EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1217

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 tal- 14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 335, 18.12.2010, p. 36–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2023: This act has been changed. Current consolidated version: 18/12/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1217/oj

18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/36


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1217/2010

tal-14 ta’ Diċembru 2010

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal-kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma (1),

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament,

Wara li kkunsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 jagħti l-poter lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (*1) permezz ta’ regolament għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat li għandhom bħala l-għan tagħhom ir-riċerka u żvilupp ta’ prodotti, teknoloġiji jew proċessi sal-istadju tal-applikazzjoni industrijali, u l-esplojtazzjoni tar-riżultati, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

(2)

L-Artikolu 179(2) tat-Trattat jappella lill-Unjoni sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi, inklużi l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, fl-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku ta’ livell għoli, u sabiex tappoġġa l-isforzi tagħhom biex jikkooperaw ma’ xulxin. Dan ir-Regolament huwa maħsub sabiex jiffaċilita r-riċerka u l-iżvilupp filwaqt li fl-istess ħin jipproteġi l-kompetizzjoni b’mod effettiv.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2659/2000 tad-29 ta’ Novembru 2000 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim dwar ir-riċerka u l-iżvilupp (2) jiddefinixxi kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp li l-Kummissjoni qieset li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fid-dawl tal-esperjenza globalment pożittiva fl-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010 u b’kunsiderazzjoni għall-esperjenza ulterjuri miksuba mindu ġie adottat, huwa xieraq li jiġi adottat regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ġdid.

(4)

Dan ir-Regolament għandu jissodisfa ż-żewġ rekwiżiti li tiġi assigurata protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni u li tiġi pprovduta ċertezza legali adegwata għall-impriżi. Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati kemm jista’ jkun is-superviżjoni amministrattiva u l-qafas leġiżlattiv. Taħt ċertu livell ta’ saħħa fis-suq jista’ jkun preżunt b’mod ġenerali, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li l-effetti pożittivi ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp ikunu ta’ valur akbar minn kull effett negattiv fuq il-kompetizzjoni.

(5)

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat permezz ta’ regolament, mhuwiex neċessarju li jiġu ddefiniti dawk l-akkordji li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Fl-evalwazzjoni individwali ta’ akkordji taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, u b’mod partikolari l-istruttura tas-suq fis-suq rilevanti.

(6)

Akkordji dwar l-eżekuzzjoni konġunta ta’ xogħol ta’ riċerka jew l-iżvilupp konġunt tar-riżultati tar-riċerka, sal-istadju ta’ applikazzjoni industrijali iżda li ma jinkluduhx, ġeneralment ma jaqgħux fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Madankollu, f’ċerti ċirkustanzi, pereżempju fejn il-partijiet jaqblu li ma jwettqux attivitajiet oħra ta’ riċerka u żvilupp fl-istess qasam, u b’hekk jitilfu l-opportunità li jiksbu vantaġġi kompetittivi fuq partijiet oħrajn, tali akkordji jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u għandhom għalhekk ikunu inklużi fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Il-benefiċċju tal-eżenzjoni stabbilita b’dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dawk l-akkordji li għalihom jista’ jiġi preżunt b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(8)

Il-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-esplojtazzjoni tar-riżultati aktarx li tippromwovi l-progress tekniku u ekonomiku jekk il-partijiet jikkontribwixxu ħiliet komplementari, assi jew attivitajiet għall-kooperazzjoni. Dan jinkludi wkoll kuntesti fejn parti waħda sempliċement tiffinanzja l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ta’ parti oħra.

(9)

L-esplojtazzjoni konġunta ta’ riżultati tista’ tkun ikkunsidrata li hija l-konsegwenza naturali ta’ attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp. Tista’ tieħu forom differenti bħalma huma l-manifattura, l-esplojtazzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li sostanzjalment jikkontribwixxu għall-progress tekniku jew ekonomiku, jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġodda.

(10)

Il-konsumaturi ġeneralment jistgħu jkunu mistennija li jibbenefikaw mill-volum u effettività miżjuda tar-riċerka u l-iżvilupp permezz tal-introduzzjoni ta’ prodotti jew servizzi ġodda jew imtejba, it-tnedija aktar mgħaġġla ta’ dawk il-prodotti jew servizzi, jew it-tnaqqis tal-prezzijiet b’riżultat ta’ teknoloġiji jew proċessi ġodda jew imtejba.

