This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011D1105
Decision No 1105/2011/EU of the European Parliament and of the Council of 25 October 2011 on the list of travel documents which entitle the holder to cross the external borders and which may be endorsed with a visa and on setting up a mechanism for establishing this list
Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża u dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-istabbiliment ta' din il-lista
Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża u dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-istabbiliment ta' din il-lista
ĠU L 287, 4.11.2011, p. 9–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 41998D0056 | ||||
Repeal | 41999D0014 |
4.11.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 287/9 |
DEĊIŻJONI Nru 1105/2011/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Ottubru 2011
dwar il-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża u dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-istabbiliment ta' din il-lista
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Fuq il-bażi tal-Artikolu 17(3)(a) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 (2), id-Deċiżjonijiet SCH/Com-ex (98) 56 (3) u SCH/Com-ex (99) 14 (4) stabbilixxew il-Manwal ta' dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża. Dawn id-Deċiżjonijiet għandhom ikunu adattati għall-qafas istituzzjonali u legali tal-Unjoni. |
(2) |
Il-listi ta' dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiżi terzi għandhom ikunu kkontrollati b'mod sistematiku biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet fl-Istati Membri li jaħdmu fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viżi u fil-kontrolli tal-fruntieri jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni preċiża dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar ippreżentati minn ċittadini ta' pajjiżi terzi. L-iskambji tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa u dwar ir-rikonoxximent tal-Istati Membri ta' dawk id-dokumenti tal-ivvjaġġar u t-tqegħid tal-elenku sħiħ għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandhom jiġu modernizzati u jsiru iktar effiċjenti. |
(3) |
L-iskop tal-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar huwa doppju: minn naħa waħda, li din tippermetti lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri jivverifikaw jekk dokument tal-ivvjaġġar partikolari huwiex rikonoxxut għall-fini tal-qsim tal-fruntieri esterni kif stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (5); min-naħa l-oħra, din tippermetti li l-persunal konsulari jivverifika jekk l-Istati Membri jirrikonoxxux dokument tal-ivvjaġġar partikolari għall-fini tat-twaħħil ta' sticker tal-viża. |
(4) |
Taħt il-punt (c) tal-Artikolu 48(1) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi tal-Viżi) (6), lista eżawrjenti ta' dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-pajjiż ospitanti għandha titħejja fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta' Schengen. |
(5) |
Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiżgura li l-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar tkun dejjem aġġornata. |
(6) |
Meta wieħed iqis ir-relevanza tas-sigurtà tad-dokument tal-ivvjaġġar fir-rigward tar-rikonoxximent possibbli tagħhom, fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni, megħjuna minn esperti tal-Istati Membri, għandha tipprovdi valutazzjoni teknika. |
(7) |
L-Istati Membri huma u għandhom jibqgħu kompetenti għar-rikonoxximent ta' dokumenti tal-ivvjaġġar għall-iskop li jippermettu lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u għall-iskop tat-twaħħil ta' viża f’forma ta’ sticker. |
(8) |
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kollha u jagħmlu ħilithom biex jarmonizzaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar it-tipi differenti ta' dokumenti tal-ivvjaġġar. Minħabba li n-nuqqas min-naħa ta’ Stat Membru li jinnotifika l-pożizzjoni tiegħu rigward dokument tal-ivvjaġġar jista’ joħloq problemi għad-detenturi ta’ dak id-dokument tal-ivvjaġġar, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jobbliga lill-Istati Membri jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar ir-rikonoxximent u n-nuqqas ta' rikonoxximent ta’ dawk id-dokumenti. Dak il-mekkaniżmu ma għandux jipprekludi lill-Istati Membri milli jinnotifikaw bidla fil-pożizzjoni tagħhom fi kwalunkwe waqt. |
(9) |
Għandha tkun stabbilita bażi tad-dejta onlajn li tinkludi kampjun tad-dokumenti kollha tal-ivvjaġġar fuq tul ta’ żmien biex ikun faċilitat l-eżami ta’ dokument tal-ivvjaġġar mill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri u l-persunal konsulari. Dik il-bażi tad-dejta għandha tinżamm aġġornata skont kull bidla għal rikonoxximent jew nuqqas ta' rikonoxximent indikat preċedentement ta' dokument tal-ivvjaġġar partikolari mill-Istati Membri. |
(10) |
Għal skopijiet ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji lista mhux eżawrjenti ta’ passaporti ta’ fantasija u passaporti ta’ kamuflaġġ magħrufa li jkunu infurmawha dwarhom l-Istati Membri. Il-passaporti ta’ fantastija u l-passaporti ta’ kamuflaġġ li huma fuq il-lista mhumiex suġġetti għal rikonoxximent jew nuqqas ta' rikonoxximent. Huma ma jintitolawx lid-detentur tagħhom li jaqsam il-fruntieri esterni u ma għandhomx jingħataw viża. |
