Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0429

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/429/PESK tat- 18 ta’ Lulju 2011 dwar il-Pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta’ Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta’ Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (BTWC)

ĠU L 188, 19.7.2011, p. 42–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/429/oj

19.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/42


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/429/PESK

tat-18 ta’ Lulju 2011

dwar il-Pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta’ Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta’ Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (BTWC)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva li għandha l-għan, fost l-oħrajn, li ssaħħaħ il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta’ Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta’ Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (BTWC), filwaqt li tkompli d-diskussjoni dwar il-verifika tal-BTWC, tappoġġa l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC, inkluż permezz tal-mezzi ta’ leġiżlazzjoni kriminali, u ssaħħaħ il-konformità magħha.

(2)

Fit-28 ta’ April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta b’mod unanimu r-Riżoluzzjoni 1540 (2004), li tiddeskrivi l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ forniment tagħhom bħala theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Fis-27 ta’ April 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti unanimament adotta r-Riżoluzzjoni 1673 (2006) sabiex jintensifika l-isforzi sabiex jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004). L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Riżoluzzjoni tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-BTWC.

(3)

Fis-26 ta’ Awwissu 1988, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 620 (1988) li, fost l-oħrajn, tħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jwettaq minnufih investigazzjonijiet bi tweġiba għal allegazzjonijiet dwar l-użu ta’ armi kimiċi jew batterjoloġiċi (bijoloġiċi) jew tat-tossina li jikkostitwixxi ksur tal-Protokoll ta’ Ġinevra tal-1925. Fit-8 ta’ Settembru 2006, l-Assemblea Ġenerali adottat l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu, annessa għar-Riżoluzzjoni 60/288, skont liema l-Istati Membri jħeġġu lis-Segretarju Ġenerali jaġġorna r-roster tal-esperti u l-laboratorji, kif ukoll il-linji gwida tekniċi u l-proċeduri, għad-dispożizzjoni tas-Segretarju-Ġenerali għall-investigazzjoni f’waqtha u effiċjenti tal-allegazzjonijiet.

(4)

Is-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Istati Partijiet għall-BTWC ddeċidiet li s-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni għandha ssir f’Ġinevra mhux aktar tard mill-2011 u għandha tirrevedi l-ħidma tal-BTWC, b’kont meħud, fost l-oħrajn, tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda rilevanti għall-BTWC, kif ukoll il-progress li sar mill-Istati Partijiet għall-BTWC (minn issa “l-Istati Partijiet”) fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-obbligi taħt il-BTWC u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet maqbula fis-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni.

(5)

Fis-27 ta’ Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK (1) u fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK (2). Iż-żewġ Azzjonijiet Konġunti it-tnejn li huma jippromwovu l-universalità tal-BTWC, u jsostnu l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Partijiet. Barra minn hekk, l-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK tippromwovi l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ Miżuri ta’ Bini ta’ Fiduċja (CBM) mill-Istati Partijiet, tipprovdi appoġġ għall-proċess intersessjonarju tal-BTWC.

(6)

B’mod parallel mal-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK, l-Unjoni Ewropea qablet dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar l-armi bijoloġiċi u ta’ tassina, komplimentarja għall-Azzjoni Konġunta tal-UE b’appoġġ għall-BTWC (3) fir-rigward tal-BTWC fejn l-Istati Membri intrabtu li jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ CBM lin-NU f’April ta’ kull sena u listi ta’ esperti u laboratorji rilevanti lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex tkun faċilitata kwalunkwe investigazzjoni ta’ użu allegat ta’ Armi Bijoloġiċi u tossini (kimiċi).

(7)

Fid-dawl tas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-BWTC li jmiss mill-5 sat-22 ta’ Diċembru 2011, jaqbel li tiġi aġġornata l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

L-għanijiet tal-Unjoni fis-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta’ Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta’ Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (BWTC) għandu jkun li tirrevedi l-operazzjonijiet tal-BTWC u tesplora possibiltajiet sabiex issaħħaħha aktar.