(11)

Sabiex tiġi ġġustifikata l-eżenzjoni, l-eplojtazzjoni konġunt għandu jkollha x’taqsam mal-prodotti, teknoloġiji jew proċessi li għalihom l-użu tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp huwa deċiżiv. Barra minn dan, il-partijiet kollha għandhom, fl-akkordju ta’ riċerka u żvilupp, jaqblu li kollha kemm huma jkollhom aċċess sħiħ għar-riżultati finali tal-attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp, inkluż kwalunkwe dritt ta’ proprjetà intellettwali u know-how li jistgħu jirriżultaw, għall-iskopijiet ta’ riċerka u żvilupp u esplojtazzjoni ulterjuri, hekk kif jsiru magħrufa r-riżultati finali. L-aċċess għar-riżultati ġeneralment m’għandux ikun limitat għal dak li għandu x’jaqsam mal-użu tar-riżultati għall-iskopijiet ta’ riċerka u żvilupp ulterjuri. Madankollu, fejn il-partijiet, skont dan ir-Regolament, jillimitaw id-drittijiet tagħhom ta’ esplojtazzjoni, b’mod partikolari fejn huma jispeċjalizzaw fil-kuntest tal-esplojtazzjoni, l-aċċess għar-riżultati għall-iskopjiet ta’ esplojtazzjoni jistgħu jiġu limitati skont kif ikun xieraq. Barra minn dan, fejn korpi akkademiċi, istituti tar-riċerka jew impriżi li jfornu r-riċerka u l-iżvilupp bħala servizz kummerċjali mingħajr ma jkunu normalment attivi fl-esplojtazzjoni tar-riżultati jipparteċipaw fir-riċerka u żvilupp, jistgħu jaqblu li jużaw ir-riżultati tal-iżvilupp u r-riċerka għall-għan ta’ riċerka ulterjuri biss. Il-partijiet jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet mhux ugwali għall-kooperazzjoni tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp, skont il-ħiliet u l-ħtiġijiet kummerċjali tagħhom. Għaldaqstant, sabiex jiġu riflessi, u kkumpensati, id-differenzi fil-valur jew fin-natura tal-kontribuzzjonijiet tal-partijiet, akkordju ta’ riċerka u żvilupp li jibbenefika minn dan ir-Regolament jista’ jipprovdi li parti waħda tikkumpensa parti oħra għall-kisba ta’ aċċess għar-riżultati għall-iskopijiet ta’ riċerka jew esplojtazzjoni ulterjuri. Madankollu, il-kumpens m’għandux ikun daqstant għoli li effettivament ikun jimpedixxi tali aċċess.

(12)

Bl-istess mod, meta l-akkordju ta’ riċerka u żvilupp ma jipprovdi għal ebda esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati, il-partijiet għandhom jaqblu fl-akkordju ta’ riċerka u żvilupp biex jagħtu aċċess lil xulxin għan-know-how preeżistenti rispettiv tagħhom, sakemm dan in-know-how ikun indispensabbli għall-iskopijiet tal-esplojtazzjoni tar-riżultati mill-partijiet l-oħra. Ir-rati ta’ ħlas għal kull liċenzja m’għandhomx ikunu tant għoljin li jimpedixxi b’mod effettiv l-aċċess għan-know-how mill-partijiet l-oħra.

(13)

L-eżenzjoni stabbilita b’dan ir-Regolament għandha tkun limitata għal akkordji ta’ riċerka u żvilupp li ma joffrux lill-impriżi l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti, servizzi jew teknoloġiji inkwistjoni. Huwa meħtieġ li jkunu esklużi mill-eżenzjoni ġenerali akkordji bejn kompetituri li s-sehem fis-suq ikkombinat tagħhom għall-prodotti, servizzi jew teknoloġiji li huma kapaċi li jitjiebu jew jinbidlu bir-riżultati tar-riċerka u żvilupp jaqbeż ċertu livell fil-mument li jikkonkludu l-akkordju. Madankollu, ma hemm l-ebda preżunzjoni li l-akkordji ta’ riċerka u żvilupp jew jinqabdu mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew inkella ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ladarba jinqabeż il-livell tas-sehem fis-suq stabbilit b’dan ir-Regolament jew ma jiġux sodisfatti kundizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament. F’tali każijiet, tkun trid issir evalwazzjoni individwali tal-akkordju ta’ riċerka u żvilupp skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.

