EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0034

Direttiva 2009/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-kejl kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku (tfassil mill-ġdid) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 106, 28.4.2009, p. 7–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/34/oj

28.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/7


DIRETTIVA 2009/34/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-kejl kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku

(tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 71/316/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-miżurazzjoni kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku (3) ġiet emendata diversi drabi b’mod sostanzjali (4). Billi għandhom isiru emendi ulterjuri, għandha tiġi mfassla mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

F’kull Stat Membru, dispożizzjonijiet mandatorji jiddeterminaw il-karatteristiċi tekniċi tal-istrumenti tal-kejl u l-metodi tal-kontroll metroloġiku. Dawk ir-rekwiżiti jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Dawk id-differenzi jfixklu l-kummerċ u jistgħu joħolqu kondizzjonijiet mhux ugwali ta’ kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità.

(3)

Wieħed mill-objettivi tal-kontrolli f’kull Stat Membru huwa li tingħata assigurazzjoni lill-konsumaturi li l-kwantitajiet imwassla jikkorrispondu għall-prezz imħallas. Konsegwentement, l-għan ta’ din id-Direttiva m’għandux ikun li jabolixxi dawk il-kontrolli iżda li telimina d-differenzi bejn ir-regoli sakemm dawn jikkostitwixxu tfixkil għall-kummerċ.

(4)

Dak it-tfixkil għall-funzjonament tas-suq intern jista’ jitnaqqas u jiġi eliminat jekk l-istess rekwiżiti japplikaw fl-Istati Membri, fil-bidu billi jikkompletaw id-disposizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ u aktar tard, meta l-kondizzjoniijet meħtieġa jkunu ntlaħqu, billi jissostitwixxu dawk id-disposizzjonijiet nazzjonali.

(5)

Anke matul il-perjodu fejn jikkoeżistu mad-disposizzjoniet nazzjonali, ir-rekwiżiti Komunitarji jippermettu lill-kumpaniji biex jimmanifatturaw prodotti li jkollhom karatteristiċi tekniċi uniformi u jkunu għalhekk jistgħu jiġu kkummerċjlaizzati u jintużaw fil-Komunità kollha wara li jgħaddu mill-kontrolli tal-KE.

(6)

Ir-rekwiżiti tekniċi Komunitarji għad-disinn u t-tħaddim għandhom jiżguraw li l-istrumenti jagħtu kontinwament qisien li jkunu preċiżi biżżejjed għall-iskop maħsub tagħhom.

(7)

Il-konformità mar-rekwiżiti tekniċi tkun normalment ikkonfermata mill-Istati Membri qabel l-istrumenti tal-kejl jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw għall-ewwel darba, u fejn ikun xieraq meta jkunu fis-servizz, konferma bħal din issir permezz ta’ proċeduri ta’ approvazzjoni tal-mudell u ta’ verifika. Biex ikun hemm moviment ħieles ta’ dawn l-istrumenti fi ħdan il-Komunità, huwa wkoll meħtieġ li jkun previst ir-rikonoxximent reċiproku tal-kontrolli fost l-Istati Membri u biex ikunu stabbiliti proċeduri xierqa ta’ approvazzjoni KE tal-mudell u ta’ verifika inizjali kif ukoll ta’ metodi KE ta’ kontroll metroloġiku skont din id-Direttiva u d-Direttivi separati rilevanti.

(8)

Il-preżenza, fuq strument tal-kejl jew prodott, ta’ sinjali jew marki li juru li għadda mill-kontrolli xierqa tindika li dak l-istrument jew prodott jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi rilevanti tal-Komunità, u għalhekk li meta dak l-istrument jew prodott jiġi impurtat jew jibda jitħaddem ma jkunx meħtieġ li jkunu rripetuti l-kontrolli li jkunu diġà twettqu.

(9)

Ir-regoli metroloġiċi nazzjonali jkopru diversi kategoriji ta’ strumenti tal-kejl u prodotti. Din id-Direttiva tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jittrattaw, b’mod partikolari, il-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-mudell KE u l-verifika inizjali, kif ukoll il-metodi KE ta’ kontroll metroloġiku. Id-Direttivi tal-implementazzjoni li jkopru d-diversi kategoriji ta’ strumenti u prodotti ser jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi rigward id-disinn, it-tħaddim u l-preċiżjoni, il-proċeduri ta’ kontroll u, fejn xieraq, il-kondizzjonijiet li taħthom rekwiżiti tekniċi Komunitarji għandhom jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu fis-seħħ.

(10)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5).

(11)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex temenda l-Annessi I u II ta’ din id-Direttiva u l-annessi għad-Direttivi separati. Peress li dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi separati, dawn għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(12)

L-elementi ġodda introdotti f’din id-Direttiva jikkonċernaw biss il-proċeduri ta’ kumitat. Għalhekk m’hemmx bżonn li jiġu trasposti mill-Istati Membri.

(13)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness III, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

PRIĊIPJI BAŻIĊI

Artikolu 1

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

(a)

strumenti kif definiti fil-paragrafu 2;

(b)

l-unitajiet ta’ kejl, l-armonizzazzjoni ta’ metodi ta’ kejl u kontroll metroloġiku u, fejn xieraq, il-mezzi meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi;

(ċ)

l-iffissar, il-metodi ta’ kejl, il-kontroll metroloġiku u l-immarkar ta’ kwantitajiet tal-prodotti imballati minn qabel.

2.   Għall-fini ta’ din id-Direttiva, “strumenti” għandha tfisser strumenti tal-kejl, komponenti ta’ strumenti tal-kejl, apparat addizzjonali u tagħmir tal-kejl.

