Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0302

    2010/302/: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 10 ta’ Mejju 2010 dwar il-konklużjoni ta’ Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili u l-Komunità Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-verifiki/l-ispezzjonijiet tas-sigurtà u l-kwistjonijiet relatati

    ĠU L 129, 28.5.2010, p. 68–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/302/oj

    28.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 129/68


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-10 ta’ Mejju 2010

    dwar il-konklużjoni ta’ Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili u l-Komunità Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-verifiki/l-ispezzjonijiet tas-sigurtà u l-kwistjonijiet relatati

    (2010/302/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Fit-30 ta’ Novembru 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili (l-ICAO) dwar il-verifiki/l-ispezzjonijiet għas-sigurtà fl-avjazzjoni u kwistjonijiet relatati.

    (2)

    Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Memorandum ta’ Kooperazzjoni (MtK) mal-ICAO f’dak li għandu x’jaqsam mal-verifiki/l-ispezzjonijiet tas-sigurtà u l-kwistjonijiet relatati f’konformità mad-direttivi mniżżlin fl-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati u mal-proċedura ad hoc imniżżla fl-Anness II tagħha.

    (3)

    Il-Mtk ġie ffirmat fis-17 ta’ Settembru 2008 f’isem il-Komunità suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar ‘il quddiem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/97/KE tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili u l-Komunità Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-verifiki/l-ispezzjonijiet tas-sigurtà u l-kwistjonijiet relatati (1).

    (4)

    Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel notifika lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili (l-ICAO) fir-rigward tal-fatt li l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea.

    (5)

    Il-MtK għandu jiġi approvat.

    (6)

    Il-Paragrafu 6(3) tal-MtK jipprevedi li l-MtK għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-aħħar miż-żewġ notifiki li bihom il-partijiet ikunu għarrfu lil xulxin dwar it-tmiem tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom. B’hekk, il-President tal-Kunsill għandu jkun awtorizzat li jagħmel in-notifika meħtieġa f’isem l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni (MtK) bejn il-Komunità Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili f’dak li għandu x’jaqsam mal-verifiki/l-ispezzjonijiet tas-sigurtà u l-kwistjonijiet relatati huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    2.   It-test tal-MtK huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni (2).

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat li jinnomina l-persuna li għandha s-setgħa tagħmel in-notifika prevista fil-paragrafu 6(3) tal-MtK u li jagħmel din in-notifika:

    “Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għaldaqstant, ir-referenzi għal ‘il-Komunità Ewropea’ fit-test tal-MtK għandhom, fejn xieraq, jinqraw bħala ‘l-Unjoni Ewropea’.”.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Á. GONZÁLEZ-SINDE REIG


    (1)  ĠU L 36, 5.2.2009, p. 18.

    (2)  ĠU L 36, 5.2.2009, p. 19.


    Top