(11) |
Sabiex ikunu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-kompilazzjoni u l-aġġornament tal-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (7). |
(12) |
Il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha tintuża għat-tfassil u għall-aġġornament tal-lista tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, billi dawk huma atti li jikkostitwixxu sempliċiment il-kompilazzjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa. |
(13) |
Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis ta' Schengen (8), li jaqa' fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti A, B u C tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim (9). |
(14) |
Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10), li jaqa' fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti (A), (B) u (C) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11). |
(15) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fl-ambitu tal-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti (A), (B) u (C), tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/KE (12). |
(16) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk la hija marbuta biha u lanqas ma hija suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hux se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha. |
(17) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Britanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (13); ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(18) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda sabiex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (14); għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta magħha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(19) |
Fir-rigward ta' Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq jew li hu b'xi mod ieħor relatat mal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. |
(20) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att ibbażat fuq l-acquis ta' Schengen jew li hu b'xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens ta' Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett u Ambitu
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur tagħhom jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati minn viża (“il-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar”) u mekkaniżmu għall-kompilazzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni tapplika għad-dokumenti tal-ivvjaġġar bħal passaport nazzjonali, (passaport ordinarju, diplomatiku, ta' servizz/ uffiċjali jew speċjali), dokument tal-ivvjaġġar ta’ emerġenza, dokument tal-ivvjaġġar ta' refuġjat jew ta' persuna bla stat, dokument tal-ivvjaġġar maħruġ minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew laissez-passer.
3. Din id-Deċiżjoni ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.
Artikolu 2
Kompilazzjoni tal-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar
1. Il-Kummissjoni għandha tħejji l-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar bl-għajnuna tal-Istati Membri abbażi tal-informazzjoni miġbura fi ħdan il-kooperazzjoni Schengen lokali, kif imsemmi fl-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009.
2. Il-lista ta' dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar għandha titħejja skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2).
Artikolu 3
Struttura tal-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar
1. Il-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar għandha tkun maqsuma fi tliet partijiet.
2. Il-Parti I għandha tikkonsisti f'dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiżi terzi u entitajiet territorjali elenkati fl-Annessi I u II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (15).
3. Il-Parti II għandha tikkonsisti fid-dokumenti li ġejjin, maħruġa minn Stati Membri, inklużi dawk maħruġa mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li mhux qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni preżenti u mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li għadhom mhux qed japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ:
(a) |
dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa lil ċittadini ta' pajjiżi terzi; |
(b) |
dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa lil refuġjati skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Rigward l-Istatus ta' Refuġjati tat-28 ta' Lulju 1951; |
(ċ) |
dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa lil persuni bla stat skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Rigward l-Istatus ta' Rifuġjati tat-28 ta' Settembru 1954; |
(d) |
dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa lil persuni li ma jkollhomx nazzjonalità ta’ xi pajjiż, u li jirrisjedu fi Stat Membru; |
(e) |
dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mir-Renju Unit għal ċittadini Britanniċi li mhumiex ċittadini tar-Renju Unit tal-Gran Britanja u l-Irlanda ta' Fuq għall-iskopijiet tal-liġi tal-Unjoni. |
4. Il-Parti III għandha tikkonsisti f'dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn organizzazzjonoijiet internazzjonali.