3.   L-ebda Stat Membru ma jista’, abbażi ta’ din id-Direttiva u d-Direttivi separati relatati magħha, jipprevjeni, jipprojbixxi jew jirrestrinġi t-tqegħid fis-suq u/jew id-dħul fis-servizz ta’ strument jew ta’ prodott deskritt fil-paragrafu 1 jekk dak l-istrument jew prodott iġib il-marki u/jew is-sinjali KE skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva u fid-Direttivi separati relatati mal-istrument jew prodott ikkonċernat.

4.   L-Istati Membri għandhom jagħtu l-approvazzjoni tal-mudell KE u l-kontroll inizjali KE l-istess valur li jingħata lill-atti nazzjonali korrispondenti.

5.   Id-Direttivi separati li jikkonċernaw il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw:

b’mod partikolari, il-proċeduri u l-karatteristiċi ta’ kejl ta’, u r-rekwiżiti tekniċi għal, id-disinn u t-tħaddim tagħhom, fir-rigward tal-istrumenti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1,

ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1.

6.   Id-Direttivi separati jistgħu jiffissaw id-data li fiha d-disposizzjonijiet nazzjonali eżistenti jinbidlu mid-disposizzjonijet Kommunitarji.

KAPITOLU II

APPROVAZZJONI TAL-MUDELL KE

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu l-approvazzjoni tal-mudell KE skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi separati rilevanti.

2.   L-approvazzjoni tal-mudell KE ta’ strumenti għandha tikkostitwixxi d-dħul tagħhom fil-verifika inizjali KE u, fejn dan tal-aħħar ma jkunx meħtieġ, l-awtorizzazzjoni li jitqiegħdu fis-suq u/jew idaħħluhom fis-servizz. Jekk id-Direttiva/i separata/i applikabbli għal kategorija ta’ strumenti teżenta/jeżentaw dik il-kategorija mill-approvazzjoni tal-mudell KE, l-istrumenti f’dik il-kategorija għandhom ikunu mdaħħlin direttament għall-kontroll inizjali tal-KE.

3.   Jekk it-tagħmir ta’ spezzjoni tagħhom hekk jippermetti, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-approvazzjoni tal-mudell KE għal kull strument li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u d-Direttivi separati relatati mal-istrument ikkonċernat.

4.   Applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-mudell KE tista’ ssir biss mill-fabbrikant jew ir-rappreżentant tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità. Għall-istess strument partikolari, tista’ ssir applikazzjoni fi Stat Membru wieħed biss.

5.   Stat Membru li jkun ta approvazzjoni tal-mudell KE għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li jinżamm infurmat b’kull modifika ta’ jew żieda għall-mudell approvat. Huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dawn it-tibdiliet.

Il-modifiki ta’ jew iż-żidiet għall-mudell approvat għandhom jirċievu approvazzjoni KE addizzjonali tal-mudell mill-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tal-mudell KE, fejn dawn il-bidliet jinfluwenzaw jew jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultati tal-kejl jew il-kondizzjonijiet stipulati għall-użu tal-istrument.

Madankollu, fil-każ ta’ mudell modifikat, għandha tingħata approvazzjoni ta’ mudell KE ġdida minflok żieda għaċ-ċertifikat oriġinali tal-approvazzjoni tal-mudell KE, jekk il-mudell jiġi modifikat wara li jkunu ġew modifikati jew adattati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew tad-Direttiva rilevanti separata b’mod li l-mudell modifikat jista’ jiġi approvat biss bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet il-ġodda.

Artikolu 3

Meta l-approvazzjoni tal-mudell KE tingħata għal tagħmir anċillari, l-approvazzjoni għandha tispeċifika:

(a)

il-mudelli ta’ strument li miegħu dan it-tagħmir jista’ jitwaħħal jew li jista’ jkun inkorporat fih;

(b)

il-kondizzjonijiet ġenerali għat-tħaddim ġenerali tal-istrumenti li għalihom ġie approvat.

Artikolu 4

Meta strument ikun temm b’suċċess l-eżami tal-approvazzjoni tal-mudell KE stabbilit f’din id-Direttiva u f’Direttivi separati relatati ma’ dak l-istrument, l-Istat Membru li jkun għamel dak l-eżami għandu jħejji ċertifikat tal-approvazzjoni tal-mudell KE.

Dak l-Istat Membru għandu jibgħat dak iċ-ċertifikat lill-applikant.

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva jew f’Direttiva separata, l-applikant għandu, u fil-każijiet kollha l-oħra jista’, jwaħħal jew jara li jitwaħħal fuq kull strument li jikkonforma mal-mudell approvat is-sinjal ta’ approvazzjoni tal-KE muri fiċ-ċertifikat.

Artikolu 5

1.   L-approvazzjoni tal-mudell KE għandha tkun valida għal 10 snin. Din tista’ tiġi estiża għall-perjodi suċċessivi ta’ 10 snin. In-numru ta’ strumenti li jistgħu jiġu manifatturati skont il-mudell approvat m’għandux ikun limitat.

L-approvazzjonijiet tal-mudelli KE mogħtija abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ Direttiva separata ma jistgħux jiġu estiżi wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ xi emenda lil, jew adattament ta’, dawk id-dispożizzjonijiet Komunitarji, fil-każijiet fejn dawn l-approvazzjonijiet tal-mudell KE ma setgħux ingħataw abbażi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda.

Meta l-approvazzjoni tal-mudell KE ma tiġix estiża, din l-approvazzjoni għandha madankollu tkompli tapplika għall-istrumenti li diġà fis-servizz.

