Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0454

    2010/454/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Awwissu 2010 dwar id-determinazzjoni ta’ ħażniet żejda ta’ prodotti agrikoli ħlief iz-zokkor u dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-eliminazzjoni tagħhom fir-rigward tal-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija (notifikata bid-dokument numru C(2010) 5524)

    ĠU L 213, 13.8.2010, p. 51–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/454/oj

    13.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 213/51


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-12 ta’ Awwissu 2010

    dwar id-determinazzjoni ta’ ħażniet żejda ta’ prodotti agrikoli ħlief iz-zokkor u dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-eliminazzjoni tagħhom fir-rigward tal-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 5524)

    (It-test bir-Rumen biss huwa awtentiku)

    (2010/454/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija,

    Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b’mod partikolari l-paragrafu 4 tal-Kapitolu 3 tal-Anness V tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Paragrafu 2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija jistipula li kwalunkwe ħażna ta’ prodott agrikolu, kemm privata kif ukoll pubblika, li fid-data tal-adeżjoni kienet f’ċirkulazzjoni ħielsa fit-territorju tal-Bulgarija u tar-Rumanija (“l-Istati Membri l-ġodda”), u li taqbeż il-kwantità li tista’ tkun ikkunsidrata bħala riport tal-ħażniet normali trid tiġi eliminata bi spejjeż għall-Istati Membri l-ġodda. Il-kunċett ta’ riport tal-ħażniet normali għandu jiġi definit għal kull prodott abbażi ta’ kriterji u għanijiet speċifiċi għal kull organizzazzjoni komuni tas-suq.

    (2)

    Kemm il-kriterji kif ukoll l-għanijiet partikolari ta’ kull organizzazzjoni tas-suq u r-relazzjoni bejn il-prezzijiet fl-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni u l-prezzijiet Komunitarji jfissru li r-riport tal-ħażniet normali għandu jiġi vvalutat fid-dawl ta’ fatturi li jvarjaw minn settur għal ieħor.

    (3)

    Il-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-livelli tal-ħażniet żejda għandha tkun is-somma tal-varjazzjoni fil-produzzjoni domestika u l-importazzjonijiet imnaqqsa bl-esportazzjonijiet fl-2006, imqabbla mas-somma tal-medja tal-varjazzjoni fil-produzzjoni domestika u l-importazzjonijiet imnaqqsa bl-esportazzjonijiet għat-tliet snin ta’ qabel.

    (4)

    Għandu jsir aġġustament fir-riżultati tal-kalkoli biex jikkunsidraw il-fatt li xi kategoriji ta’ prodotti, bħal butir u żejt tal-butir, kwalitajiet differenti ta’ ross, ħops, żrieragħ, alkoħol tal-inbid, tabakk, u ċereali, jistgħu effettivament jinbidlu wieħed mal-ieħor u jistgħu jiġu kkunsidrati bħala grupp, sabiex żieda fil-livelli tal-ħażniet ta’ ċerti prodotti fi grupp tista’ tiġi bbilanċjata bi tnaqqis fil-livelli tal-ħażniet ta’ prodotti oħra fil-grupp.

    (5)

    Sabiex jitqies it-tkabbir ekonomiku matul il-perjodu evalwat għall-eżerċizzju ta’ ħażniet żejda u ż-żieda possibbli li tirriżulta fil-konsum tal-ikel, ġiet introdotta funzjoni tax-xejra lineari, billi jintużaw bħala linja ta’ bażi ċ-ċifri tal-produzzjoni u tal-kummerċ tal-2003-2005. F’każijiet fejn li kieku l-funzjoni tax-xejra lineari kienet tirriżulta f’ħażniet żejda ogħla, intużat is-somma tal-medja tal-varjazzjoni fil-produzzjoni domestika u l-importazzjonijiet imnaqqsa bl-esportazzjonijiet għat-tliet snin ta’ qabel.

    (6)

    Intuża limitu massimu biex jiġu eliminati ammonti żgħar ta’ ħażniet żejda: fil-każ fejn l-ammont ta’ ħażniet żejda ta’ prodott partikolari ma kienx aktar minn 10 % tal-ammont li seta’ jitqies bħala “riport tal-ħażniet normali” għal dak il-prodott, ġie kkunsidrat li l-Istati Membri ma għandhomx iġarrbu l-ħlas tiegħu. Dan l-10 % jagħmel tajjeb għall-marġini ta’ żbalji tat-tagħrif statistiku miġbur f’ċirkustanzi partikolari tal-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni u l-kumplessità u l-ambitu ta’ dan l-eżerċizzju.