(14)

Sabiex tkun iggarantita ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva waqt esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati, għandu jiġi previst li l-eżenzjoni ġenerali tieqaf milli tapplika jekk is-sehem fis-suq ikkombinat tal-partijiet għall-prodotti, servizzi jew teknoloġiji li joħorġu mill-attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp isir kbir wisq. L-eżenzjoni għandha tkompli tapplika, irrispettivament mill-ishma fis-suq tal-partijiet, għal ċertu perjodu wara l-bidu tal-esplojtazzjoni konġunta, sabiex tistenna l-istabbilizzazzjoni tal-ishma fis-suq tagħhom, partikolarment wara l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid għal kollox, u sabiex tiggarantixxi perjodu ta’ ritorn minimu fuq l-investimenti involuti.

(15)

Dan ir-Regolament m’għandux jeżenta akkordji li jkollhom restrizzjonijiet li mhumiex indispensabbli għall-kisba tal-effetti pożittivi ġġenerati minn akkordju ta’ riċerka u żvilupp. Fil-prinċipju, akkordji li jkun fihom ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet severi tal-kompetizzjoni bħalma huma limitazzjonijiet tal-libertà tal-partijiet li jagħmlu riċerka u żvilupp f’qasam li ma jkunx konness mal-akkordju, l-iffissar tal-prezzijiet li partijiet terzi jiġu mitluba jħallsu, limitazzjonijiet ta’ produzzjoni jew bejgħ, u limitazzjonijiet tat-twettiq ta’ bejgħ passiv għall-prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti rriżervati għal partijiet oħra għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni stabbilita b’dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem fis-suq tal-partijiet. F’dan il-kuntest, restrizzjonijiet dwar il-kamp tal-użu ma jikkostitwixxux limitazzjonijiet ta’ produzzjoni jew bejgħ u lanqas ma jikkostitwixxu restrizzjonijiet ta’ territorju jew klijenti.

(16)

Il-limitazzjoni tas-sehem tas-suq, in-nuqqas ta’ eżenzjoni ta’ ċerti akkordji u l-kondizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament normalment jiżguraw li l-akkordji li għalihom tapplika l-eżenzjoni ġenerali ma jippermettux lill-partijiet jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni.

(17)

Ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li jkun hemm effetti antikompetittivi ta’ esklużjoni mis-suq meta parti waħda tiffinanzja għadd ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp li jitwettqu minn kompetituri fir-rigward tal-istess prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt, b’mod partikolari fejn hija tikseb id-dritt esklużiv li tesplojta r-riżultati fil-konfront ta’ partijiet terzi. Għalhekk, il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament għandu jingħata lil tali akkordji ta’ riċerka u żvilupp imħallsa biss meta s-sehem fis-suq ikkombinat tal-partijiet kollha involuti fl-akkordji konnessi, jiġifieri, il-parti li tiffinanzja u l-partijiet kollha li jwettqu r-riċerka u l-iżvilupp, ma jkunx jaqbeż il-25 %.

(18)

Akkordji bejn impriżi li mhumiex produtturi konkorrenti ta’ prodotti, teknoloġiji jew proċessi li jkunu kapaċi li jittejbu, jiġu sostitwiti jew jinbidlu bir-riżultati tar-riċerka u żvilupp ser jeliminaw biss il-kompetizzjoni effettiva fir-riċerka u żvilupp f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Huwa xieraq għalhekk li tali akkordji jitħallew jibbenefikaw mill-eżenzjoni stabbilita b’dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem fis-suq u li kwalunkwe każ eċċezzjonali jiġi indirizzat permezz tal-irtirar mill-benefiċċju ta’ dik l-eżenzjoni.

(19)

Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (3), meta ssib li f’każ partikolari akkordju li għalih tapplika l-eżenzjoni prevista f’dan ir-Regolament jkollu madankollu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(20)

L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tat-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew parti minnu meta, f’każ partikolari, akkordju li għalih tapplika l-eżenzjoni prevista f’dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li hma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew f’parti minnu, u meta tali territorju jkollu l-karatterisitiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint.

(21)

Il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament jista’ jiġi rtirat skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, pereżempju, fejn l-eżistenza ta’ akkordju ta’ riċerka u żvilupp tirrestrinġi b’mod sostanzjali l-ambitu għall-partijiet terzi biex iwettqu l-iżvilupp u r-riċerka fil-qasam rilevanti minħabba l-kapaċità limitata tar-riċerka li tkun disponibbli x’imkien ieħor, meta minħabba l-istruttura partikolari tal-forniment, l-eżistenza tal-akkordju ta’ riċerka u żvilupp tirrestrinġi b’mod sostanzjali l-aċċess ta’ partijiet terzi għas-suq għall-prodotti tal-kuntratt jew għat-teknoloġiji tal-kuntratt, meta mingħajr l-ebda raġuni oġġettivament valida, il-partijiet ma jesplojtawx ir-riżultati tal-attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp fil-konfront ta’ partijiet terzi, meta l-prodotti tal-kuntratt jew it-teknoloġiji tal-kuntratt ma jkunux soġġetti fis-suq intern kollu jew f’parti minnu għal kompetizzjoni effettiva mill-prodotti, teknoloġiji jew proċessi kkunsidrati mill-utenti bħala ekwivalenti minħabba l-karatteristiċi, il-prezz u l-użu intenzjonat tagħhom, jew meta l-eżistenza tal-akkordju ta’ riċerka u żvilupp tirrestrinġi l-kompetizzjoni fl-innovazzjoni jew telimina l-kompetizzjoni effettiva fir-riċerka u l-iżvilupp f’suq partikolari.