2.   Fejn isir użu ta’ tekniċi ġodda mhux previsti f’Direttiva separata, tista’ tingħata l-approvazzjoni tal-mudell KE b’effett limitat, wara konsultazzjonijiet minn qabel mal-Istati Membri l-oħra.

Din tista’ tinkludi r-restrizzjonijiet li ġejjin:

(a)

limitu fuq in-numru ta’ strumenti li jistgħu jkunu koperti bl-approvazzjoni;

(b)

obbligu għan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ installazzjoni;

(ċ)

restrizzjonijiet fuq l-użu;

(d)

restrizzjonijiet speċjali dwar it-teknika użata.

Madankollu, din tista’ ma tingħatax ħlief jekk:

(a)

id-Direttiva separata għal dik il-kategorija ta’ strumenti tkun daħlet fis-seħħ;

(b)

l-ebda deroga ma tkun saret mill-massimu ta’ żbalji permissibbli stabbiliti fid-Direttivi separati.

Il-perjodu ta’ validità ta’ din l-approvazzjoni m’għandux jaqbeż is-sentejn. Dan jista’ jiġi estiż sa tliet snin.

3.   L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni limitata tal-mudell KE msemmi fil-paragrafu 2 għandu japplika għall-aġġustament għall-progress tekniku tal-Annessi I u II ta’ din id-Direttiva, fejn xieraq, u tad-Direttivi separati, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(2), hekk kif jikkunsidra li teknika ġdida uriet li kienet sodisfaċenti.

Artikolu 6

Meta l-approvazzjoni tad-disinn KE ma tkunx meħtieġa għal kategorija ta’ strumenti li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ Direttiva separata, il-manifattur jista’, bir-responsabbiltà tiegħu stess, iwaħħal fuq l-istrumenti f’din il-kategorija is-sinjal speċjali deskritt fil-punt 3.3 tal-Anness I.

Artikolu 7

1.   L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tad-disinn KE jista’ jirtiraha:

(a)

jekk l-istrumenti li għalihom tkun ingħatat din l-approvazzjoni ma jkunux konformi mad-disinn approvat jew mad-disposizzjonijieti tad-Direttiva separata rilevanti;

(b)

jekk ir-rekwiżiti metroloġiċi speċifikati fiċ-ċertifikat tal-approvazzjoni jew jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) ma jiġux sodisfatti;

(ċ)

jekk jaċċerta li l-approvazzjoni ngħatat b’mod mhux adatt.

2.   L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tad-disinn KE għandu jirtirah jekk l-istrumenti mibnija skont disinn approvat juru fis-servizz difett ta’ natura ġenerali li ma jagħmluhomx xierqa għall-użu maħsub tagħhom.

3.   Jekk l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni KE tal-mudell jkun infurmat minn Stat Membru ieħor bl-okkorrenza ta’ wieħed mill-każijiet koperti mil-paragrafi 1 u 2, għandu wkoll jieħu il-miżuri previsti f’dawk il-paragrafi, wara li jikkonsulta ma’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

4.   L-Istat Membru li jiddikjara li l-każ msemmi fil-paragrafu 2 ikun seħħ jista’ jissospendi t-tqegħid fis-suq u fis-servizz tal-istrumenti konċernati sakemm joħroġ avviż ieħor.

Dan għandu jinforma immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, billi jagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni.

L-istess proċedura għandha tapplika fil-każijiet msemmija fil-paragrafu 1, fir-rigward tal-istrumenti li jkun ġew eżentati mill-kontrolli inizjali KE, jekk il-manifattur, wara twissija debita, ma jġibx l-istrumenti f’konformità mad-disinn approvat jew mar-rekwiżiti tad-Direttiva separata rilevanti.

5.   Jekk l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni KE tal-mudell jargumenta li l-każ imsemmi fil-paragrafu 2 li bih kien infurmat ikun seħħ, jew jargumenta li l-miżuri meħuda skont il-paragrafu 4 huma ġġustifikati, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu sforz biex isolvu dik il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata. Hija għandha, meta jkun meħtieġ, tlaqqa’ konsultazzjoni xierqa bil-għan li tinstab soluzzjoni.

KAPITOLU III

VERIFIKA INIZJALI

Artikolu 8

1.   Il-verifika inizjali tal-KE tikkostitwixxi l-eżami ta’ strument ġdid jew rikondizzjonat u l-konferma li jikkonforma mal-mudell approvat u/jew mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u d-Direttivi separati relatati mal-istrument ikkonċernat. Din tkun iċċertifikata bil-marka inizjali tal-KE.

2.   Il-kontroll inizjali tal-KE tal-istrumenti tista’ ssir b’metodu ieħor minbarra l-kontroll tal-unità fil-każijiet speċifikati fid-Direttivi separati u skont il-proċeduri adottati.

3.   Jekk it-tagħmir tagħhom jippermetti, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-kontrolli inizjali KE tal-strumenti ppreżentati bħala li għandhom il-karatteristiċi tal-kejl u li jissodissfaw ir-rekwiżiti tekniċi ta’ kostruzzjoni u funzjonament stabbiliti mid-Direttivi separati relatati ma’ dik il-kategorija ta’ strumenti.

4.   Fil-każ ta’ strumenti li jkollhom il-marka tal-kontroll inizjali KE, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 1(3) għandu jibqa’ sal-aħħar tas-sena ta’ wara dik li fiha tkun twaħħlet il-marka tal-kontroll inizjali KE, sakemm Direttivi separati ma jipprovdux perjodu itwal.

