EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0290

2010/290/: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Jannar 2010 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fis-Slovakkja

ĠU L 125, 21.5.2010, p. 48–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/06/2014; Imħassar b' 32014D0408

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/290/oj

21.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/48


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Jannar 2010

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fis-Slovakkja

(2010/290/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mis-Slovakkja,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ikkjarifikat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), jaħseb għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 104 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistabbilixxi r-regoli ddettaljati u d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Ir-riforma kellha l-għan li tiżgura li b’mod partikolari l-isfond ekonomiku u baġitarju jittieħed kompletament inkunsiderazzjoni fl-istadji kollha tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv (PŻE). B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn qagħdiet baġitarji mingħajr problemi billi titqies il-qagħda ekonomika.

(5)

L-Artikolu 104(5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kien jitlob lill-Kummissjoni li tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni kienet tqis li kien jeżisti jew li seta’ jokkorri żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ikkonkludiet li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fis-Slovakkja. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat opinjoni bħal din lill-Kunsill fir-rigward tas-Slovakkja fil-11 ta’ Novembru 2009 (3).

(6)

L-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara evalwazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tas-Slovakkja, din l-evalwazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(7)

Skont id-data notifikata mill-awtoritajiet Slovakki f’Ottubru 2009, l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali fis-Slovakkja issa huwa ppjanat li jilħaq is-6,3 % tal-PDG fl-2009, u b’hekk jibqa’ “l fuq u mhux viċin il-valur ta” referenza tat-3 % tal-PDG L-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza jista’ jiġi kwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, fosta affarijiet oħra, dan jirriżulta minn reċessjoni ekonomika ħarxa skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir. It-tbassir tar-Ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi PDG reali li jonqos għal 5,8 % fl-2009. Filwaqt li l-eċċess fuq il-valur ta’ referenza ta’ 3 % jirrifletti l-aktar is-severità tat-tnaqqis tar-ritmu ekonomiku, dan jirriżulta wkoll mid-deterjorament sinifikanti tal-bilanċ strutturali sa mill-2005. Barra minn dan, l-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jiġi meqjus bħala temporanju, minħabba li t-tbassir tal-Ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali li jilħaq is-6 % tal-PDG fl-2010 taħt xenarju tal-ebda tibdil ta’ politika. Il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(8)

Skont id-dejta notifikata mill-awtoritajiet Slovakki f’Ottubru 2009, id-dejn gross tal-gvern ġenerali jibqa’ sew taħt is-60 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG u huwa ppjanat li jkun madwar 30 % tal-PDG fl-2009. Skont it-tbassir tal-Ħarifa tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn hu mistenni li jiżdied b’mod rapidu, li jilħaq it-42,7 % tal-PDG fl-2011 taħt xenarju tal-ebda tibdil ta’ politika.

(9)

F’konformità mad-dispożizzjonijiet fil-Patt tat-Tkabbir u ta’ Stabbilità, il-Kummissjoni fir-rapport tagħha qieset kif jixraq riformi sistemiċi tal-pensjonijiet bl-introduzzjoni ta’ sistema msejsa fuq diversi pilastri li tinkludi pilastru mandatorju ffinanzjat bis-sħiħ. Filwaqt li l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi twassal għal deterjorament temporanju tal-pożizzjoni baġitarja, huwa ċar li s-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi titjieb. Ibbażata fuq l-estimi tal-awtoritajiet Slovakki, l-ispiża netta ta’ din ir-riforma tammonta għal 1,1 % tal-PDG fl-2009 sal-2011, li tiżdied għal 1,2 % fl-2012. Skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati fuq bażi digressiva lineari għal perjodu tranżitorju u fil-każ biss fejn l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza. Billi bejn l-2009 u l-2011 l-iżbilanċ ma jibqax qrib il-valur ta’ referenza, ma tistax titqies l-ispiża tar-riforma tal-pensjonijiet.

(10)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, “fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 126(6) jekk il-kundizzjoni doppja - li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ’l fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju - tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tas-Slovakkja, din il-kundizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, fatturi rilevanti ma jitqisux fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn evalwazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fis-Slovakkja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovakkja.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE mibgħuta lis-Slovakkja jinstabu fuq il-websajt: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode = _m2


Top