This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011D0830(01)
Commission Decision of 29 August 2011 setting up a Payment Systems Market Expert Group
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Awwissu 2011 li tistabbilixxi Grupp Espert tas-Suq tas-Sistemi tal-Ħlasijiet
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Awwissu 2011 li tistabbilixxi Grupp Espert tas-Suq tas-Sistemi tal-Ħlasijiet
ĠU C 253, 30.8.2011, pp. 3–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32009D0072 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32011D0830(01)R(01) | (CS) | |||
Corrected by | 32011D0830(01)R(02) | (MT) | |||
Modified by | 32021D0215(01) | Sostituzzjoni | artikolu 8 Test | 07/03/2021 | |
Modified by | 32021D0215(01) | Sostituzzjoni | artikolu 4 paragrafu 5 Test | 07/03/2021 | |
Modified by | 32021D0215(01) | Sostituzzjoni | artikolu 5 paragrafu 7 | 07/03/2021 | |
Validity extended by | 32021D0215(01) | 07/03/2021 | 31/12/2020 | ||
Modified by | 32021D0215(02) | Sostituzzjoni | artikolu 8 Test | 07/03/2021 | |
Validity extended by | 32021D0215(02) | 07/03/2021 | 31/12/2025 | ||
Validity extended by | 32025D04118 | 18/08/2025 | 31/12/2030 | ||
Modified by | 32025D04118 | Sostituzzjoni | artikolu 8 Test | 18/08/2025 |
30.8.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 253/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-29 ta’ Awwissu 2011
li tistabbilixxi Grupp Espert tas-Suq tas-Sistemi tal-Ħlasijiet
2011/C 253/04
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni huwa li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li s-servizzi tal-ħlasijiet jiffurmaw parti essenzjali minnu. F’kuntest ta’ progress mgħaġġel fl-innovazzjoni u t-teknoloġija, huwa importanti li s-suq intern ikollu sistemi tal-ħlasijiet sodi, faċli biex tużahom, effiċjenti u sikuri, għall-benefiċċju tal-fornituri tas-servizzi u għall-utenti bl-istess mod. |
(2) |
F’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-fatt li l-partijiet interessati rilevanti jiġu kkonsultati kif xieraq, b'mod partikolari l-fornituri u l-utenti tas-servizzi tal-ħlasijiet, inklużi l-konsumaturi u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili, fl-iżvilupp tal-politika dwar is-sistemi tal-ħlasijiet. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista' tkun meħtieġa titlob l-għarfien espert ta’ speċjalisti f'korp konsultattiv. |
(3) |
Għalhekk ġie stabbilit grupp ta' esperti fil-qasam tas-sistemi tal-ħlasijiet bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/72/KE (1). |
(4) |
Kif iddikjarat fil-White Paper tagħha dwar il-Politika tas-Servizzi Finanzjarji 2005-2010, il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-opinjonijiet tal-utenti rrappreżentati b'mod xieraq matul l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika. Għalhekk, il-Grupp għandu jippermetti li l-opinjonijiet tal-partijiet interessati rilevanti jkunu rrappreżentati b'mod xieraq. Il-Kummissjoni tqis li l-kompożizzjoni attwali tal-Grupp mhijiex tirrifletti biżżejjed l-opinjonijiet tal-utenti, b'mod partikolari lill-konsumaturi. L-istabbiliment tal-Grupp għalhekk qed jiġi rriformulat biex jibbilanċja aħjar ir-rappreżentazzjoni bejn il-fornituri u l-utenti tas-servizzi tal-ħlasijiet u biex iżid l-għadd ta' membri li jirrappreżentaw lill-konsumaturi. |
(5) |
Il-Grupp għandu jkun magħmul minn individwi li jkollhom l-għarfien espert xieraq fil-qasam tas-sistemi tal-ħlasijiet. Madankollu, għandu jkun limitat għal rappreżentanti tal-partijiet interessati privati, billi l-awtoritajiet pubbliċi u l-banek ċentrali għandhom il-grupp konsultattiv tagħhom stess fil-qasam tas-sistemi tal-ħlasijiet. |
(6) |
Il-Grupp għandu jgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-politika dwar is-sistemi tal-ħlasijiet. |
(7) |
Għandhom jiġu pprovduti regoli dwar l-iżvelar ta’ tagħrif minn membri tal-Grupp, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-sigurtà annessi mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni bid-Deċiżjoni 2001/844/KE, il-KEFA, il-Euratom (2). |
(8) |
Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data (dejta) personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (dejta) (3) jirregola l-ipproċessar ta' dejta personali mwettaq fi ħdan il-qafas tal-Grupp. |
(9) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/72/KE tal-15 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi Grupp Espert tas-Suq tas-Sistemi tal-Ħlasijiet għandha tiġi rrevokata. |
(10) |
Huwa xieraq li jiġi ffissat perjodu ta' applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni se tqis ir-rakkomandabbiltà ta’ estensjoni, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Suġġett
Permezz ta' dan qed jiġi stabbilit Grupp Espert tas-Suq tas-Sistemi tal-Ħlasijiet (minn hawn 'il quddiem “il-Grupp”).