(22)

Peress li akkordji ta’ riċerka u żvilupp ħafna drabi jsiru għal żmien twil, speċjalment fejn il-kooperazzjoni testendi għall-esplojtazzjoni tar-riżultati, il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament għandu jkun iffissat għal 12-il sena,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“akkordju ta’ riċerka u żvilupp” tfisser akkordju konkluż bejn żewġ partijiet jew aktar li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet li taħthom dawk il-partijiet iwettqu:

(i)

attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp ta’ prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt u esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati ta’ tali riċerka u żvilupp,

(ii)

esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt li jkunu twettqu b’mod konġunt skont akkordju konkluż minn qabel bejn l-istess partijiet,

(iii)

attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp ta’ prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt eskluża l-esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati,

(iv)

riċerka u żvilupp imħallsa ta’ prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji ta’ kuntratt u esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati ta’ tali riċerka u żvilupp,

(v)

esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp imħallsa ta’ prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt skont akkordju konkluż minn qabel bejn l-istess partijiet, jew

(vi)

riċerka u żvilupp imħallsa ta’ prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt eskluża l-esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati;

(b)

“akkordju” tfisser akkordju, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma;

(c)

“riċerka u żvilupp” tfisser il-kisba ta’ know-how marbut ma’ prodotti, teknoloġiji jew proċessi u t-twettiq ta’ analiżi teoretika, studju sistematiku jew sperimentazzjoni, inklużi produzzjoni sperimentali, ittestjar tekniku ta’ prodotti jew proċessi, l-istabbiliment tal-faċilitajiet meħtieġa u l-kisba ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għar-riżultati;

(d)

“prodott” tfisser merkanzija jew servizz, inklużi kemm merkanzija jew servizzi intermedjarji kif ukoll merkanzija jew servizzi finali;

(e)

“teknoloġija tal-kuntratt” tfisser teknoloġija jew proċess li joħroġ mill-attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp;

(f)

“prodott tal-kuntratt” tfisser prodott li joħroġ mill-attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp jew immanifatturat jew ipprovdut bl-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-kuntratt;

(g)

“esplojtazzjoni tar-riżultati” tfisser il-produzzjoni jew distribuzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt jew l-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-kuntratt jew iċ-ċessjoni jew il-liċenzjar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew il-komunikazzjoni ta’ know-how meħtieġ għal tali manifattura jew applikazzjoni;

(h)

“drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” tfisser drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inklużi drittijiet ta’ proprjetà industrijali, drittijiet tal-awtur u drittijiet simili;

(i)

“know-how” tfisser pakkett ta’ informazzjoni prattika li mhijiex brevettata, li tirriżulta minn esperjenza u ttestjar, li hija sigrieta, sostanzjali u identifikata;

(j)

“sigriet”, fil-kuntest ta’ know-how, tfisser li n-know-how ma jkunx ġeneralment magħruf jew faċilment aċċessibbli;

(k)

“sostanzjali”, fil-kuntest ta’ know-how, tfisser li n-know-how huwa sinjifikattiv u utli għall-manifattura tal-prodotti tal-kuntratt jew għall-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-kuntratt;

(l)

“identifikat”, fil-kuntest ta’ know-how, tfisser li n-know-how huwa deskritt b’mod komprensiv biżżejjed sabiex ikun possibbli li jkun ivverifikat li jissodisfa l-kriterji ta’ segretezza u sostanzjalità;

(m)

“konġunt”, fil-kuntest ta’ attivitajiet imwettqa taħt akkordju ta’ riċerka u żvilupp, tfisser attivitajiet fejn ix-xogħol involut:

(i)

isir minn tim konġunt, minn organizzazzjoni konġunta jew minn impriża konġunta,

(ii)

ikun fdat b’mod konġunt lil parti terza, jew

(iii)

ikun allokat bejn il-partijiet permezz ta’ speċjalizzazzjoni fil-kuntest tar-riċerka u l-iżvilupp jew tal-esplojtazzjoni;