Artikolu 9

1.   Meta strument jintbagħat għall-kontroll inizjali tal-KE, l-Istat Membru li jwettaq l-eżami għandu jiddetermina:

(a)

jekk l-istrument ikunx ta’ kategorija eżenti mill-approvazzjoni tal-mudell KE u, jekk dan ikun il-każ, jekk jissodisfax ir-rekwiżiti tal-kostruzzjoni teknika u t-tħaddim stabbiliti b’Direttivi separati fir-rigward ta’ dak l-istrument;

(b)

jekk l-istrument irċeviex l-approvazzjoni tal-mudell KE u, jekk dan ikun il-każ, jekk jikkonformax mal-mudell approvat, u mad-Direttivi separati fir-rigward ta’ dak l-istrument, fis-seħħ fid-data tal-ħruġ ta’ dik l-approvazzjoni tal-mudell KE.

2.   L-eżami mwettaq fil-verifika inizjali tal-KE jirrigwarda partikolament, skont id-Direttivi separati:

(a)

il-karatteristiċi metroloġiċi;

(b)

l-iżbalji massimi permissibbli;

(ċ)

il-bini, safejn dan jiggarantixxi li l-karatteristiċi tal-kejl x’aktarx mhumiex ser jiddeterjoraw bil-kbir taħt kondizzjonijiet normali tal-użu;

(d)

il-preżenza ta’ iskrizzjonijiet stipulati u lastri tal-istampar jew dispożizzjonijiet għall-kontroll KE tal-immarkar inizjali.

Artikolu 10

Meta strument ikun għadda b’suċċess minn verifika inizjali tal-KE, skont ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi separati, il-marki ta’ kontroll parzjali jew finali tal-KE mfissra fl-Anness II, punt (3) għandhom jitwaħħlu ma’ dak l-istrument taħt ir-responsabiltà tal-Istat Membru konċernat skont ir-regoli stabbiliti f’dak il-Punt.

Artikolu 11

Meta verifika inizjali tal-KE ma tkunx meħtieġa għal kategorija ta’ strumenti li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ Direttiva separata, il-manifattur għandu, bir-responsabiltà tiegħu stess, iwaħħal fuq l-istrumenti f’dik il-kategorija is-simbolu speċjali deskritt fil-punt 3.4 tal-Anness I.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI GĦALL-APPROVAZZJONI TAL-MUDELL KE U KEMM GĦALL-VERIFIKA INIZJALI TAL-KE

Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimpedixxu l-użu fuq strumenti ta’ marki jew iskrizzjonijiet li jistgħu joħolqu konfużjoni mas-sinjali jew il-marki tal-KE.

Artikolu 13

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni tas-servizzi, l-aġenziji u l-istituti li huma debitament awtorizzati li jwettqu eżamijiet previsti f’din id-Direttiva u fid-Direttivi separati, biex joħorġu ċertifikati ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KE u biex iwaħħlu l-marki ta’ verifika inizjali tal-KE.

Artikolu 14

L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-iskrizzjonijiet preskritti jsiru fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tagħhom.

KAPITOLU V

KONTROLL TA’ STRUMENTI FIS-SERVIZZ

Artikolu 15

Id-Direttivi separati għandhom jispeċifikaw ir-rekwiżiti ta’ kontroll għall-istrumenti fis-servizz li jkollhom sinjali jew marki tal-KE u partikolarment l-iżbalji massimi permissibbli fis-servizz. Jekk dispożizzjonijiet nazzjonali rigward strumenti li ma jkollhomx sinjali jew marki tal-KE jistipulaw rekwiżiti anqas ibsin, dawn tal-aħħar jistgħu jservu bħala kriterji għall-kontrolli.

KAPITOLU VI

AĠĠUSTAMENT TAD-DIRETTIVI GĦALL-PROGRESS TEKNIKU

Artikolu 16

L-emendi meħtieġa għall-aġġustament għall-progress tekniku tal-Annessi I u II ta’ din id-Direttiva u l-annessi għad-Direttivi separati msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva u d-Direttivi separati, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 17(2).

Madankollu, din il-proċedura m’għandhiex tapplika la għall-kapitolu dwar l-unitajiet tal-kejl imperjali tal-anness għad-Direttiva dwar l-unitajiet ta’ kejl u lanqas għall-annessi, dwar il-meded ta’ kwantità għall-kwantitajiet ta’ prodotti imballati minn qabel, għad-Direttivi dwar prodotti imballati minn qabel.

Artikolu 17

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Aġġustament għall-Progress Tekniku tad-Direttivi msemmija fl-Artikolu 16.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skont id-disposizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Id-deċiżjonijiet kollha meħuda skont il-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi separati dwar l-istrumenti kkonċernati u li jirrifjutaw li jagħtu jew li jestendu l-approvazzjoni tal-mudell KE, li jirtiraw din l-approvazzjoni, li jirrifjutaw li jagħmlu kontroll inizjali tal-KE jew li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq jew dħul fis-servizz għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom ikunu ġew ibbażati. Rifjut, irtirar jew projbizzjoni bħal din għandhom jiġu nnotifikati lill-parti kkonċernata, li għandha fl-istess ħin tkun infurmata bir-rimedji disponibbli għaliha taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri u bil-limiti ta’ żmien permessi għall-eżerċizzju ta’ rimedji bħal dawn.

Artikolu 19

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 20

Id-Direttiva 71/316/KEE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness III, Parti A, hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness III, Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 21

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 22

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 23 ta’ April 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)  Opinjoni tat-22 ta’ Ottubru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Diċembru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 2009.

(3)  ĠU L 202, 6.9.1971, p. 1.

(4)  Ara l-Anness III, Parti A.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS I

APPROVAZZJONI TAL-MUDELL KE

1.   Applikazzjoni għall-approvazzjoni KE

1.1.

