Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0684

    2011/684/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/684/PESK tat- 13 ta’ Ottubru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

    ĠU L 269, 14.10.2011, p. 33–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2011; Imħassar b' 32011D0782

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/684/oj

    14.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 269/33


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/684/PESK

    tat-13 ta’ Ottubru 2011

    li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fid-9 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1).

    (2)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, entità addizzjonali għandha tiġi soġġetta għall-miżuri restrittivi mniżżla fid-Deċiżjoni 2011/273/PESK bil-ħsieb li dik l-entità ma titħalliex tuża fondi jew riżorsi ekonomiċi li attwalment huma proprjetà tagħha, miżmuma jew ikkontrollati minnha sabiex tagħti appoġġ finanzjarju lir-reġim Sirjan, filwaqt li fuq bażi temporanja tippermetti li fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati rċevuti sussegwentement minn dik l-entità jiġu użati b’rabta mal-finanzjament ta’ kummerċ ma’ persuni jew entitajiet mhux nominati.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2011/273/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    Paragrafu (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dħul fi, jew it-transitu minn ġewwa, it-territorji tagħhom tal-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, ta’ persuni li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I.”,

    (ii)

    Paragrafu (8) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “8.   Fil-każijiet fejn skont il-paragrafi 3, 4, 5, 6 u 7 Stat Membru jawtorizza d-dħul, jew it-transituġo territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Anness I, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għaliha tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.”;

    (2)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    Paragrafu (1) u (2) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra il-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Annessi I u II, għandhom jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet elenkati fl-Annessi I u II.”;

    (ii)

    Punt (a) tal-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Annessi I u II u l-membri tal-familja dipendenti minnhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;”;

    (iii)

    Punt (a) tal-paragrafu 4(huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika jew entità msemmija fl-Artikolu 4(1) tkun ġiet inkluża fl-Annessi I u II, jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data”;

    (iv)

    Punt (c) tal-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    il-garanzija jew is-sentenza mhijiex għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew entità elenkati fl-Annessi I u II; u”;

    v)

    Is-segwenti paragrafu ġie miżjud:

    “5a.   Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni entità nominata elenkata fl-Anness II, għal perijodu ta’ xahrejn wara d-data tan-nomina tagħha, milli tagħmel pagament minn fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati rċevuti minn tali entità wara d-data tan-nomina tagħha, fejn tali ħlas huwa dovut taħt kuntratt b’rabta mal-finanzjament ta’ kummerċ, bil-kondizzjoni li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li l-pagament ma jiġix irċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1.”;

    (3)

    L-Artikolu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 4a

    L-ebda pretensjoni, inkluża dik għal kumpens jew indennizz, jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni ta’ tpaċija, multi jew pretensjoni koperta minn garanzija, pretensjonijiet għal estensjoni jew pagament ta’ bond, garanzija finanzjarja, inklużi pretensjonijiet li jirriżultaw minn ittri ta’ kreditu jew minn strumenti simili f’rabta ma’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni li t-twettiq tagħhom kien ġie affettwat, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, minħabba miżuri koperti minn din id-Deċiżjoni, ma għandha tiġi konċessa lill-persuni jew l-entitajiet nominati elenkati fl-Annessi I u II, jew lil kwalunkwe persuna jew entità oħra fis-Sirja, inkluż il-Gvern tas-Sirja, il-korpi, il-korporazzjonijiet u l-aġenziji pubbliċi tiegħu, jew lil kwalunkwe persuna jew entità li tressaq pretensjoni permezz ta’ jew għall-benefiċċju ta’ kwalunkwe tali persuna jew entità.”;

    (4)

    L-Artikolu 5(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-listi fl-Annessi I u II.”;

    (5)

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    1.   L-Annessi I u II għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati.

    2.   L-Annessi I u II għandhom jinkludu wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta’ twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.”.

    Artikolu 2

    L-Anness għad-Deċiżjoni 2011/273/PESK għandu jsir l-Anness I.

    Artikolu 3

    L-Anness għal din id-Deċiżjoni għandu jiżdied mad-Deċiżjoni 2011/273/PESK bħala l-Anness II.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. DOWGIELEWICZ


    (1)  ĠU L 121, 10.5.2011, p. 11.


    ANNESS

    “ANNESS II

    Lista ta' entitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)

    Entitajiet

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data ta’ inklużjoni fil-lista

    1.

    Commercial Bank of Syria

    Damascus Branch, P.O. Box 2231, Moawiya St., Damascus, Sirja;- P.O. Box 933, Yousef Azmeh Square, Damascus, Sirja;

    Aleppo Branch, P.O. Box 2, Kastel Hajjarin St., Aleppo, Sirja;

    SWIFT/BIC CMSY SY DA; l-uffiċċji kollha fid-dinja

    Sit web: http://cbs-bank.sy/En-index.php

    Tel: +963 11 2218890

    Fax: +963 11 2216975

    amministrazzjoni ġenerali: dir.cbs@mail.sy

    Bank tal-istat li jipprovdi appoġġ finanzjarju lir-reġim.

    13.10.2011”


    Top