-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar u l-użu tal-PNR taħt dan il-Ftehim japplikaw għall-passiġġieri kollha fuq bażi ugwali mingħajr diskriminazzjoni illegali.
Artikolu 10
Trasparenza
1. Id-DHS għandu jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku li jivvjaġġa dwar l-użu u l-ipproċessar tal-PNR permezz ta’:
(a) |
pubblikazzjonijiet fir-Reġistru Federali; |
(b) |
pubblikazzjonijiet fuq il-website tiegħu; |
(c) |
avviżi li jistgħu jiġu inkorporati mit-trasportaturi tal-ajru fil-kuntratti ta' trasport; |
(d) |
rapportar meħtieġ statutorjament lill-Kungress; u |
(e) |
miżuri oħra adegwati li jistgħu jiżviluppaw. |
2. Id-DHS għandu jippubblika u jipprovdi lill-UE għall-pubblikazzjoni possibbli l-proċeduri u l-modalitajiet tiegħu dwar l-aċċess, il-korrezzjoni jew ir-rettifika, u l-proċeduri ta’ rimedju.
3. Il-Partijiet għandhom jaħdmu mal-industrija tal-avjazzjoni biex jinkoraġġixxu viżibbiltà akbar għall-passiġġieri meta ssir il-prenotazzjoni dwar l-iskop tal-ġbir, l-ipproċessar u l-użu tal-PNR mid-DHS, u dwar kif issir talba għall-aċċess, il-korrezzjoni u r-rimedju.
Artikolu 11
Aċċess għall-Individwi
1. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, kull individwu, irrispettivament min-nazzjonalità, pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta' residenza huwa intitolat li jitlob il-PNR tiegħu mid-DHS. Id-DHS għandu jipprovdi b’mod f’waqtu tali PNR suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.
2. L-iżvelar tal-informazzjoni inkluża fil-PNR jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet legali raġjonevoli, applikabbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti, inkluż kull limitazzjoni bħal din li tista’ tkun meħtieġa biex tkun salvagwardjata informazzjoni sensittiva dwar privatezza protetta, sigurtà nazzjonali, u infurzar tal-liġi.
3. Kwalunkwe ċaħda jew restrizzjoni tal-aċċess għandha tkun stabbilita bil-miktub u pprovduta f'ħin f'waqtu lill-individwu li jkun talabha. Tali notifika għandha tinkludi l-bażi legali li fuqha l-informazzjoni ġiet miżmuma u għandha tinforma lill-individwu dwar l-għażliet disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti biex ifittex rimedju.
4. Id-DHS ma għandux jiżvela l-PNR lill-pubbliku, għajr lill-individwu li l-PNR tiegħu ġie pproċessat u użat jew lir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, jew kif meħtieġ mil-liġi tal-Istati Uniti.
Artikolu 12
Korrezzjoni jew Rettifika għall-Individwi
1. Kull individwu, irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta’ residenza jista’ jitlob il-korrezzjoni jew ir-rettifika, inkluż il-possibbiltà ta’ tħassir jew imblukkar, tal-PNR tiegħu mid-DHS skont il-proċessi deskritti f’dan il-Ftehim.
2. Id-DHS għandu jinforma, bla dewmien żejjed, lill-individwu li għamel talba bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu jekk għandux jikkoreġi jew jirrettifika l-PNR inkwistjoni.
3. Kwalunkwe ċaħda jew restrizzjoni ta’ korrezzjoni jew rettifika għandha titniżżel bil-miktub u tiġi pprovduta f'ħin f'waqtu lill-individwu li jkun għamel it-talba. Tali notifika għandha tinkludi l-bażi legali ta’ ċaħda jew restrizzjoni bħal din u għandha tinforma lill-individwu bl-għażliet disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti biex ifittex rimedju.
Artikolu 13
Rimedju għall-Individwi
1. Kwalunkwe individwu irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta' oriġini, jew il-post ta’ residenza tiegħu li d-data personali u l-informazzjoni personali tiegħu ġiet proċessata u użata b’mod inkonsistenti ma’ dan il-Ftehim jista’ jfittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju skont il-liġi tal-Istati Uniti.