(n)

“speċjalizzazzjoni fil-kuntest tar-riċerka u l-iżvilupp” tfisser li kull waħda mill-partijiet tkun involuta fl-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp koperti mill-akkordju ta’ riċerka u żvilupp u jqassmu bejniethom ix-xogħol ta’ riċerka u żvilupp b’kull mod li huma jqisu li jkun l-aktar xieraq; dan ma jinkludix riċerka u żvilupp imħallsa;

(o)

“speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-esplojtazzjoni” tfisser li l-partijiet iqassmu bejniethom kompiti individwali bħalma huma l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni, jew jimponu restrizzjonijiet fuq xulxin f’dak li jirrigwarda l-esplojtazzjoni tar-riżultati bħalma huma restrizzjonijiet relattivi għal ċerti territorji, klijenti jew oqsma ta’ użu; dan jinkludi xenarju fejn parti waħda biss tipproduċi u tiddistribwixxi l-prodotti tal-kuntratt abbażi ta’ liċenzja esklużiva mogħtija mill-partijiet l-oħra;

(p)

“riċerka u żvilupp imħallsa” tfisser riċerka u żvilupp li jitwettqu minn parti waħda u jiġu ffinanzjati minn parti li tiffinanzja;

(q)

“parti li tiffinanzja” tfisser parti li tiffinanzja riċerka u żvilupp imħallsa filwaqt li ma twettaq xejn mir-riċerka u l-iżvilupp hija stess;

(r)

“impriża konkorrenti” tfisser kompetitur attwali jew potenzjali;

(s)

“kompetitur attwali” tfisser impriża li tkun qed tforni prodott, teknoloġija jew proċess li jista’ jiġi mtejjeb, sostitwit jew mibdul bil-prodott tal-kuntratt jew bit-teknoloġija tal-kuntratt fis-suq ġeografiku rilevanti;

(t)

“kompetitur potenzjali” tfisser impriża li, fin-nuqqas tal-akkordju ta’ riċerka u żvilupp, għal raġunijiet realistiċi u mhux sempliċement bħala possibbiltà teoretika, f’każ ta’ żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi, x’aktarx tagħmel l-investimenti addizzjonali meħtieġajew spejjeż oħra neċessarji ta’ tibdil, fi żmien mhux aktar minn tliet snin, biex tforni prodott, teknoloġija jew proċess li jista’ jiġi mtejjeb, sostitwit jew mibdul bil-prodott tal-kuntratt jew bit-teknoloġija tal-kuntratt fis-suq ġeografiku rilevanti;

(u)

“suq tal-prodott rilevanti” tfisser is-suq rilevanti għall-prodotti li jistgħu jiġu mtejba, sostitwiti jew mibdula bil-prodotti tal-kuntratt;

(v)

“suq tatteknoloġija rilevanti” tfisser is-suq rilevanti għat-teknoloġiji jew proċessi kapaċi li jistgħu jiġu mtejba, sostitwiti jew mibdula bit-teknoloġiji tal-kuntratt.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “impriża” u “parti” għandhom jinkludu l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom.

“Impriżi konnessi” tfisser:

(a)

impriżi li fihom, parti fl-akkordju ta’ riċerka u żvilupp, direttament jew indirettament:

(i)

ikollha s-setgħa li teżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot,

(ii)

ikollha s-setgħa li taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord ta’ superviżjoni, bord ta’ tmexxija jew ta’ korpi li jirrappreżentaw lill-impriża legalment, jew

(iii)

ikollha d-dritt li tiġġestixxi l-affarijiet tal-impriża;

(b)

impriżi li direttament jew indirettament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fuq parti fl-akkordju ta’ riċerka u żvilupp;

(c)

impriżi li fihom parti fl-akkordju ta’ riċerka u żvilupp ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(d)

impriżi li fihom parti fl-akkordju ta’ riċerka u żvilupp flimkien ma’ waħda jew aktar mill-impriżi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi tal-aħħar, konġuntament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(e)

impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament minn:

(i)

partijiet fl-akkordju ta’ riċerka u żvilupp jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d), jew

(ii)

parti waħda jew aktar fl-akkordju ta’ riċerka u żvilupp jew impriża konnessa waħda jew aktar tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d) u terza parti waħda jew aktar.