L-applikazzjoni u l-korrispondenza relatata magħha għandha ssir fil-lingwa uffiċjali skont il-liġijiet tal-Istat fejn issir l-applikazzjoni. L-Istat Membru għandu d-dritt li jitlob li d-dokumenti annessi jkunu wkoll miktuba bl-istess lingwa uffiċjali.

L-applikant għandu jibgħat fl-istess ħin lill-Istati Membri kollha kopja tal-applikazzjoni tiegħu.

1.2.

L-applikazzjoni għandha tkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-manifattur jew tal-kumpanija, jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew tal-applikant;

(b)

il-kategorija tal-istrument;

(ċ)

l-użu maħsub;

(d)

il-karatteristiċi tal-kejl;

(e)

l-isem kummerċjali, jekk ikun hemm, jew it-tip.

1.3.

L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti meħtieġa għall-evalwazzjoni tagħha, f’żewġ kopji, u b’mod partikolari:

1.3.1.

deskrizzjoni b’mod partikolari ta’:

(a)

il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-istrument;

(b)

l-arranġamenti protettivi li jiżguraw tħaddim tajjeb;

(ċ)

l-apparati għar-regolazzjoni u l-aġġustament;

(d)

il-postijiet maħsuba għal:

marki ta’ verifika;

siġilli (fejn applikabbli).

1.3.2.

disinnji tal-bini ġenerali u, fejn meħtieġ, disinnji dettaljati ta’ komponenti importanti.

1.3.3.

disinn skematiku li juri l-prinċipji tat-tħaddim u, fejn meħtieġ, ritratt.

1.4.

L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata, fejn xieraq, minn dokumenti rilevanti għall-approvazzjonijiet nazzjonali li jkunu diġà ngħataw.

2.   Eżami għall-approvazzjoni KE

2.1.

L-eżami għandu jinkludi:

2.1.1.

studju tad-dokumenti u eżami tal-karatteristiċi ta’ kejl tal-mudell fil-laboratorji tas-servizzi metroloġiċi, f’laboratorji approvati jew fil-post tal-manifattura, tat-twassil jew tal-installazzjoni;

2.1.2.

jekk il-karatteristiċi ta’ kejl tal-mudell ikunu magħrufa fid-dettall, l-eżami biss tad-dokumenti ppreżentati.

2.2.

L-eżami għandu jkopri l-prestazzjoni sħiħa tal-istrument f’kondizzjonijiet normali tal-użu. F’kondizzjonijiet bħal dawn, dak l-istrument għandu jżomm il-karatteristiċi ta’ kejl meħtieġa.

2.3.

In-natura u l-iskop tal-eżami msemmi fil-punt 2.1 tista’ tkun speċifikata b’Direttivi separati.

2.4.

Is-servizz metroloġiku jista’ jitlob lill-applikant biex ipoġġi għad-dispożizzjoni tiegħu l-istandards u l-mezzi xierqa f’termini ta’ materjal u personal li jassisti għall-prestazzjoni tat-testijiet tal-approvazzjoni.

3.   Ċertifikat u sinjal tal-approvazzjoni KE

3.1.

Iċ-ċertifikat għandu jagħti r-riżultati tal-eżami tal-mudell u għandu jispeċifika r-rekwiżiti l-oħra li jenħtieġ li jkun hemm konformità magħhom. Dan għandu jkun akkumpanjat b’deskrizzjonijiet, b’disinnji u b’dijagrammi meħtieġa biex ikun identifikat il-mudell u biex ikun spejgat it-tħaddim tiegħu. Is-sinjal tal-approvazzjoni previst fl-Artikolu 4 għandu jkun ittra stilizzata ε li jkollha:

fil-parti ta’ fuq, l-ittra kbira/ittri kbar distintiva/i tal-Istat Membru li ta l-approvazzjoni (B għall-Belġju, BG għall-Bulgarija, CZ għar-Repubblika Ċeka, DK għad-Danimarka, D għall-Ġermanja, EST għall-Estonja, IRL għall-Irlanda, EL għall-Greċja, E għal Spanja, F għal Franza, I għall-Italja, CY għal Ċipru, LV għal-Latvja, LT għal-Litwanja, L għal-Lussemburgu, H għall-Ungerija, M għal Malta, NL għall-Olanda, A għall-Awstrija, PL għall-Polonja, P għall-Portugall, RO għar-Rumanija, SI għas-Slovenja, SK għas-Slovakkja, FI għall-Finlandja, S għall-Isvezja, UK għar-Renju Unit) u l-aħħar żewġ numri tas-sena tal-approvazzjoni;

fil-parti t’isfel, tismija li għandha tkun iddeterminata mis-servizz metroloġiku li jkun ta l-approvazzjoni (numru tal-identifikazzjoni).

Eżempju ta’ dan is-sinjal tal-approvazzjoni jidher fil-punt 6.1.

3.2.

Fil-każ tal-approvazzjoni limitata KE, l-ittra P, bl-istess qisien tal-ittra stilizzata ε, għandha titpoġġa quddiem din l-ittra.

Eżempju ta’ dan is-sinjal tal-approvazzjoni limitata jidher fil-punt 6.2.

3.3.

Is-sinjal imsemmi fl-Artikolu 6 huwa l-istess bħas-sinjal tal-approvazzjoni KE, ħlief li l-ittra stilizzata ε hija maqluba simetrikament fuq assi vertikali u ma jkollu ebda indikazzjoni oħra ħlief jekk id-Direttivi separati jistipulaw mod ieħor.