2. Kwalunkwe individwu huwa intitolat li jfittex li amministrattivament jikkontesta d-deċiżjonijiet tad-DHS relatati mal-użu u l-ipproċessar tal-PNR.
3. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva u liġi applikabbli oħra, kwalunkwe individwu huwa intitolat għal petizzjoni għal reviżjoni ġudizzjarja fil-qorti federali tal-Istati Uniti fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni tal-aġenzija finali mid-DHS. Barra minn hekk, kwalunkwe individwu huwa intitolat għal petizzjoni għal reviżjoni ġudizzjarja skont il-liġi applikabbli u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta':
(a) |
l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni; |
(b) |
l-Att dwar Frodi u Abbuż Informatiċi; |
(c) |
l-Att dwar il-Privatezza tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi; u |
(d) |
dispożizzjonijiet applikabbli oħra tal-liġi tal-Istati Uniti. |
4. B’mod partikolari, id-DHS jipprovdi lill-individwi kollha mezz amministrattiv (attwalment il-Programm ta’ Inkjesta u Rimedju tal-Vjaġġatur DHS (DHS TRIP)) biex isolvi inkjesti relatati mal-ivvjaġġar inklużi dawk relatati mal-użu tal-PNR. Id-DHS TRIP jipprovdi proċess ta’ rimedju għall-individwi li jemmnu li sofrew dewmien jew li ġew ipprojbiti milli jitilgħu abbord ajruplan kummerċjali peress li ġew identifikati bħala theddida meta dan ma kienx minnu. Skont l-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva u t-Titolu 49, Kodiċi tal-Istati Uniti, Taqsima 46110, kwalunkwe tali individwu li jħossu aggravat huwa intitolat għal petizzjoni għal reviżjoni ġudizzjarja fil-qorti federali tal-Istati Uniti minn kull azzjoni tal-aġenzija finali mid-DHS fir-rigward ta' dan it-tħassib.
Artikolu 14
Sorveljanza
1. Il-konformità mas-salvagwardji tal-privatezza f'dan il-Ftehim għandha tkun suġġetta għal reviżjoni indipendenti u sorveljanza mill-Uffiċjali dwar il-Privatezza tad-Dipartiment, bħall-Kap Uffiċjal tal-Privatezza tad-DHS, li:
(a) |
għandhom rekord ippruvat tal-awtonomija; |
(b) |
jeżerċitaw setgħat effettivi ta’ sorveljanza, investigazzjoni, intervent, u reviżjoni; |
(c) |
għandhom is-setgħa li jirriferu ksur tal-liġi marbut ma’ dan il-Ftehim għall-prosekuzzjoni jew azzjoni dixxiplinarja, meta jkun xieraq. |
Huma għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-ilmenti relatati ma’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-Ftehim jiġu rċevuti, investigati, imwieġba, u rimedjati b’mod xieraq. Dawn l-ilmenti jistgħu jitressqu minn kwalunkwe individwu, irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta’ residenza.
2. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-Istati Uniti għandha tkun suġġetta għal reviżjoni indipendenti u sorveljanza minn waħda jew aktar mill-entitajiet li ġejjin:
(a) |
L-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tad-DHS; |
(b) |
L-Uffiċċju tar-Responsabbiltà Governattiva kif stabbilit mill-Kungress; u |
(c) |
il-Kungress tal-Istati Uniti. |
Sorveljanza bħal din tista’ tkun manifestata fis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' rapporti pubbliċi, smigħ pubbliku, u l-analiżi.
KAPITOLU III
MODALITAJIET TA’ TRASFERIMENTI
Artikolu 15
Metodu ta’ Trażmissjoni tal-PNR
1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jittrasferixxu l-PNR lid-DHS bl-użu tal-metodu “push”, bi tkomplija tal-ħtieġa għall-preċiżjoni, il-puntwalità u l-kompletezza tal-PNR.
