Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0007

    2010/7/UE, Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lill-Italja biex tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10426)

    ĠU L 3, 7.1.2010, p. 21–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/7(1)/oj

    7.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 3/21


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-22 ta’ Diċembru 2009

    li tawtorizza lill-Italja biex tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10426)

    (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

    (2010/7/UE, Euratom)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 6(3) tiegħu,

    Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv dwar Riżorsi Proprji,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 371 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), ċerti Stati Membri jistgħu jibqgħu jeżentaw ċerti tranżazzjonijiet. Dawn it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati biex tkun determinata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT.

    (2)

    Skont l-Artikolu 371 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja tista’ tibqa’ teżenta t-tranżazzjonijiet elenkati fil-punt 10 tal-parti B tal-Anness X ta’ dik id-Direttiva.

    (3)

    L-Italja talbet lill-Kummissjoni biex tkun awtorizzata li tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għaliex mhix f’pożizzjoni li tagħmel il-kalkolu preċiż tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 10 tal-parti B tal-Anness X tad-Direttiva tal-VAT. Kalkolu bħal dan x’aktarx li jinvolvi piż amministrattiv mhux ġustifikat meta wieħed iqis l-effett ta’ dawn it-tranżazzjonijet fuq il-bażi totali tal-Italja tar-riżorsi proprji tal-VAT. L-Italja hi f’pożizzjoni li tagħmel il-kalkolu billi tuża estimi approssimattivi għal din il-kategorija ta’ tranżazzjonijiet. L-Italja għandha għalhekk tingħata awtorizzazzjoni biex tikkalkula l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT billi tuża estimi approssimattivi skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89.

    (4)

    Għall-finijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali, hu xieraq li jkun hemm limitu ta’ żmien għall-applikabilità tal-awtorizzazzjoni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Biex tiġi kkalkulata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2009, l-Italja hija awtorizzata li tuża estimi approssimattivi fir-rigward tal-kategorija li ġejja ta’ tranżazzjonijiet msemmija fil-parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE:

    Trasport tal-passiġġieri (punt 10).

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Italja.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9.

    (2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


    Top