5. Bħala regola ġenerali, l-elenkar ta' dokument tal-ivvjaġġar partikolari japplika għas-serje kollha ta' dak id-dokument tal-ivvjaġġar li għadhom validi.
6. Jekk pajjiż terz ma joħroġx tip partikolari ta' dokument tal-ivvjaġġar, dan għandu jkun indikat billi jiddaħħal “mhux maħruġ” fil-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar.
Artikolu 4
Notifikazzjoni tar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar elenkati
1. Fi żmien tliet xhur wara l-komunikazzjoni tal-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-pożizzjoni tagħhom dwar ir-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar elenkati.
2. Jekk Stat Membru jonqos milli jinnotifika l-pożizzjoni tiegħu sal-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, id-dokument tal-ivvjaġġar ikkonċernat għandu jitqies bħala rikonoxxut sal-waqt meta dak l-Istat Membru jinnotifika n-nuqqas ta' rikonoxximent tiegħu.
3. Fil-qafas tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent ta' dokumenti tal-ivvjaġġar speċifiċi bil-għan li tintlaħaq pożizzjoni armonizzata.
4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha għar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent indikat qabel ta' dokument tal-ivvjaġġar partikolari.
Artikolu 5
Dokumenti tal-ivvjaġġar ġodda maħruġa
1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar ġodda msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 3(3).
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar ġodda maħruġa minn pajjiżi terzi, Stati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 3(2), fl-Artikolu 3(3)(e) u l-Artikolu 3(4). Il-Kummissjoni għandha, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tagħmel sforzi biex tiġbor il-mudelli ta' dokumenti tal-ivvjaġġar ġodda sabiex tqassamhom.
3. Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar skont in-notifiki u l-informazzjoni li tirċievi u għandha titlob lill-Istati Membri biex jinnotifikaw il-pożizzjoni tagħhom dwar ir-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent skont l-Artikolu 4.
4. Il-lista aġġornata ta' dokumenti tal-ivvjaġġar għandha titħejja skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2).
Artikolu 6
Informazzjoni dwar passaporti magħrufa bħala passaporti ta’ fantasija u passaporti ta’ kamuflaġġ
Il-Kummissjoni għandha wkoll tfassal u taġġorna lista mhux eżawrjenti ta’ passaporti magħrufa bħala passaporti ta’ fantasija u passaporti ta’ kamuflaġġ fuq il-bażi tal-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Istati Membri.
Artikolu 7
Valutazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar
1. Sabiex l-Istati Membri jiġu assistiti fil-valutazzjoni tekniċi tagħhom ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, il-Kummissjoni, megħjuna minn esperti tal-Istati Membri, tista' tipprovdi għal analiżi teknika tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, b’kont meħud b’mod partikolari tal-istandards u r-rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.
2. Fejn ikun relevanti, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar jistgħu wkoll jiġu analizzati f'dan il-kuntest.
3. Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri.
Artikolu 8
Proċedura tal-kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-Kumitat għad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 9
Pubblikazzjoni tal-listi
Il-Kummissjoni għandha tqiegħed il-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, inklużi n-notifiki skont l-Artikolu 4, u l-lista msemmija fl-Artikolu 6, għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-pubbliku permezz ta' pubblikazzjoni elettronika li tkun aġġornata b'mod kostanti.
Artikolu 10
Tħassir
Id-Deċiżjonijiet SCH/Com-ex (98) 56 u SCH/Com-ex (99) 14 huma mħassra.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha ħlief għall-Artikolu 10, li għandu japplika b'effett mid-data tal-ewwel pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar.
Artikolu 12
Indirizzati
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2011.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
M. DOWGIELEWICZ
(1) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2011
(2) ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.
(3) ĠU L 239, 22.9.2000, p. 207.
(4) ĠU L 239, 22.9.2000, p. 298.
(5) ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.
(6) ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
(7) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(8) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(9) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.
(10) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(11) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.
(12) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.
(13) ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.
(14) ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.
(15) ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.