Eżempju ta’ dan is-sinjal qed jintwera fil-punt 6.3.

3.4.

Is-sinjal imsemmi fl-Artikolu 11 huwa l-istess bħas-sinjal approvat KE f’exagonu.

Eżempju ta’ dan is-sinjal jidher fil-punt 6.4.

3.5.

Is-sinjali msemmija fil-punti 3.1 sa 3.4 u mwaħħla mill-manifattur skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jitwaħħlu f’punt viżibbli ta’ kull strument u t-tagħmir anċillari kollu ppreżentat għall-verifika, u għandhom ikunu jistgħu jinqraw u li ma jitħassrux. Jekk it-twaħħil tagħhom joħloq diffikultajiet tekniċi, jistgħu jsiru xi eċċezzjonijiet f’Direttivi separati jew ikunu aċċettati wara li jintlaħaq qbil bejn is-servizzi metroloġiċi tal-Istati Membri.

4.   Id-depositu ta’ strument kampjun

Fil-każijiet msemmija mid-Direttivi separati, is-servizz li jkun ta l-approvazzjoni jista’, jekk jikkunsidrah meħtieġ, jitlob id-deposizzjoni tal-istrument kampjun li għalih tkun ingħatat l-approvazzjoni. Minflok dak l-istrument kampjun, is-servizz jista’ jawtorizza d-depositu ta’ partijiet tal-istrument, ta’ mudelli magħmula fi skala mnaqqsa, jew ta’ disinnji, u għandu jsemmi dan fuq iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni KE.

5.   Tħabbir tal-approvazzjoni

5.1.

Fl-istess ħin meta il-parti kkonċernata tkun innotifikata, kopji taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni KE għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra; dawn tal-aħħar jistgħu jiksbu wkoll kopji tar-rapporti tal-eżamijiet metroloġiċi, jekk hekk jixtiequ.

5.2.

L-irtirar tal-approvazzjoni ta’ mudell KE u l-komunikazzjonijiet l-oħra li jikkonċernaw l-estensjoni u l-validità tad-disinn approvat KE għandhom ikunu suġġetti wkoll għall-proċedura ta’ tħabbir imsemmija fil-punt 5.1.

5.3.

Stat Membru li jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni ta’ mudell KE għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu.

6.   Sinjali relattivi għall-approvazzjoni tal-mudell KE

6.1.

Sinjal tal-approvazzjoni tal-mudell KE

Eżempju:

Image

Approvazzjoni tal-mudell KE mogħtija mis-Servizz Metroloġiku tal-Ġermanja fl-1971 (ara l-punt 3.1, l-ewwel inċiż)

Numru tal-identifikazzjoni tal-approvazzjoni tal-mudell KE (ara l-punt 3.1, it-tieni inċiż)

6.2.

Sinjal tal-approvazzjoni limitata tal-mudell KE (ara l-punt 3.2)

Eżempju:

Image

L-approvazzjoni limitata tal-mudell KE mogħtija mis-Servizz Metroloġiku tal-Ġermanja fl-1971.

Numru tal-identifikazzjoni tal-approvazzjoni tal-mudell KE.

6.3.

Sinjal ta’ eżenzjoni mill-approvazzjoni tal-mudell KE (ara l-punt 3.3)

Eżempju:

Image

6.4.

Sinjal tal-approvazzjoni tal-mudell KE għall-istrumenti eżentati mill-verifika inizjali KE (ara l-punt 3.4)

Eżempju:

Image

L-approvazzjoni tal-mudell KE mogħtija mis-Servizz Metroloġiku tal-Ġermanja fl-1971.

Numru tal-identifikazzjoni tal-approvazzjoni tal-mudell KE.


ANNESS II

VERIFIKA INIZJALI KE

1.   Punti Ġenerali

1.1.

Il-verifika inizjali KE tista’ ssir f’wieħed jew iktar stadji (normalment tnejn).

1.2.

Suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi separati:

1.2.1.

il-verifika inizjali KE għandha issir fi stadju wieħed fuq strumenti li jikkostitwixxu oġġett sħiħ meta joħorġu mill-fabbrika, jiġifieri strumenti li, teoretikament, jistgħu jiġu trasferiti fil-post tal-installazzjoni tagħhom mingħajr ma jkollhom jiżżarmaw;

1.2.2.

il-verifika inizjali KE għandha ssir f’żewġ stadji jew aktar għall-istrumenti li t-tħaddim korrett tagħhom jiddependi fuq il-kondizzjonijiet li fihom ikunu ġew installati jew użati;

1.2.3.

l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ verifika għandu jiżgura, b’mod partikolari, li l-istrument ikun konformi mal-mudell KE approvat jew, fil-każ ta’ strumenti eżentati mill-approvazzjoni tal-mudell, li jkunu konformi mad-disposizzjonijiet rilevanti.

2.   Post tal-verifika inizjali KE

2.1.

Jekk id-Direttivi separati ma jispeċifikawx il-post fejn għandha ssir il-verifika, l-istrumenti li għandhom jiġu vverifikati fi stadju wieħed biss għandhom jiġu vverifikati fil-post magħżul mis-servizz metroloġiku kkonċernat.

2.2.

L-istrumenti li għandhom jiġu vverifikati f’żewġ stadji jew aktar għandhom jiġu vverifikati mis-servizz metroloġiku territorjalment kompetenti.

2.2.1.

L-aħħar stadju ta’ verifika għandu jsir fil-post tal-installazzjoni.

2.2.2.

L-istadji ta’ verifika l-oħrajn għandhom isiru kif stabbilit fil-punt 2.1.

2.3.