Artikolu 2

Eżenzjoni

1.   Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa b’dan iddikjarat li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat m’għandux japplika għal akkordji ta’ riċerka u żvilupp.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn tali akkordji jkun fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

2.   L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal akkordji ta’ riċerka u żvilupp li jkun fihom dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu maċ-ċessjoni jew mal-liċenzjar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali lil waħda jew aktar mill-partijiet jew lil xi entità li l-partijiet jistabbilixxu biex twettaq l-attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp, riċerka u żvilupp imħallsa jew esplojtazzjoni konġunta, sakemm dawk id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux l-għan ewlieni ta’ tali akkordji, iżda jkollhom x’jaqsmu direttament mal-implimentazzjoni tagħhom u jkunu meħtieġa għaliha.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni

1.   L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   L-akkordju ta’ riċerka u żvilupp għandu jistipula li l-partijiet kollha għandu jkollhom aċċess sħiħ għar-riżultati finali tal-attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp jew tar-riċerka u żvilupp imħallsa, inkluż kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u know-how li jirriżultaw, għall-iskopijiet ta’ riċerka u żvilupp u esplojtazzjoni ulterjuri, hekk kif dawn ikunu disponibbli. Meta l-partijiet jillimitaw id-drittijiet tagħhom ta’ esplojtazzjoni skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari meta jispeċjalizzaw fil-kuntest tal-esplojtazzjoni, l-aċċess għar-riżultati għall-iskopjiet ta’ esplojtazzjoni jista’ jiġi limitat skont kif ikun xieraq. Barra minn dan, l-istituti tar-riċerka, il-korpi akkademiċi, jew l-impriżi li jfornu r-riċerka u l-iżvilupp bħala servizz kummerċjali mingħajr ma jkunu normalment attivi fl-esplojtazzjoni tar-riżultati jistgħu jaqblu li jillimitaw l-użu tagħhom tar-riżultati għall-għanijiet ta’ riċerka ulterjuri. L-akkordju ta’ riċerka u żvilupp jista’ jipprovdi li l-partijiet jikkumpensaw lil xulxin għall-għoti tal-aċċess għar-riżultati għall-iskopijiet ta’ riċerka jew esplojtazzjoni ulterjuri, iżda l-kumpens m’għandux ikun daqstant għoli li effettivament jimpedixxi tali aċċess.

3.   Bla ħsara għall-paragrafu 2, meta l-akkordju ta’ riċerka u żvilupp jipprovdi biss għal attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp jew għal riċerka u żvilupp imħallsa, l-akkordju ta’ riċerka u żvilupp għandu jistipula li kull parti għandha tingħata l-aċċess għal kwalunkwe know-how preeżistenti tal-partijiet l-oħra, jekk dan in-know-how ikun indispensabbli għall-iskopijiet tal-esplojtazzjoni tagħha tar-riżultati. L-akkordju ta’ riċerka u żvilupp jista’ jipprovdi li l-partijiet jikkumpensaw lil xulxin għall-għoti tal-aċċess għan-know-how preeżistenti tagħhom, iżda l-kumpens m’għandux ikun daqstant għoli li effettivament jimpedixxi tali aċċess.

4.   Kull esplojtazzjoni konġunta tista’ tikkonċerna biss riżultati li huma protetti permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali jew li jikkostitwixxu know-how u li jkunu indispendabbli għall-manifattura tal-prodotti tal-kuntratt jew għall-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-kuntratt.

5.   Il-partijiet inkarigati biex jimmanifatturaw il-prodotti tal-kuntratt permezz ta’-speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-esplojtazzjoni għandhom jiġu mitluba li jissodisfaw l-ordnijiet għall-forniment tal-prodotti tal-kuntratt mill-partijiet l-oħra, ħlief meta l-akkordju ta’ riċerka u żvilupp jipprovdi wkoll għal distribuzzjoni konġunta skont it-tifsira tal-punt (m)(i) jew (ii) tal-Artikolu 1(1) jew meta l-partijiet ikunu qablu li l-prodotti tal-kuntratt jistgħu jiġu distribwiti biss mill-parti li tkun immanifatturathom.

Artikolu 4

Limitu tas-sehem fis-suq u tul ta’ eżenzjoni

1.   Meta l-partijiet mhumiex impriżi konkorrenti, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika għal kemm idumu għaddejjin ir-riċerka u l-iżvilupp. Meta r-riżultati jkunu esplojtati b’mod konġunt, l-eżenzjoni għandha tkompli tapplika għal seba’ snin minn meta l-prodotti tal-kuntratt jew it-teknoloġiji tal-kuntratt jitqiegħdu fis-suq fi ħdan is-suq intern għall-ewwel darba.

