Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0199

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 199/2009 tat- 13 ta' Marzu 2009 li jistabbilixxi miżura tranżitorja li tidderoga mir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-provvista diretta ta' kwantitajiet żgħar ta' laħam frisk li ġej minn qatgħat ta' brojlers u dundjani (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 70, 14.3.2009, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/04/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/199/oj

    14.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 70/9


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 199/2009

    tat-13 ta' Marzu 2009

    li jistabbilixxi miżura tranżitorja li tidderoga mir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-provvista diretta ta' kwantitajiet żgħar ta' laħam frisk li ġej minn qatgħat ta' brojlers u dundjani

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-salmonella u ta' aġenti żoonotiċi oħra speċifikati li jinġarru fl-ikel (1) u, partikolarment l-Artikolu 13(1) tiegħu;

    Billi:

    (1)

    L-għan tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huwa li jassigura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi għall-individwazzjoni u l-kontroll tas-salmonella u ta' aġenti żoonotiċi oħra fl-istadji rilevanti kollha ta' produzzjoni, ipproċessar u distribuzzjoni, u partikolarment fil-livell ta’ produzzjoni primarja, biex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju li dawn iġorru magħhom għas-saħħa pubblika.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 ma japplikax għall-produzzjoni primarja għall-użu privat domestiku jew li twassal għall-provvista diretta, mill-produttur, ta' kwantitajiet żgħar ta' prodotti primarji għall-konsumatur finali jew għal stabbilimenti ta' ħwienet lokali li direttament jissupplixxu l-prodotti primarji għall-konsumaturi. Skont dak ir-Regolament provvista diretta bħal din għandha tkun irregolata mir-regoli nazzjonali li jiżguraw li l-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jintlaħqu.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula li għandha tiġi stabbilita mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi tas-salmonella kollha b’sinifikat għas-saħħa pubblika fit-tiġieġ tat-tip brojlers u dundjani fil-livell ta’ produzzjoni primarja. Jipprevedi wkoll li l-mira Komunitarja għandha tinkludi d-defenizzjoni tal-iskemi tal-ittestjar neċessarju biex jivverifika l-kisba tal-mira.

    (4)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 646/2007 (2) jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 fir-rigward ta' mira tal-Komunità għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerta salmonella fil-brojlers fil-livell tal-produzzjoni primarja. Dan jistipula wkoll l-iskema tal-ittestjar meħtieġa għall-verifika tal-progress fil-kisba tal-mira Komunitarja. Din l-iskema tal-ittestjar trid tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2009.

    (5)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 584/2008 (3) jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 fir-rigward ta' mira tal-Komunità għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerta salmonella fil-brojlers fid-dundjani fil-livell tal-produzzjoni primarja. Dan jistipula wkoll l-iskema tal-ittestjar meħtieġa għall-verifika tal-progress fil-kisba tal-mira Komunitarja. Din l-iskema tal-ittestjar trid tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2010.

    (6)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 ma japplikax għal ċerta produzzjoni primarja. Madankollu, hu japplika għal qatgħat ta' brojlers u dundjani fejn il-produttur għandu f'moħħu li jforni kwantitajiet żgħar ta' laħam frisk, li ġej minn qatgħat bħal dawk, għall-konsumatur finali; jew għal stabbilimenti ta' ħwienet lokali li jissupplixxu direttament il-prodotti primarji għall-konsumatur finali. Għalhekk, skont l-iskemi tal-ittestjar stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 646/2007 u (KE) Nru 584/2008 tjur bħal dawn għandhom ikunu suġġetti għal testijiet mandatorji qabel il-qtil.

    (7)

    L-ittestjar ta' dawn il-qatgħat ta' brojlers u dundjani jwassal għal diffikultajiet prattiċi għall-produtturi b'numru żgħir ħafna ta' annimali billi ttestjar kontinwu jkun meħtieġ qabel il-qtil. B'mod partikolari, il-bejgħ għandu mnejn jitwaqqaf billi r-riżultati tal-ittestjar iridu jkunu magħrufa qabel il-qtil.

    (8)

    Biex jiġi evitat li deroga mill-ittestjar mandatorju kontinwu f'qatgħat bħal dawk iżżid ir-riskju tas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-fornitura tal-laħam frisk tal-produttur biex l-iskop tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jintlaħaq.

    (9)

    Huwa għalhekk xieraq bħala miżura tranżitorja, li jiġu esklużi mill-ambitu ta' dan ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003, qatgħat ta' brojlers u dundjani fejn il-produttur għandu f'moħħu li jforni kwantitajiet żgħar ta' laħam frisk, ġej minn qatgħat bħal dawn, għall-konsumatur finali jew għal stabbilimenti ta' ħwienet lokali li jissupplixxu direttament laħam frisk għall-konsumatur finali.

    (10)

    Provvista bħal din hija rari matul il-perjodu tax-xitwa u għalhekk il-miżura tranżitorja għandha tapplika mir-rebbiegħa tal-2009 'il quddiem.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, dak ir-Regolament ma għandux japplika għal qatgħat ta' brojlers u dundjani fejn il-produttur għandu f'moħħu biss li jforni kwantitajiet żgħar ta' laħam frisk, kif imsemmi fil-punt 1.10 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li ġej minn qatgħat bħal dawn, għal:

    (a)

    il-konsumatur finali; jew

    (b)

    stabbilimenti ta' ħwienet lokali li direttament ifornu laħam frisk bħal dak għall-konsumatur finali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-provvista tal-laħam frisk mill-produttur, kif imsemmi fil-paragrafu 1, sabiex dak l-għan tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jintlaħaq.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

    Huwa għandu japplika għal perjodu ta' tliet snin.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Marzu 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 151, 13.6.2007, p. 21.

    (3)  ĠU L 162, 21.6.2008, p. 3.

    (4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 22.


    Top