B’mod partikolari, meta l-verifika ssir barra mill-uffiċċju ta’ verifika, is-servizz metroloġiku li jwettaq il-verifika jista’ jitlob lill-applikant:

biex ipoġġi għad-dispożizzjoni tiegħu l-istandards u l-mezzi xierqa f’termini ta’ materjal u personal li jassisti għall-prestazzjoni tal-verifika;

biex jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni KE.

3.   Marki ta’ verifika inizjali KE

3.1.   Deskrizzjoni tal-marki ta’ verifika inizjali KE.

3.1.1.

Suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ Direttivi separati, marki ta’ verifika inizjali KE li jitwaħħlu skont il-punt 3.3 għandhom ikunu kif ġej:

3.1.1.1.

il-verifika finali KE għandha tkun komposta minn żewġ timbri:

(a)

l-ewwel waħda tikkonsisti fl-ittra żgħira “e” li jkun fiha:

fin-nofs ta’ fuq, l-ittra kbira/ittri kbar distintiva/i tal-Istat Membru fejn issir l-ispezzjoni oriġinali (B għall-Belġju, BG għall-Bulgarija, CZ għar-Repubblika Ċeka, DK għad-Danimarka, D għall-Ġermanja, EST għall-Estonja, IRL għall-Irlanda, EL għall-Greċja, E għal Spanja, F għal Franza, I għall-Italja, CY għal Ċipru, LV għal-Latvja, LT għal-Litwanja, L għal-Lussemburgu, H għall-Ungerija, M għal Malta, NL għall-Olanda, A għall-Awstrija, PL għall-Polonja, P għall-Portugall, RO għar-Rumanija, SI għas-Slovenja, SK għas-Slovakkja, FI għall-Finlandja, S għall-Isvezja, UK għar-Renju Unit) flimkien, fejn meħtieġ, ma’ xi waħda jew aktar mill-figuri li jidentifikaw suddiviżjoni territorjali jew amministrattiva;

fin-nofs t’isfel, in-numru tal-identifikazzjoni tal-aġent jew l-uffiċċju tal-verifika;

(b)

it-tieni timbru għandu jikkonsisti fl-aħħar żewġ figuri tas-sena tal-verifika, f’exagonu.

3.1.1.2.

Il-marka ta’ verifika parzjali KE għandha tikkonsisti biss fl-ewwel timbru. Din għandha sservi wkoll bħala siġill.

3.2.   Għamla u qisien tal-marki

3.2.1.

Id-disinji mehmuża juru l-għamla, il-qisien u l-kontorni tal-ittri u n-numri tal-marki tal-verifika inizjali KE kif stabiliti fil-punt 3.1; l-ewwel żewġ disinji juru l-partijiet varji tat-timbru u t-tielet huwa eżempju ta’ timbru. Il-qisien mogħtija fid-disinji huma valuri relattivi; dawn huma funzjoni tad-dijametru taċ-ċirku deskritt madwar l-ittra żgħira “e” u madwar il-medda tal-exagonu.

Id-dijametri reali taċ-ċrieki deskritti madwar il-marki huma 1.6 mm, 3.2 mm, 6.3 mm, 12.5 mm.

3.2.2.

Is-servizzi metroloġiċi tal-Istati Membri għandhom jgħamlu skambju bejniethom tad-disinji oriġinali tal-marki ta’ verifika inizjali KE, li jkunu konformi mal-mudelli fid-disinji annessi.

3.3.   Twaħħil tal-marki

3.3.1.

Il-marka tal-verifika finali KE għandha titwaħħal fil-post allokat fuq l-istrument meta dan tal-aħħar ikun ġie kompletament ivverifikat u jkun rikonoxxut li jkun konformi mar-rekwiżiti tal-KE.

3.3.2.

Il-marka tal-verifika parzjali KE għandha titwaħħal:

3.3.2.1.

meta l-verifika ssir f’diversi stadji fuq l-istrument jew fuq parti mill-istrument li jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti għat-tħaddim minbarra dawk fil-post tal-installazzjoni, fil-post fejn jitwaħħal it-timbru bid-data jew f’xi post ieħor speċifikat fid-Direttivi separati.

3.3.2.2.

fil-każijiet kollha bħala siġill, fil-postijiet speċifikati fid-Direttivi separati.

Image Image Image Image


ANNESS III

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 20)

Direttiva tal-Kunsill 71/316/KEE

(ĠU L 202, 6.9.1971, p. 1)

 

Att ta’ Adeżjoni tal-1972, Anness I, Punt X.12

(ĠU L 73, 27.3.1972, p. 118)

 

Direttiva tal-Kunsill 72/427/KEE

(ĠU L 291, 28.12.1972, p. 156)

 

Att ta’ Adeżjoni tal-1979, Anness I, punt X.A

(ĠU L 291, 19.11.1979, p. 108)

 

Direttiva tal-Kunsill 83/575/KEE

(ĠU L 332, 28.11.1983, p. 43)

 

Att ta’ Adeżjoni tal-1985, Anness I, punt IX.A.7

(ĠU L 302, 15.11.1985, p. 212)

 

Direttiva tal-Kunsill 87/354/KEE

(ĠU L 192, 11.7.1987, p. 43)

Biss għal dak li għandu x’jaqsam mar-referenzi magħmula għad-Direttiva 71/316/KEE fl-Artikolu 1 u l-Anness, punt 4

Direttiva tal-Kunsill 87/355/KEE

(ĠU L 192, 11.7.1987, p. 46)

 

Direttiva tal-Kunsill 88/665/KEE

(ĠU L 382, 31.12.1988, p. 42)

L-Artikolu 1(1) biss

Att ta’ Adeżjoni tal-1994, Anness I, Punt XI.C.VII.1

(ĠU C 241, 29.8.1994, p. 211)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003

(ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36)

L-Anness III, punt 5 biss

Att ta’ Adeżjoni tal-2003, Anness II, Punt I.D.1

(ĠU L 236, 23.9.2003, p. 64)

 

Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE

(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 81)

Biss għal dak li għandu x’jaqsam mar-referenzi magħmula għad-Direttiva 71/316/KEE fl-Artikolu 1 u l-Anness punt B.1

Direttiva tal-Kummissjoni 2007/13/KE

(ĠU L 73, 13.3.2007, p. 10)

 

PARTI B

Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 20)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

71/316/KEE

fit-30 ta’ Jannar 1973.