2. It-trasportaturi tal-ajru għandhom jittrasferixxu l-PNR lid-DHS b’mezzi elettroniċi sikuri f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi tad-DHS.
3. It-trasportaturi tal-ajru għandhom jittrasferixxu l-PNR lid-DHS skont il-paragrafi 1 u 2, inizjalment 96 siegħa qabel it-tluq tat-titjira skedata u addizzjonalment jew f’ħin reali jew għal numru fiss ta’ trasferimenti ta’ rutina u skedati kif speċifikat mid-DHS.
4. Fi kwalunkwe każ, il-Partijiet jaqblu li t-trasportaturi tal-ajru kollha għandhom jiksbu l-kapaċità teknika li jużaw il-metodu “push” mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
5. Id-DHS jista’, fejn meħtieġ, abbażi ta’ każ b’każ, jirrikjedi li trasportatur tal-ajru jipprovdi l-PNR bejn jew wara t-trasferimenti regolari deskritti fil-paragrafu 3. Fejn it-trasportaturi tal-ajru ma jkunux jistgħu, għal raġunijiet tekniċi, jirrispondu b’mod f’waqtu għal talbiet skont dan l-Artikolu b’konformità mal-istandards tad-DHS,jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali sabiex tirrispondi għal theddida speċifika, urġenti, u serja, id-DHS jista’ jirrikjedi li t-trasportaturi tal-ajru jipprovdu b'mod ieħor tali aċċess.
Artikolu 16
Kondiviżjoni domestika
1. Id-DHS jista’ jikkondividi l-PNR biss skont valutazzjoni bir-reqqa tas-salvagwardji li ġejjin:
(a) |
Esklussivament b’mod konsistenti mal-Artikolu 4; |
(b) |
Ma’ awtoritajiet governattivi domestiċi biss meta jaġixxu fl-avvanz tal-użi msemmija fl-Artikolu 4; |
(c) |
L-awtoritajiet riċeventi għandhom japplikaw għas-salvagwardji ekwivalenti jew komparabbli tal-PNR kif stabbilit f'dan il-Ftehim; u |
(d) |
Il-PNR għandu jkun kondiviż ma' ħaddieħor biss b’appoġġ għal dawk il-każijiet taħt eżami jew investigazzjoni u skont fehim bil-miktub u l-liġi tal-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet governattivi domestiċi. |
2. Waqt it-trasferiment tal-informazzjoni analitika miksuba mill-PNR taħt dan il-Ftehim, is-salvagwardji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu rispettati.
Artikolu 17
Trasferiment ’il Quddiem
1. L-Istati Uniti tista’ tittrasferixxi l-PNR lill-awtoritajiet governattivi kompetenti ta’ pajjiżi terzi biss taħt termini konsistenti ma’ dan il-Ftehim u biss wara li tiżgura li l-użu maħsub tar-riċevitur huwa konsistenti ma’ dawk it-termini.
2. Minbarra ċirkostanzi ta’ emerġenza, kwalunkwe trasferiment tad-data bħal dan għandu jseħħ skont fehim espliċitu li jinkorpora protezzjonijiet tal-privatezza tad-data komparabbli ma’ dawk applikati għall-PNR mid-DHS kif stabbilit f'dan il-Ftehim.
3. Il-PNR għandu jkun kondiviż biss b'appoġġ lejn dawk il-każijiet li huma taħt eżami jew investigazzjoni.
4. Meta d-DHS ikun konxju li l-PNR ta’ ċittadin jew resident ta’ Stat Membru tal-UE ġie trasferit, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu informati dwar il-kwistjoni ma' l-ewwel opportunità xierqa kmieni kemm jista' jkun.
5. Waqt it-trasferiment ta’ informazzjoni analitika miksuba mill-PNR taħt dan il-Ftehim, is-salvagwardji stabbiliti fil-paragrafi 1sa 4 għandhom jiġu rispettati.
