Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0032

2012/32/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Jannar 2012 li tirrikjedi lill-Istati Membri li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ aċċessorji tat-tip ta’ bastun b’manku twil għal għodda tal-id għall-qtugħ ta’ siġar salvaġġi (notifikata bid-dokument numru C(2011) 9772) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 18, 21.1.2012, pp. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/32(1)/oj

21.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 18/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Jannar 2012

li tirrikjedi lill-Istati Membri li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ aċċessorji tat-tip ta’ bastun b’manku twil għal għodda tal-id għall-qtugħ ta’ siġar salvaġġi

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9772)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/32/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,

Billi:

(1)

Magni tat-tirqim tal-ħaxix u għodda għall-qtugħ ta’ siġar salvaġġi huma magni tal-ġardinar u l-forestrija tal-id u jintużaw għat-tqattigħ tal-ħaxix, ħaxix ħażin, siġar salvaġġi, siġar żgħar u veġetazzjoni simili. Magna tat-tirqim tal-ħaxix jew għodda għall-qtugħ ta’ siġar salvaġġi kompluta tinkludi mutur ta’ trazzjoni, xaft li jittrasmetti l-enerġija, aċċessorju tat-tqattigħ u parti tal-ilqugħ. Ħafna mill-magni li jaħdmu bil-kombustjoni, skont l-aċċessorju tat-tqattigħ li jkollhom magħhom, għandhom żewġ użi, jew għat-tqattigħ tal-ħaxix u l-ħaxix ħażin, jew għat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi u siġar żgħar.

(2)

F’Settembru 2008, l-awtoritajiet tal-Isvezja infurmaw lill-awtoritajiet l-oħra tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni li wħud mill-aċċessorji tat-tip ta’ bastun b’manku twil, għat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġ, li jikkonsistu f’żewġ partijiet jew iktar tal-metall bħal katini, skieken jew xkupilji marbutin ma’ parti li ddur, kienu qed jitqiegħdu fis-suq minn manifatturi li ma kinux il-manufatturi oriġinali tal-għodda għat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi. L-awtoritajiet tal-Isvezja kkunsidraw perikolużi dawn l-aċċessorji tat-tip ta’ bastun b’manku twil.

(3)

F’Mejju 2010, l-awtoritajiet tar-Renju Unit informaw lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar inċident fatali li kien jinvolvi aċċessorju tat-tip ta’ bastun b’manku twil għat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi, li jikkonsisti f’żewġ katini mwaħħlin ma’ diska tal-metall. Ħolqa tal-katina kienet taret waqt l-użu tal-għodda tat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi armata b’aċċessorju tat-tqattigħ bħal dan, u weġġgħet fatalment persuna li kienet fil-qrib. Ir-Renju Unit ħa miżuri sabiex jiżgura l-irtirar mis-suq u mis-servizz tal-aċċessorji tat-tqattigħ ikkonċernati. Waqt il-laqgħa tal-Kumitat tal-Makkinarju li saret fit-2 ta’ Ġunju 2010, ir-Renju Unit talab lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-bżonn li tiġi adottata miżura li tirrikjedi li l-Istati Membri jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ aċċessorji tat-tqattigħ simili li għandhom karatteristiċi tekniċi simili.

(4)

Aċċessorji tat-tip ta’ bastun b’manku twil għat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi, imqiegħda fis-suq separatament sabiex jiġu mmontati mill-operatur mal-għodda tat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi, mhux koperti bil-valutazzjoni tar-riskju, id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE u l-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-għodda tat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi, huma apparat interskambjabbli skont id-definizzjoni stabbilita f’punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/42/KE.