83/575/KEE

fl-1 ta’ Jannar 1985.

87/354/KEE

fil-31 ta’ Diċembru 1987.

87/355/KEE

fil-31 ta’ Diċembru 1987.

2006/96/KE

fl-1 ta’ Jannar 2007.

2007/13/KE

fid-9 ta’ Marzu 2008.


ANNESS IV

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 71/316/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)(a)

Artikolu 1(1) punt (a) u Artikolu 1(2)

Artikolu 1(1)(b)

Artikolu 1(1) punt (b)

Artikolu 1(1)(c)

Artikolu 1(1) punt (c)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 1(5)

Artikolu 1(4) it-tieni subparagrafu

Artikolu 1(6)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(5)

Artikolu 2(5)

Artikolu 2(1)

Artikolu 3, formulazzjoni introduttiva

Artikolu 3, formulazzjoni introduttiva

Artikolu 3, l-ewwel inċiż

Artikolu 3 punt (a)

Artikolu 3 it-tieni inċiż

Artikolu 3 punt (b)

Artikolu 4, l-ewwel sentenza

Artikolu 4, l-ewwel u t-tieni subparagrafu

Artikolu 4, it-tieni sentenza

Artikolu 4, it-tielet subparagrafu

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu, formulazzjoni introduttiva

Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu, formulazzjoni introduttiva

Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu, punt (a)

Artikolu 5(2) it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu, punt (b)

Artikolu 5(2) it-tieni subparagrafu, it-tielet inċiż

Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu, punt (c)

Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu, ir-raba’ inċiż

Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu, punt (d)

Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, formulazzjoni introduttorja

Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, formulazzjoni introduttorja

Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, punt (a)

Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, punt (b)

Artikolu 5(2), ir-raba’ subparagrafu

Artikolu 5(2), ir-raba’ subparagrafu

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(3)

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7(1), (2) u (3)

Artikolu 7(1), (2) u (3)

Artikolu 7(4), l-ewwel sentenza

Artikolu 7(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 7(4), it-tieni sentenza

Artikolu 7(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 7(4), it-tielet sentenza

Artikolu 7(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 7(5)

Artikolu 7(5)

Artikolu 8(1), punt (a)

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(1), punt (b)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(3)

Artikolu 8(3)

Artikolu 8(4)

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(2), formulazzjoni introduttiva

Artikolu 9(2), formulazzjoni introduttiva

Artikolu 9(2), l-ewwel inċiż

Artikolu 9(2), punt (a)

Artikolu 9(2), it-tieni inċiż

Artikolu 9(2), punt (b)

Artikolu 9(2), it-tielet inċiż

Artikolu 9(2), punt (c)

Artikolu 9(2), ir-raba’ inċiż

Artikolu 9(2), punt (d)

Artikoli 10 u 11

Artikoli 10 u 11

Artikoli 12, 13 u 14

Artikoli 12, 13 u 14

Artikolu 15

Artikolu 15

Artikolu 16, l-ewwel sentenza

Artikolu 16, l-ewwel paragrafu

Artikolu 16, it-tieni sentenza

Artikolu 16, it-tieni paragrafu

Artikolu 17

Artikolu 18(1)

Artikolu 17(1)

Artikolu 18(2) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 17(2)

Artikolu 18(2) it-tieni subparagrafu

Artikolu 18(3)

Artikolu 19

Artikolu 18

Artikolu 20(1)

Artikolu 20(2)

Artikolu 19

Artikoli 20 u 21

Artikolu 21

Artikolu 22

Anness I

Anness I

Punti 1 u 1.1

Punti 1 u 1.1

Punt 1.2, formulazzjoni introduttiva

Punti 1.2, formulazzjoni introduttiva

Punt 1.2, l-ewwel inċiż

Punt 1.2(a)

Punt 1.2, it-tieni inċiż

Punt 1.2(b)

Punt 1.2, it-tielet inċiż

Punt 1.2(c)

Punt 1.2, ir-raba’ inċiż

Punt 1.2(d)

Punt 1.2, il-ħames inċiż

Punt 1.2(e)

Punt 1.3

Punt 1.3

Punt 1.3.1, formulazzjoni introduttiva

Punt 1.3.1, formulazzjoni introduttiva

Punt 1.3.1, l-ewwel inċiż

Punt 1.3.1(a)

Punt 1.3.1, it-tieni inċiż

Punt 1.3.1(b)

Punt 1.3.1, it-tielet inċiż

Punt 1.3.1(c)

Punt 1.3.1, ir-raba’ inċiż

Punt 1.3.1(d)

Punt 1.3.2 sa Punt 5

Punt 1.3.2 sa Punt 5

Punt 5.2

Punt 5.1

Punt 5.3

Punt 5.2

Punt 5.4

Punt 5.3

Punt 6 sa Punt 6.4

Punt 6 sa Punt 6.4

Anness II

Anness II

Anness III

Anness IV


Top