Sabiex tilħaq dawn l-għanijiet, l-Unjoni għandha tressaq proposti konkreti lis-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni li għandha ssir mill-5 sat-22 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 2

Fis-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni, l-Unjoni għandha taħdem, b’mod partikolari, biex tiżgura li l-Istati Partijiet (minn issa “l-Istati Partijiet”) jindirizzaw il-prijoritajiet li ġejjin:

il-bini tal-fiduċja fil-konformità mal-BTWC,

l-appoġġ tal-implimentazzjoni nazzjonali tagħha; u

il-promozzjoni tal-universalità tagħha.

Artikolu 3

Għall-finijiet tal-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1, u l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 2, l-Unjoni għandha:

(a)

tikkontribwixxi għal reviżjoni sħiħa tal-ħidma tal-BTWC fis-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni, inkluża l-implimentazzjoni tal-impenji meħdua mill-Istati Partijiet taħt il-BTWC;

(b)

tappoġġa proċess intersessjonali aktar sostantiv matul il-perijodu bejn is-Seba’ u t-Tmien Konferenzi ta’ Reviżjoni u tidentifika oqsma speċifiċi u arranġamenti mtejbin għal progress ulterjuri taħt dan il-proċess;

(c)

tappoġġa t-Tmien Konferenza ta’ Reviżjoni, li għandha ssir mhux aktar tard mill-2016;

(d)

tibni kunsens għall-eżitu ta’ suċċess tas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni, abbażi tal-qafas stabbilit mill-Konferenzi preċedenti, u tippromwovi, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:

(i)

ħidma lejn l-identifikazzjoni u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi effettivi għall-bini tal-fiduċja f’konformità mal-BTWC;

(ii)

l-Istati Partijiet għandhom ikunu jistgħu juru l-konformità b’mezzi ta’ skambju ta’ informazzjoni u trasparenza akbar dwar il-kapaċitajiet u l-azzjonijiet tagħhom għall-implimentazzjoni u l-intenzjonijiet fir-rigward tal-konformità. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ dikjarazzjonijiet, konsultazzjonijiet u attivitajiet fil-post, li jirrappreżentaw livelli akbar ta’ trasparenza u skrutinju, iżda wkoll permezz ta’ skambju u reviżjoni ta’ informazzjoni matul il-proċess intersessjonali. Filwaqt li tirrikonoxxi li attwalment għad m’hemmx kunsens dwar il-verifika, li tibqa’ element ċentrali ta’ diżarm komplet u effettiv u ta’ reġim ta’ nonproliferazzjoni, l-Unjoni hija lesta taħdem biex tidentifika l-alternattivi li jistgħu jiksbu miri simili;

(iii)

implimentazzjoni effettiva u konformità sħiħa mal-obbligi kollha taħt il-BTWC mill-Istati Parti kollha; L-għoti ta’ appoġġ u tisħiħ, fejn meħtieġ, tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali, inkluża leġiżlazzjoni kriminali, u kontroll fuq mikroorganiżmi u tossini patoġeniċi fil-qafas tal- BTWC, fost l-oħrajn billi tiżdied il-kapaċità tal-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-Uffiċċju tan-NU għall-Kwistjonijiet ta’ Diżarm (ISU) biex jappoġġa l-implimentazzjoni nazzjonali u jiddiskutiha bħala suġġett intersessjonali. Tista’ tkun ikkunsidrata azzjoni ulterjuri u jistgħu jittieħdu aktar deċiżjonijiet dwar modi u mezzi għat-titjib tal-implimentazzjoni nazzjonali. L-Unjoni ser tħeġġeġ diskussjonijiet dwar alternattivi possibbli f’dan ir-rigward, speċjalment fil-qasam tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati nazzjonali u l-kooperazzjoni reġjonali u subreġjonali; u l-implimentazzjoni ta’ standards ta’ ġestjoni ta’ bijosigurtà u ta’ bijosikurezza għal istituzzjonijiet tax-xjenzi naturali;