2.   Meta żewġ partijiet jew aktar ikunu impriżi konkorrenti, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biss jekk, fil-mument meta jiġi konkluż l-akkordju ta’ riċerka u żvilupp:

(a)

fil-każ ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp imsemmija fil-punti (a)(i), (ii) jew (iii) tal-Artikolu 1(1), is-sehem fis-suq ikkombinat tal-partijiet f’akkordju ta’ riċerka u żvilupp ma jaqbiżx il-25 % tas-swieq tal-prodott u tat-teknoloġija rilevanti; jew

(b)

fil-każ ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp imsemmija fil-punti (a)(iv), (v) jew (vi) tal-Artikolu 1(1), is-sehem fis-suq ikkombinat tal-parti li tiffinanzja u l-partijiet kollha li magħhom il-parti li tiffinanzja tkun ikkonkludiet akkordji ta’ riċerka u żvilupp fir-rigward tal-istess prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt, ma jaqbiżx il-25 % tas-swieq tal-prodott u tat-teknoloġija rilevanti.

3.   Wara t-tmiem tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, l-eżenzjoni għandha tkompli tapplika sakemm is-sehem fis-suq ikkombinat tal-partijiet ma jaqbiżx il-25 % tas-swieq tal-prodotti u tat-teknoloġija rilevanti.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet fundamentali

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 m’għandhiex tapplika għall-akkordji ta’ riċerka u żvilupp li, direttament jew indirettament, waħedhom jew f’kombinazzjoni ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala l-għan tagħhom xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

ir-restrizzjoni tal-libertà tal-partijiet sabiex iwettqu r-riċerka u l-iżvilupp indipendentement minn jew f’kooperazzjoni ma’ partijiet terzi f’qasam li mhuwiex konness ma’ dak li miegħu huwa marbut l-akkordju ta’ riċerka u żvilupp jew, wara li jitlestew l-attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp jew ir-riċerka u l-iżvilupp imħallsa, fil-qasam li miegħu huwa marbut jew f’qasam konness;

(b)

il-limitazzjoni tal-output jew tal-bejgħ, bl-eċċezzjoni ta’:

(i)

l-iffissar ta’ miri ta’ produzzjoni meta l-esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati tinkludi l-produzzjoni konġunta tal-prodotti tal-kuntratt,

(ii)

l-iffissar ta’ miri ta’ bejgħ meta l-esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati tinkludi d-distribuzzjoni konġunta tal-prodotti tal-kuntratt jew il-liċenzjar konġunt tat-teknoloġiji tal-kuntratt skont it-tifsira tal-punt (m)(i) jew (ii) tal-Artikolu 1(1),

(iii)

prattiċi li jikkostitwixxu speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-esplojtazzjoni, u

(iv)

ir-restrizzjoni tal-libertà tal-partijiet li jimmanufatturaw, ibiegħu, iċedu jew jilliċenzjaw prodotti, teknoloġiji jew proċessi li jikkompetu mal-prodotti tal-kuntratt jew it-teknoloġiji tal-kuntratt matul il-perjodu li għalih il-partijiet ikunu qablu li jesplojtjaw ir-riżultati b’mod konġunt;

(c)

l-iffissar tal-prezzijiet meta jinbiegħu il-prodotti tal-kuntratt jew jiġu lliċenzjati t-teknoloġiji tal-kuntratt lil partijiet terzi, bl-eċċezzjoni tal-iffissar tal-prezzijiet li jintalbu lill-klijenti immedjati jew tal-iffissar tal-ħlasijiet għal-liċenzji li jintalbu lil-liċenzjatarji immedjati meta l-esplojtazzjoni konġunta tar-riżultati tkun tinkludi d-distribuzzjoni konġunta tal-prodotti tal-kuntratt jew il-liċenzjar konġunt tat-teknoloġiji tal-kuntratt skont it-tifsira tal-punt (m)(i) jew (ii) tal-Artikolu 1(1);

(d)

ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, il-partijiet jistgħu passivament ibiegħu il-prodotti tal-kuntratt jew jilliċenzjaw it-teknoloġiji tal-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-obbligu li r-riżultati jiġu lliċenzjati esklużivament lil parti oħra;

(e)

ir-rekwiżit li jiġi limitat jew ma jsir l-ebda bejgħ attiv tal-prodotti tal-kuntratt jew tat-teknoloġiji tal-kuntratt fit-territorji jew lill-klijenti li ma jkunux ġew allokati b’mod esklużiv lil waħda mill-partijiet permezz ta’ speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-esplojtazzjoni;

(f)

ir-rekwiżit ta’ rifjut li tiġi sodisfatta d-domanda ta’ klijenti fit-territorji rispettivi tal-partijiet, jew ta’ klijenti mqassma mod ieħor bejn il-partijiet permezz ta’ speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-esplojtazzjoni, li jikkumerċjalizzaw il-prodotti tal-kuntratt f’territorji oħra fis-suq intern;

(g)

ir-rekwiżit li wieħed jagħmilha diffiċli għall-utenti jew għar-rivendituri biex jiksbu l-prodotti tal-kuntratt mingħand rivendituri oħra fis-suq intern.