    (7)

    Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri l-ġodda biex jippreżentaw kwalunkwe diskussjoni dwar sitwazzjonijiet speċifiċi li jiġġustifikaw ħażniet ogħla min-normal u mbagħad evalwathom. Dawn ma rriżultawx f’tibdiliet fiċ-ċifri stabbiliti skont il-metodoloġija deskritta fil-premessi 1 sa 6.

    (8)

    Il-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq id-dejta uffiċjali tal-Eurostat mibgħuta mill-Istati Membri, fejn hija disponibbli. F’każijiet fejn it-tali dejta ma tkunx disponibbli minħabba kunfidenzjalità dwar l-istatistika, għandha tintuża d-dejta mibgħuta uffiċjalment lill-Kummissjoni mill-Istati Membri l-ġodda.

    (9)

    Fir-rigward tal-Bulgarija, l-applikazzjoni matematika tal-metodoloġija deskritta fil-premessi 1 sa 6 t-tagħrif tal-istatistika msemmi fil-premessa 8 jirriżulta f’ebda ħażniet żejda, mingħajr il-ħtieġa li titqies kwalunkwe diskussjoni dwar sitwazzjonijiet speċifiċi kif deskritt fil-premessa 7.

    (10)

    Għall-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji tal-ħażniet żejda, għandu jiġi kkalkolat il-kost tar-rimi tagħhom. Fin-nuqqas ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-faqqiegħ ippreservat li għalih ġew stabbiliti livelli sinifikanti ta’ ħażniet żejda, għall-benefiċċju ta’ approċċ ekwivalenti, huwa xieraq li jittieħdu bħala bażi d-differenzi fil-prezz bejn il-prezzijiet medji interni u dawk esterni. Minħabba n-natura temporanja tal-konsegwenzi finanzjarji ġejjin mill-istipulazzjoni ta’ ħażniet żejda, l-ammonti li jikkorispondu għandhom jitħallsu mill-Istati Membri kkonċernati lill-baġit tal-Unjoni. Jeħtieġ li tkun stabbilita d-data ta’ meta jridu jitħallsu dawn il-pagamenti. Meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli tal-preżent kif indikat ir-Rumanija, ġie kkunsidrat bħala xieraq li l-perjodu għall-ħlas ta’ dawn l-ammonti jkun estiż għal tul ta’ żmien ta’ erba’ snin.

    (11)

    Il-miżuri stipulati b’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-kwantitajiet ta’ prodotti agrikoli fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa fil-Bulgarija u fir-Rumanija fid-data tal-adeżjoni li jaqbżu l-kwantitajiet li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala riport tal-ħażniet normali fl-1 ta’ Jannar 2007, u l-ammonti li għandhom jitħallsu minn dawk l-Istati Membri l-ġodda bħala konsegwenza tal-ispiża tal-eliminazzjoni ta’ dawk il-kwantitajiet huma deskritti fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   L-ammonti deskritti fl-Anness għandhom jitqiesu bħala introjtu għall-baġit tal-Unjoni.

    2.   Ir-Rumanija tista’ tħallas dawn l-ammonti deskritti fl-Anness lill-baġit tal-Unjoni f’erba’ pagamenti ndaqs. L-ewwel pagament irid jitħallas sal-aħħar jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih din id-Deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-Istat Membru l-ġdid konċernat. Il-ħlasijiet sussegwenti għandhom jitħallsu sal-31 ta’ Ottubru 2011, il-31 ta’ Ottubru 2012 u l-31 ta’ Ottubru 2013 rispettivament.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Dacian CIOLOŞ

    Membru tal-Kummissjoni


    ANNESS

    KWANTITAJIET LI JAQBŻU R-RIPORT TAL-ĦAŻNIET NORMALI U L-AMMONTI LI GĦANDHOM IĦALLSU L-BULGARIJA U R-RUMANIJA

     

    Ir-Rumanija

     

    Il-kwantità f’tunnellati

    Ammont f’EUR 1 000

    Faqqiegħ tal-bott

    685

    108

    Total

    685

    108


    Top