(iv)

aderenza universali tal-Istati kollha għall-BTWC, inkluż appell lill-Istati kollha mhux parti għall-BTWC biex jaderixxu għaliha mingħajr aktar dewmien u biex jintrabtu legalment għad-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi bijoloġiċi u ta’ tossina; u, sakemm ikun hemm l-aderenza ta’ dawk l-Istati għall-BTWC, dawn jiġu mħeġġa jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Istati Partijiet u jimplimentaw, fuq bażi volontarja, id-dispożizzjonijiet tal- BTWC. Ħidma lejn il-projbizzjoni fuq l-armi bijoloġiċi u ta’ tossina li qed tiġi ddikjarata Regola ta’ Dritt Internazzjonali globalment vinkolanti, inkluż permezz tal-universalizzazzjoni tal-BTWC; u għaldaqstant tiġi rakkomandata l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni dwar l-universalizzazzjoni, ikkoordinat mill-ISU, u evalwat matul sessjonijiet partikolari matul il-proċess intersessjonarji;

(v)

sforzi biex tiżdied it-trasparenza u tinbena l-fiduċja fil-konformità, jinkludu l-mekkaniżmu ta’ Miżuri ta’ Bini ta’ Kunfidenza (CBM). L-Unjoni hija lesta taħdem fuq it-titjib ta’ dan il-mekkaniżmu billi tidentifika miżuri sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni, il-kwalità u l-komprensività tal-mekkaniżmu tas-CBM;

(vi)

żieda fit-trasparenza dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza relatati mal-Artikolu X tal-BTWC u b’kont meħud tal-ħidma u l-għarfien espert ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn. L-Unjoni ser tibqa’ tappoġġa l-implimentazzjoni konkreta tal-Artikolu X tal-BTWC permezz tad-diversi programmi ta’ assistenza tagħha u hija lesta tkompli l-elaborazzjoni tal-intendimenti komuni, li jiffurmaw il-bażi għal azzjoni effettiva fir-rigward tal-kooperazzjoni għal finijiet paċifiċi fil-qafas tal-BTWC. Tista’ tkun ikkunsidrata azzjoni ulterjuri u jittieħdu deċiżjonijiet dwar it-titjib tal-kooperazzjoni, l-assistenza u l-iskambju internazzjonali fix-xjenzi u t-teknoloġija bijoloġiċi għal finijiet paċifiċi, u dwar il-promozzjoni tal-bini tal-kapaċità fl-oqsma tas-sorveljanza, l-iskoperta u d-dijanjosi tal-mard, u l-kontroll ta’ mard li jittieħed;

(vii)

It-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi u ta’ tossina. Tista’ tkun ikkunsidrata azzjoni ulterjuri u jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-forniment ta’ assistenza u koordinazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu VII tal-BTWC ma’ organizzazzjonijiet rilevanti fuq it-talba ta’ kwalunkwe Stat Parti fil-każ tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi u ta’ tossina, inkluż it-titjib tal-kapaċitajiet nazzjonali għas-sorveljanza, l-iskoperta u dijanjosi tal-mard u sistemi tas-saħħa pubblika. Ħidma li ssir separatament dwar it-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi u ta’ tossina tista’ tgħin aktar biex indirettament issaħħaħ l-Artikoli VI u VII tal-BTWC;

(viii)

l-appoġġ ta’ proċess ta’ evalwazzjonijiet aktar frekwenti ta’ żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi rilevanti, li jista’ jkollhom implikazzjonijiet għall-BTWC, bħaż-żieda tal-konverġenża tal-kimika u l-bijoloġija u fl-oqsma li qed jiżviluppaw rapidament ta’ bijoloġija sintetika u nanoteknoloġija;