Artikolu 2
Kompitu
Il-kompitu tal-Grupp għandu jkun:
(1) |
li jgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta' atti leġiżlattivi jew inizjattivi tal-politika fir-rigward tas-sistemi tal-ħlasijiet, inklużi kwisjonijiet ta' prevenzjoni ta' frodi marbuta mal-industrija u l-utenti tal-ħlasijiet; |
(2) |
li jipprovdi għarfien dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ dik il-politika; |
(3) |
li jiskambja opinjonijiet dwar l-aqwa prattiki aġġornati u jiżgura monitoraġġ ta’ kwistjonijiet ta' tħassib potenzjali għas-suq. |
Artikolu 3
Konsultazzjoni
Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-Grupp dwar kwalunkwe kwistjoni rigward is-sistemi tal-ħlasijiet, inklużi kwistjonijiet dwar il-prevenzjoni ta' frodi marbuta mal-industrija u l-utenti tal-ħlasijiet.
Artikolu 4
Sħubija – Ħatra
1. Il-Grupp għandu jkun magħmul minn massimu ta’ 40 membru.
2. Il-membri għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn fost speċjalisti b'kompetenza fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2(1) u li jkunu wieġbu għal sejħa għall-applikazzjonijiet. Il-membri għandhom ikunu jew individwi bi sfond akkademiku jew għarfien espert rikonoxxut fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2(1) inkella għandhom jirrappreżentaw lil kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
(a) |
l-industrija tas-servizzi tal-ħlasijiet, inklużi l-kumpaniji, ir-rappreżentanti u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegati tagħhom; |
(b) |
l-utenti tal-ħlasijiet, inklużi l-kumpaniji, l-assoċjazzjonijiet u l-konsumaturi; |
(c) |
korpi privati involuti mill-qrib fil-prevenzjoni ta' frodi tal-ħlasijiet. |
3. Il-membri għandhom jirrappreżentaw fi proporzjonijiet bilanċjati lill-industrija tas-servizzi tal-ħlasijiet u lill-utenti tas-servizzi tal-ħlasijiet. Tal-anqas ħmistax-il membru tal-Grupp għandhom jirrappreżentaw utenti ta' servizzi tal-ħlasijiet, li sebgħa minnhom għandhom jirrappreżentaw lill-konsumaturi. Tal-anqas ħmistax mill-membri tal-Grupp għandhom jirrappreżentaw lill-industrija tas-servizzi tal-ħlasijiet. Akkademiċi u membri ta' korpi privati involuti fil-prevenzjoni ta' frodi tal-ħlasijiet għandhom ikunu rrappreżentati wkoll fil-Grupp.
4. Membri li jirrappreżentaw l-industrija tas-servizzi tal-ħlasijiet, utenti tal-ħlasijiet jew korpi privati involuti fil-prevenzjoni ta' frodi tal-ħlasijiet għandhom jinħatru bħala individwi li jirrappreżentaw interess komuni fl-appoġġ ta' sistemi ta' ħlasijiet faċli biex tużahom, effiċjenti u sikuri. Membri bi sfond akkademiku jew b’għarfien espert rikonoxxut għandhom jinħatru bħala individwi fil-kapaċità personali tagħhom.
5. Il-membri għandhom jinħatru għal erba' snin. Għandhom jibqgħu fil-kariga sa meta jiġu ssostitwiti jew sa tmiem il-mandat tagħhom.
6. Jista' jsir provvediment li għal kull membru maħtur jinħatar membru supplenti. Il-membri supplenti għandhom jinħatru fuq l-istess termini tal-membri; membri supplenti għandhom jissostitwixxu kwalunkwe membru li jkun assenti jew li jkun indispost. L-applikanti li tqiesu bħala xierqa iżda li ma nħatrux jistgħu jitniżżlu f’lista ta’ riżerva (“il-Lista”), li l-Kummissjoni tista’ tuża biex taħtar sostituti.
7. Membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-Grupp, li jirriżenjaw jew li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jew l-Artikolu 339 tat-Trattat, jistgħu jiġu ssostitwiti għall-kumplament tal-mandat tagħhom minn membru maħtur mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tuża l-Lista biex taħtar sostituti.
8. Membri maħtura fil-kapaċità personali tagħhom għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku.
9. Isem l-individwi li jirrappreżentaw interess jew li jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom għandu jiġi ppubblikat fir-Reġistru tal-gruppi esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili.
10. Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 5
Operat
1. Il-Grupp għandu jiġi ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.
2. Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sottogruppi biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi skont it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-Grupp; tali sottogruppi għandhom jiġu xolti hekk kif dawn ilestu l-kompiti tagħhom.
3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti u osservaturi b’għarfien speċifiku biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Grupp u tas-sottogruppi.
4. Tagħrif miksub mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet tal-Grupp jew ta' sottogrupp ma jistax jixxandar jekk il-Kummissjoni tiddikjara li dan ikun marbut ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali.
5. Il-Grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fil-bini tal-Kummissjoni, fil-forma u skont l-iskeda stabbilita mill-Kummissjoni. Is-Segretarjat tal-Grupp għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni. Uffiċjali tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-qasam jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Grupp u s-sottogruppi tiegħu.
6. Il-Grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.
7. Il-Kummissjoni tista’ tippubblika fuq l-internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument konċernat, kwalunkwe sommarju, konklużjoni, jew konklużjoni parzjali jew dokument ta’ ħidma tal-Grupp.
Artikolu 6
Spejjeż tal-laqgħat
1. Parteċipanti fl-attivitajiet tal-Grupp ma għandhomx jiġu rrimunerati għas-servizzi li jagħtu.
2. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Grupp għandhom jiġu rrimborsati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.
3. Dawn l-ispejjeż għandhom jiġu rrimborsati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 7
Revoka
Id-Deċiżjoni 2009/72/KE hija rrevokata.
Artikolu 8
Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2015.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Awwissu 2011.
Għall-Kummissjoni
Michel BARNIER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 24, 28.1.2009, p. 15.
(2) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.