Artikolu 18
Pulizija, Infurzar tal-Liġi u Kooperazzjoni Ġudizzjarja
1. Konsistentement mal-infurzar tal-liġi eżistenti jew ftehimiet oħra ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni jew arranġamenti bejn l-Istati Uniti u kwalunkwe Stat Membru tal-UE jew l-Europol u l-Eurojust, id-DHS għandu jipprovdi lill-pulizija kompetenti, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi speċjalizzati jew awtoritajiet ġudizzjarji oħra tal-Istati Membri tal-UE u l-Europol u l-Eurojust fil-kompetenza tal-mandati rispettivi tagħhom, hekk kif ikun prattikabbli, rilevanti u xieraq, informazzjoni analitika miksuba mill-PNR f'dawk il-każijiet taħt eżami jew investigazzjoni sabiex jipprevjeni, jiskopri, jinvestiga jew iħarrek ġewwa l-Unjoni Ewropea reati terroristiċi jew delitti relatati jew kriminalità transnazzjonali kif deskritt fl-Artikolu 4(1)(b).
2. Awtorità tal-pulizija jew ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-UE, jew l-Europol jew l-Eurojust, jistgħu jitolbu, fil-mandat tagħhom, aċċess għall-PNR jew informazzjoni analitika rilevanti miksuba mill-PNR li hija neċessarja f'każ speċifiku għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni, jew il-prosekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ reati terroristiċi jew delitti relatati jew kriminalità transnazzjonali kif deskritt fl-Artikolu 4(1)(b). Id-DHS għandu, suġġett għall-ftehimiet u l-arranġamenti indikati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jipprovdi din l-informazzjoni.
3. Skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, id-DHS għandu jikkondividi l-PNR biss wara evalwazzjoni bir-reqqa tas-salvagwardji li ġejjin:
(a) |
Esklussivament b’mod konsistenti mal-Artikolu 4; |
(b) |
Biss meta jaġixxi għat-tisħiħ tal-użi msemmija fl-Artikolu 4; u |
(c) |
L-awtoritajiet riċeventi għandhom jipprovdu lill-PNR salvagwardji ekwivalenti jew komparabbli kif stabbilit f'dan il-Ftehim. |
4. Waqt it-trasferiment ta’ informazzjoni analitika miksuba mill-PNR taħt dan il-Ftehim, is-salvagwardji stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu rispettati.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET IMPLIMENTATTIVI U FINALI
Artikolu 19
Adegwatezza
Fil-kunsiderazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu, id-DHS għandu jitqies li jipprovdi, fis-sens tal-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-UE, livell adegwat ta’ protezzjoni għall-ipproċessar u l-użu tal-PNR. F’dan ir-rigward, trasportaturi li pprovdew il-PNR lid-DHS f’konformità ma’ dan il-Ftehim għandhom jitqiesu li jkunu kkonformaw mar-rekwiżiti legali applikabbli fl-UE relatati mat-trasferiment ta’ tali data mill-UE lejn l-Istati Uniti.
Artikolu 20
Reċiproċità
1. Il-Partijiet għandhom jippromwovu b’mod attiv il-kooperazzjoni tat-trasportaturi fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom ma’ kwalunkwe sistema operattiva tal-PNR jew kif jistgħu jiġu adottati fil-ġurisdizzjonijiet tal-oħrajn, konsistenti ma’ dan il-Ftehim.
2. Minħabba li t-twaqqif ta’ sistema tal-PNR tal-UE jista’ jkollu effett materjali fuq l-obbligi tal-Partijiet taħt dan il-Ftehim, jekk u meta sistema tal-PNR tal-UE tiġi adottata, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw biex jiddeterminaw jekk dan il-Ftehim jeħtieġ jew le li jiġi aġġustat kif xieraq biex jiżgura r-reċiproċità sħiħa. Tali konsultazzjonijiet għandhom b'mod partikolari jeżaminaw jekk xi sistema futura tal-PNR tal-UE tapplikax standards ta’ protezzjoni tad-data inqas stretti minn dawk previsti f'dan il-Ftehim, u jekk, għaldaqstant, dan il-Ftehim għandux jiġi emendat.