(ix)

konformità mal-obbligi taħt ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1540 (2004) u 1673 (2006), b’mod partikolari biex jiġi eliminat ir-riskju li jinkisbu armi bijoloġiċi u ta’ tossina jew li jiġu użati għal finijiet terroristiċi, inkluż l-aċċess possibbli minn terroristi għal materjal, tagħmir, u għarfien li jkunu jistgħu jintużaw fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ armi bijoloġiċi u ta’ tossina;

(x)

il-programmi ta’ Sħubija Globali tal-G8 immirati lejn appoġġ għad-diżarmament, il-kontroll u s-sigurtà ta’ materjali sensittivi, faċilitajiet, u ħila esperta;

(xi)

konsiderazzjoni ta’, u deċiżjonijiet dwar azzjoni ulterjuri abbażi tal-ħidma li saret skont il-proċess intersessjonali matul il-perijodu mill-2007 sal-2010 u l-isforzi biex ikun diskuss u promoss intendiment komuni u azzjoni effettiva dwar l-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fil-BTWC.

Artikolu 4

Sabiex issaħħaħ il-konformità mal-BTWC, l-Unjoni għandha tippromwovi:

(a)

miżuri relatati mad-dikjarazzjonijiet tas-CBM

(i)

analiżi tad-dikjarazzjonijiet tas-CBM annwali bħala l-għodda ta’ dikjarazzjoni nazzjonali regolari dwar l-implimentazzjoni u l-konformità u l-iżvilupp ulterjuri tagħhom b’dan l-objettiv;

(ii)

żieda fil-kwalità tad-dikjarazzjonijiet tas-CBM permezz ta’:

tnaqqis safejn ikun l-aktar possibbli tal-kumplessità tal-formoli tas-CBM u t-tneħħija ta’ ambigwitajiet potenzjali. Il-proposti dettaljati u konkreti għall-modifika tas-CBMs huma bbażati fuq ir-rapporti tal-Workshop tal-Forum ta’ Ġinevra;

appoġġ għall-kompilazzjoni tal-informazzjoni provduta fil-formoli tas-CBM. Għal dak l-għan, l-Unjoni għandha tappoġġa l-ISU biex ikollha rwol akbar fl-appoġġ lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli biex jiżguraw il-konformità. Dan l-appoġġ jista’ jinkludi elementi bħall-istabbiliment ta’ librerija ta’ referenza, funzjoni ta’ “helpdesk”, li l-formoli tas-CBM ikunu provduti f’diversi lingwi, introduzzjoni ta’ format elettroniku, u l-għoti ta’ seminars reġjonali għall-punti ta’ kuntatt nazzjonali;

introduzzjoni ta’ inċentivi għall-preżentazzjoni ta’ CBM, bħall-integrazzjoni ta’ dettalji dwar informazzjoni relatata mal-Artikolu X tal-BTWC fil-mekkaniżmu tas-CBM (bl-użu tal-formola D attwali jew bil-ħolqien ta’ formola ġdida);

(iii)

żieda fir-rilevanza u l-komprensibilità tal-formoli tas-CBM b’:

referenza għall-Artikoli kollha rilevanti tal-BTWC, b’kont meħud bir-reqqa tal-ħtieġa li jinkiseb bilanċ adegwat bejn l-għoti ta’ informazzjoni utli u l-isforz meħtieġ biex dan jinkiseb. Dan għandu jsir biex jiġu evitati kumplessità u piż dejjem akbar, li jistgħu potenzjalment jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni;

modifikazzjoni tas-CBM possibilment permezz ta’ approċċ b’żewġ fażijiet, filwaqt li modifiki li jkollhom bżonn analiżi ulterjuri jitħallew għal proċess intersessjonali ġdid;

(b)

miżuri relatati mal-mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi u ta’ tossina; l-affermazzjoni mill-ġdid tal-bżonn li l-Istati Partijiet jassiguraw l-effettività tad-dispożizzjonijiet tal-mekkaniżmu u billi jittieħdu passi prattiċi għal dan il-għan, bħall-għoti ta’ appoġġ għal programmi ta’ taħriġ, u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ laboratorju analitika.