(5)

It-Taqsima 1.3.2 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE dwar ir-riskju ta’ ħsara waqt l-operat, tirrikjedi li l-bosta partijiet tal-makkinarju u l-irbit tagħhom ma’ xulxin iridu jkunu kapaċi jifilħu l-pressjonijiet li jkunu suġġetti għalihom meta jintużaw. Fejn jibqa’ r-riskju ta’ qsim jew ta’ diżintegrazzjoni minkejja l-miżuri meħuda, il-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu mmuntati, mqiegħda fil-pożizzjoni u/jew imħarsa b’tali mod li ma jtirux biċċiet, u b’hekk jiġu evitati sitwazzjonijiet perikolużi. It-Taqsima 1.3.3 tal-Anness I tad-Direttiva dwar ir-riskji li jiġu permezz ta’ oġġetti li jaqgħu jew jintremew ‘il barra, tirrikjedi li jittieħdu prekawzjonijiet sabiex jiġu evitati riskji minn oġġetti li jaqgħu jew jintremew ‘il barra.

(6)

EN ISO 11806:2008, l-istandard armonizzat għall-għodda tal-id għat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi u li jaħdmu permezz ta’ magna bil-kombustjoni, jinkludi speċifikazzjonijiet tekniċi u testijiet sabiex jiżguraw is-saħħa adegwata tal-aċċessorji tat-tqattigħ u jitnaqqsu r-riskji minħabba oġġetti li jintremew ‘il barra. L-istandard ma jipprevedix aċċessorji tat-tqattigħ li jikkonsistu f’iktar minn parti waħda tal-metall. Filwaqt li l-applikazzjoni tal-istandard armonizzat hija volontarja, l-istandard jindika l-livell għoli li għandu jiġi kkunsidrat meta jiġu applikati r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà tad-Direttiva 2006/42/KE, skont il-prinċipji ġenerali stipulati fl-introduzzjoni għall-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE.

(7)

L-użu ta’ aċċessorji tat-tip ta’ bastun b’manku twil għat-tqattigħ b’partijiet tal-metall marbutin flimkien iwassal b’mod sinifikanti għal riskji residwi ogħla ta’ ħsara waqt l-operat u r-rimi ’l barra ta’ oġġetti milli meta jintużaw l-għodda bi xfafar singoli tal-metall. Il-partijiet tal-metall ta’ aċċessorji tat-tip ta’ bastun b’manku twil għat-tqattigħ u l-irbit tagħhom ma’ xulxin huma suġġetti għal pressjonijiet mekkaniċi għoljin irripetuti meta jiġu f’kuntatt ma’ ġebel, blat u ostakli oħra u għandhom tendenza li tiġrilhom ħsara u li jintremew ‘il barra b’veloċità għolja. Għandhom ukoll tendenza li jarmu l-ġebel b’enerġija ogħla mill-għodda bi xfafar singoli tal-metal. L-ilqugħijiet imwaħħlin mal-għodda tal-id tat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi ma jistgħux jipprovdu protezzjoni adegwata kontra r-riskji għoljin maħluqin mill-aċċessorji tat-tip ta’ bastun b’manku twil għat-tqattigħ b’partijiet tal-metall marbutin. B’konsegwenza, meta wieħed jikkunsidra l-istandard ta’ livell għoli, l-aċċessorji tat-tip ta’ bastun b’manku twil għat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala konformi mar-rekwiżiti stipulati fit-taqsimiet 1.3.2 u 1.3.3 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Dik in-nuqqas ta’ konformità twassal għal żieda sinifikanti tar-riskju li l-utenti jew persuni oħra esposti jweġġgħu serjament jew fatalment.

(8)

Fit-22 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Federazzjoni Ewropea tal-Makkinarju tal-Ġonna dwar miżura ta’ abbozz sabiex tittratta l-aċċessorji perikolużi tat-tqattigħ ta’ siġar salvaġġi. Fit-tweġiba tagħha tad-data tal-4 ta’ Novembru 2010, il-Federazzjoni esprimiet appoġġ għall-miżura ta’ abbozz.

(9)

Sabiex jiġu evitati iktar inċidenti, għandu jingħata l-iqsar perjodu possibli biex jiġu applikati l-miżuri meħtieġa minn din id-Deċiżjon.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva Nru 2006/42/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ aċċessorji tat-tip ta’ bastun b’manku twil għat-tqattigħ b’partijiet tal-metall marbutin għal għodda tal-id ta’ tqattigħ ta’ siġar salvaġġi.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2012. Huma għandhom jippubblikaw dawk il-miżuri u jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi-President


(1)   ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.


Top