Artikolu 21
Implimentazzjoni u Non-Deroga
1. Dan il-Ftehim m’għandux joħloq jew jagħti, taħt il-liġi tal-Istati Uniti, xi dritt jew benefiċċju lil kwalunkwe persuna jew entità, privata jew pubblika. Kull parti għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jiġu implimentati kif xieraq.
2. Xejn f'dan il-Ftehim m’għandu jidderoga mill-obbligi eżistenti tal-Istati Uniti u l-Istati Membri tal-UE, inkluż taħt il-Ftehim dwar l-Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-25 ta’ Ġunju 2003 u l-istrumenti bilaterali relatati ta’ għajnuna legali reċiproka bejn l-Istati Uniti u Istati Membri tal-UE.
Artikolu 22
Notifika ta’ Bidliet fil-Liġi Domestika
Il-Partijiet għandhom javżaw lil xulxin dwar l-approvazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li materjalment taffettwa l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 23
Reviżjoni u Evalwazzjoni
1. Il-Partijiet għandhom flimkien jirrivedu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u b'mod regolari wara dan kif maqbul b’mod konġunt. Barra minn hekk, il-Partijiet għandhom jevalwaw dan il-Ftehim erba’ snin wara d-dħul tiegħu fis-seħħ.
2. Il-Partijiet għandhom flimkien jiddeterminaw minn qabel il-modalitajiet u t-termini tar-reviżjoni konġunta u għandhom jikkomunikaw lil xulxin il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. Għall-finijiet tar-reviżjoni konġunta, l-Unjoni Ewropea għandha tkun rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Istati Uniti għandhom ikunu rrappreżentati mid-DHS. It-timijiet jistgħu jinkludu esperti xierqa dwar il-protezzjoni tad-data u l-infurzar tal-liġi. Soġġetti għal-liġijiet applikabbli, il-parteċipanti fir-reviżjoni konġunta għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom il-permessi xierqa ta' sigurtà u biex jirrispettaw il-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet. Għall-finijiet tar-reviżjoni konġunta, id-DHS għandu jiżgura aċċess xieraq għad-dokumentazzjoni, is-sistemi, u l-persunal rilevanti.
3. Wara r-reviżjoni konġunta, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Uniti għandha tingħata opportunità biex tipprovdi kummenti bil-miktub li għandhom ikunu mehmuża mar-rapport.
Artikolu 24
Riżoluzzjoni ta’ Disputi u Sospensjoni tal-Ftehim
1. Kwalunkwe disputa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u kwalunkwe kwistjoni marbuta miegħu, għandhom jagħtu lok għal konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, bil-ħsieb li tintlaħaq riżoluzzjoni reċiprokament maqbula, inkluż billi tipprovdi opportunità għal kull Parti li tirrimedja fi żmien raġjonevoli.
2. Fil-każ li l-konsultazzjonijiet ma jirriżultawx f’riżoluzzjoni tad-disputa, kwalunkwe Parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’notifika bil-miktub b’mezzi diplomatiċi, b’sospensjoni bħal din tidħol fis-seħħ 90 jum mid-data ta’ tali notifika, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor għal data effettiva differenti.
3. Minkejja kull sospensjoni ta’ dan il-Ftehim, il-PNR kollha miksuba mid-DHS skont dan il-Ftehim qabel is-sospensjoni tiegħu għandhom ikomplu jiġu pproċessati u użati skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 25
Terminazzjoni
1. Kull Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien b’notifika bil-miktub b’mezzi diplomatiċi.
2. It-terminazzjoni għandha tieħu effett 120 jum mid-data ta’ tali notifika, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor għal data effettiva differenti.
3. Qabel kull terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin b’mod li jippermetti żmien biżżejjed biex tintlaħaq riżoluzzjoni reċiprokament maqbula.
4. Minkejja kull terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-PNR kollha miksuba mid-DHS skont dan il-Ftehim qabel it-terminazzjoni tiegħu għandhom ikomplu jiġu pproċessati u użati skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 26
Tul ta’ żmien
1. Soġġett għall-Artikolu 25, dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ seba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.