Artikolu 5

Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 u l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 2, l-Unjoni għandha tappoġġa t-tisħiħ tar-rwol tal-ISU. B’mod partikolari, l-Unjoni għandha tappoġġa:

(a)

il-prolongazzjoni tal-mandat tal-ISU għal ħames snin oħra;

(b)

l-inklużjoni tal-attivitajiet li ġejjin fil-mandat tal-ISU:

(i)

L-istabbiliment ta’ pjattaforma ta’ komunikazzjoni u informazzjoni dwar attivitajiet ta’ politika, xjentifiċi u attivitajiet oħra rilevanti għall-BTWC (l-istabbiliment ta’ “librerija ta’ referenza”/bażi ta’ data elettronika għat-trawwim tal-kuxjenza mal-Istati Parti, l-akkademja u l-industrija);

(ii)

il-kollegament u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra;

(iii)

it-tisħiħ ulterjuri tal-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC billi jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u konsulenza dwar l-implimentazzjoni nazzjonali;

(iv)

l-appoġġ ulterjuri tas-sistema ta’ CBM permezz tal-parteċipazzjoni fil-proċess tar-reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-CBM. Abbażi ta’ informazzjoni pprovduta permezz ta’ CBMs riveduti, l-ISU tista’ tingħata l-mandat tiġbor informazzjoni relatata mal-Artikolu X tal-BTWC f’bażi ta’ data online;

(v)

l-iżvilupp ta’ sistema għar-reviżjoni ta’ żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi u l-impatt tagħhom fuq il-BTWC;

(vi)

l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni dwar l-universalizzazzjoni.

(c)

espansjoni adegwata tal-persunal attwali tal-ISU sabiex l-ISU jkun jista’ jwettaq l-attivitajiet imsemmija fil-punt (b).

Artikolu 6

Sabiex tappoġġa r-reviżjoni u t-tisħiħ tal-proċess intersessjonali, l-Unjoni għandha b’mod partikolari:

(a)

tappoġġa t-temi li ġejjin għal proċess intersessjonali ġdid jew bħala suġġetti intersessjonali jew permezz ta’ gruppi ta’ ħidma partikolari:

(i)

implimentazzjoni nazzjonali;

(ii)

universalizzazzjoni;

(iii)

ħidma ulterjuri ta’ wara r-RevCon dwar is-CBM;

(iv)

assistenza u kooperazzjoni taħt l-Artikoli VII u X tal-BTWC, inkluża l-identifikazzjoni ta’ rekwiżiti għal assistenza fl-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ oqfsa regolatorji adatti (b’fokus fuq il-bijosigurtà u l-bijosikurezza fl-ewwel mument);

(v)

żviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija;

(b)

tappoġġa proċess ta’ valutazzjonijiet aktar frekwenti ta’ żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi rilevanti. L-ISU jista’ jkollha rwol permezz tal-mandat imġedded tagħha. Minbarra diskussjoni dettaljata fil-proċess intersessjonali, l-Istati Parti jistgħu jiddeċiedu dwar mezzi alternattivi biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ xjenza u teknoloġija (jiġifieri li jinħoloq grupp ta’ ħidma ġdid, li fl-aġenda tal-Laqgħat tal-Istati Parti jiġi inkluż punt dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, li ssir laqgħa partikolari tal-esperti għax-xjenza u t-teknoloġija, li jiġi stabbilit panel konsultattiv jew li jiġi stabbilit forum miftuħ dwar ix-xjenza u t-teknoloġija);