Artikolu 6

Restrizzjonijiet esklużi

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 m’għandhiex tapplika għall-obbligi li ġejjin li jinsabu f’akkordju ta’ riċerka u żvilupp:

(a)

l-obbligu li wara li jkunu tlestew ir-riċerka u l-iżvilupp ma tiġix ikkontestata l-validità tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li l-partijiet għandhom fis-suq intern u li huma rilevanti għar-riċerka u l-iżvilupp jew, li wara li jiskadi l-akkordju ta’ riċerka u żvilupp, ma tiġix ikkontestata l-validità tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li l-partijiet għandhom fis-suq intern u li jipproteġu r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp, bla ħsara għall-possibilità li jiġi previst li l-akkordju ta’ riċerka u żvilupp jiġi tterminat fl-eventwalità li waħda mill-partijiet tikkontesta l-validità ta’ tali drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(b)

l-obbligu li ma jingħatawx liċenzji lill-partijiet terzi sabiex jimmanifatturaw il-prodotti tal-kuntratt jew sabiex japplikaw it-teknoloġiji tal-kuntratt sakemm l-akkordju ma jipprovdix għall-esplojtazzjoni tar-riżultati tal-attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp konġunti jew tar-riċerka u l-iżvilupp imħallsa minn tal-anqas waħda mill-partijiet u tali esplojtazzjoni ssir fis-suq intern fil-konfront ta’ partijiet terzi.

Artikolu 7

Applikazzjoni tal-limitu tas-sehem fis-suq

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem fis-suq previst fl-Artikolu 4, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

is-sehem fis-suq għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-valur tal-bejgħ fis-suq; jekk dejta dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq ma tkunx disponibbli, jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq informazzjoni oħra tas-suq, li tkun ta’ min jafdaha, li tkun tinkludi volumi ta’ bejgħ fis-suq, sabiex jiġi stabbilit is-sehem fis-suq tal-partijiet;

(b)

is-sehem fis-suq għandu jiġi kkalkulat abbażi ta’ dejta relattiva għas-sena kalendarja preċedenti;

(c)

is-sehem fis-suq miżmum mill-impriżi msemmija fil-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) għandu jitqassam b’mod indaqs lil kull impriża li jkollha d-drittijijet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ta’ dak is-subparagrafu;

(d)

jekk is-sehem fis-suq imsemmi fl-Artikolu 4(3) inizjalment ma jkunx aktar minn 25 % iżda sussegwentement jitla’ ‘l fuq minn dak il-livell mingħajr ma jaqbeż it-30 %, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha jkun inqabeż għall-ewwel darba l-limitu ta’ 25 %;

(e)

jekk is-sehem fis-suq imsemmi fl-Artikolu 4(3) inizjalment ma jkunx aktar minn 25 % iżda sussegwentement jitla’ ‘l fuq minn 30 %, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sena kalendarja wara s-sena li fiha jkun inqabeż għall-ewwel darba l-livell ta’ 30 %;

(f)

il-benefiċċju tal-punti (d) u (e) ma jistax jiġi magħqud sabiex jaqbeż perjodu ta’ sentejn kalendarji.

Artikolu 8

Perjodu tranżitorju

Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat m’għandhiex tapplika fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2012 fir-rigward ta’ akkordji li diġà jkunu fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2010 li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti f’dan ir-Regolament iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 2659/2000.

Artikolu 9

Perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.

Għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 285, 29.12.1971, p. 46.

(*1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 81 tat-Trattat KE sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Iż-żewġ Artikoli huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, referenzi għall-Artikolu 101 tat-TFUE għandhom, fejn xieraq, jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 81 tat-Trattat KE. It-TFUE introduċa wkoll ċerti tibdiliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ “Komunità” b’“Unjoni” u “suq komuni” b’“suq intern”. It-terminoloġija tat-TFUE se tintuża tul dan ir-Regolament.

(2)  ĠU L 304, 5.12.2000, p. 7.

(3)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.


Top