2. Malli jiskadi l-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kif ukoll kwalunkwe perjodu sussegwenti ta’ tiġdid taħt dan il-paragrafu, il-Ftehim għandu jiġi mġedded għal perjodu sussegwenti ta’ seba’ snin sakemm waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax lill-oħra bil-miktub b’mezzi diplomatiċi, mill-inqas tnax-il xahar bil-quddiem, bl-intenzjoni tagħha li ma ġġeddidx il-Ftehim.
3. Minkejja l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim, il-PNR kollha miksuba mid-DHS taħt it-termini ta’ dan il-Ftehim għandhom ikomplu jiġu proċessati u użati skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim. B’mod simili, il-PNR kollha miksuba mid-DHS skont it-termini tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS), iffirmat fi Brussel u f'Washington fit-23 u s-26 ta' Lulju, 2007, għandhom jitkomplew jiġu pproċessati u użati skont is-salvagwardji tal-Ftehim.
Artikolu 27
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu skambjaw in-notifiki li jindikaw li temmew il-proċeduri interni tagħhom għal dan l-iskop.
2. Dan il-Ftehim, mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ, għandu jieħu post il-Ftehim tat-23 u s-26 ta’ Lulju 2007.
3. Dan il-Ftehim ser japplika biss għat-territorju tad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti bil-miktub li d-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda għażlu li jkunu marbuta b’dan il-Ftehim.
4. Jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim li dan ser japplika għat-territorju tad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tal-Istat rilevanti fl-istess jum bħal dak ta' l-Istati Membri l-oħra tal-UE marbuta b’dan il-Ftehim.
5. Jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim li japplika għat-territorju tad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tal-Istat rilevanti fl-ewwel jum wara r-riċezzjoni tan-notifika mill-Istati Uniti.
Magħmul fi Brussell, fl-erbatax-il jum ta' Diċembru fis-sena elfejn u ħdax, f'żewġ oriġinali.
Skont l-liġi tal-UE, dan il-Ftehim huwa mfassal mill-UE wkoll fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Istati Uniti tal-Amerika
ANNESS
TIPI TA’ DATA TAL-PNR
1. |
Kodiċi tal-lokalizzatur tar-reġistrazzjoni tal-PNR |
2. |
Data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett |
3. |
Data(i) tal-ivvjaġġar previst |
4. |
Isem (Ismijiet) |
5. |
Informazzjoni disponibbli għal dawk li jtiru frekwentament u l-benefiċċji (jiġifieri, biljetti b’xejn, titjib tas-servizz, eċċ.) |
6. |
Ismijiet oħra fuq il-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fuq il-PNR |
7. |
L-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluż informazzjoni dwar l-oriġinatur) |
8. |
L-informazzjoni kollha disponibbli dwar ħlas/ħruġ ta’ kontijiet (mhux inklużi dettalji oħra ta’ tranżazzjonijiet marbuta ma’ karta tal-kreditu jew kont u mhux marbuta mat-tranżazzjoni tal-ivvjaġġar) |
9. |
Itinerarju tal-ivvjaġġar għal PNR speċifiku |
10. |
Aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar |
11. |
Informazzjoni dwar kondiviżjoni ta’ kodiċi |
12. |
Informazzjoni maqsuma/diviża |
13. |
Stat tal-ivvjaġġar tal-passiġġier (inklużi konfermi u stat ta’ reġistrazzjoni) |
14. |
Informazzjoni dwar il-biljett, inkluż in-numru tal-biljett, biljetti ta’ mingħajr ritorn u Kwotazzjoni Awtomatizzata tal-Prezz tal-Biljett |
15. |
Informazzjoni dwar il-bagalji kollha |
16. |
Informazzjoni dwar is-sit, inkluż in-numru tas-sit |
17. |
Rimarki ġenerali inkluża informazzjoni taħt OSI, SSI u SS |
18. |
Kull informazzjoni miġbura fl-APIS |
19. |
Il-bidliet storiċi kollha għall-PNR elenkati fil-punti 1 sa 18 |