(c)

tappoġġa l-iżvilupp ta’ oqfsa regolatorji nazzjonali, b’mod partikolari dwar il-bijosigurtà u l-bijosikurezza. L-adozzjoni ta’ standards ta’ ġestjoni adegwati għall-bijosigurtà u l-bijosikurezza għal-laboratorji u l-industrija, minkejja li bl-ebda mod ma jieħdu post sistema ta’ konformità, jistgħu jgħinu lill-Istati Parti fil-perijodu fit-tul bl-implimentazzjoni tal-obbligi stabbiliti fil-BTWC. Huma jistgħu jirriżultaw ukoll bħala għodda utli, flimkien ma’ miżuri oħrajn, biex jikkontribwixxu għal sistema ta’ konformità futura mtejba. Diskussjoni dwar dan l-iżvilupp, jiġifieri mal-industrija rilevanti, tista’ tkun parti minn proċess intersessjonali ġdid;

(d)

tappoġġa t-tisħiħ tal-karattru deċiżjonali tal-proċess intersessjonali billi tesplora firxa ta’ alternattivi bħall-fatt li r-rapport finali għal-Laqgħat tal-Istati Parti isir vinkolanti, taqbel dwar pjani direzzjonali, tikkunsidra l-possibilità ta’ gruppi ta’ ħidma dwar kwistjonijiet speċifiċi, pjanijiet ta’ azzjoni jew rakkomandazzjonijiet.

Artikolu 7

Sabiex tappoġġa l-universalità, l-Unjoni għandha:

(a)

tappoġġa l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni dwar l-universalizzazzjoni, immexxi mill-ISU, billi tistabbilixxi passi u attivitajiet konkreti. Il-Pjan ta’ Azzjoni jista’ jinkludi attivitajiet bħal avvenimenti ta’ għajnuna, inizjattivi konġunti, it-traduzzjoni ta’ dokumenti rilevanti, inċentivi bħal skambju ta’ informazzjoni dwar offerti ta’ assistenza, u żjarat ta’ assistenza biex jimtlew l-ewwel preżentazzjonijiet tas-CBMs. Dan il-pjan ta’ azzjoni jkun evalwat u, jekk meħtieġ, modifikat f’kull Laqgħa tal-Istati Partijiet.

(b)

tappoġġa l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet partikolari jew laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma dwar l-universalizzazzjoni matul il-proċess intersessjonali sabiex tikkoordina attivitajiet ta’ għajnuna bjen diversi atturi u tippjana inizjattivi reġjonali.

Artikolu 8

L-Unjoni għandha tappoġġa r-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu X tal-BTWC tas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni. Din ir-reviżjoni għandha timmira lejn:

(a)

l-esplorazzjoni ta’ kif informazzjoni relatata mal-assistenza tiġi integrata fis-CBM, billi tiġi riveduta l-Formola D jew tinħoloq formola ġdida, sabiex l-Istati Parti jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar attivitajiet relatati mal-kooperazzjoni u l-assistenza;

(b)

l-ISU tingħata mandat biex tiġbor informazzjoni relatata mal-Artikolu X tal-BTWC f’bażi ta’ dejta onlajn, li tista’ tkun fil-parti ristretta tas-sit elettroniku.

Artikolu 9

Azzjoni meħuda mill-Unjoni għall-finijiet imsemmijin fl-Artikoli 1 sa 8, għandha tinkludi:

(a)

abbażi tal-pożizzjoni stabbilita fl-Artikoli 1 sa 8, proposti mill-Unjoni għal arranġamenti speċifiċi, prattiċi u fattibbli għat-titjib effettiv tal-implimentazzjoni tal-BTWC għall-konsiderazzjoni mill-Istati Parti fis-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni.

(b)

inizjattivi mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni,

(c)

dikjarazzjonijiet ippreżentati mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jew id-Delegazzjoni għan-NU fit-tħejjija għas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni u matulha.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51.

(2)  ĠU L 302, 13.11.2008, p. 29.

(3)  ĠU C 57, 9.3.2006, p. 1.


Top