Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009E0475

    Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2009/475/PESK tal- 11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-missjoni integrata tal-Unjoni Ewropea tal-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX

    ĠU L 156, 19.6.2009, p. 57–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2009/475/oj

    19.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 156/57


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/475/PESK

    tal-11 ta’ Ġunju 2009

    dwar il-missjoni integrata tal-Unjoni Ewropea tal-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta’ Marzu 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/190/PESK dwar il-missjoni integrata tal-Unjoni Ewropea tal-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX (1). Dik l-Azzjoni Konġunta, kif sussegwentement emendata u estiża, tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2009.

    (2)

    Fl-24 ta’ Marzu 2009, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel li l-EUJUST LEX għandha tiġi estiża għal 12-il xahar ieħor sat-30 ta’ Ġunju 2010. Waqt li tkompli bil-ħidma prinċipali tagħha, matul dan il-perijodu l-EUJUST LEX għandha tagħmel fażi pilota li tinkludi attivitajiet fl-Iraq.

    (3)

    L-ammont ta’ referenza finanzjarja ta’ EUR 10 miljuni previst fl-Azzjoni Konġunta 2005/190/PESK kien issupplimentat b’EUR 11,2 miljun fl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/708/PESK (2) u b’EUR 7,2 miljun fl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/304/PESK (3), sabiex ikopru n-nefqa relatata mal-EUJUST LEX sat-30 ta’ Ġunju 2009. Għandu jiġi previst ammont ta’ referenza finanzjarja ieħor sabiex tkun koperta n-nefqa relatata mal-Missjoni l-ġdida għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010.

    (4)

    Il-mandat tal-Missjoni qiegħed jitwettaq f’kuntest ta’ sigurtà li jista’ jiddeterjora, u li jista’ jkun ta’ ħsara għall-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

    (5)

    L-istruttura ta’ kmand u ta’ kontroll tal-missjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-missjoni,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    Missjoni

    1.   L-Unjoni Ewropea b’dan tistabbilixxi l-missjoni integrata tal-Unjoni Ewropea tal-Istat tad-Dritt għall-Iraq, l-EUJUST LEX.

    2.   L-EUJUST LEX għandha topera skont l-għanijiet u d-disposizzjonijiet l-oħrajn li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-missjoni mniżżla fl-Artikolu 2.

    Artikolu 2

    Dikjarazzjoni tal-Missjoni

    1.   L-EUJUST LEX għandha tindirizza l-ħtiġijiet urġenti fis-sistema tal-ġustizzja kriminali Iraqqina billi tipprovdi taħriġ għall-uffiċjali ta’ livell għoli u medju fit-tmexxija għolja u fl-investigazzjoni kriminali. Dan it-taħriġ għandu jkollu l-għan li jtejjeb il-kapaċità, il-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni tal-komponenti differenti tas-sistema tal-ġustizzja kriminali Iraqqina.

    2.   L-EUJUST LEX għandha tippromwovi kollaborazzjoni eqreb bejn l-atturi differenti fis-sistema ta’ ġustizzja kriminali Iraqqina u ssaħħaħ il-kapaċità ta’ tmexxija tal-uffiċjali għoljin u ta’ potenzjal għoli primarjament mill-pulizija, mill-ġudikatura u mill-ħabs u ttejjeb il-kapaċità u l-proċeduri fl-investigazzjoni kriminali b’rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

    3.   L-attivitajiet ta’ taħriġ għandhom iseħħu fl-UE u fl-Iraq jew fir-reġjun u l-EUJUST LEX għandu jkollha uffiċċju ta’ kollegament f’Bagdad. Matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010, l-EUJUST LEX għandha tibda fażi pilota ta’ attivitajiet fl-Iraq, inkluż tagħti parir strateġiku, tagħmel segwitu tal-attivitajiet ta’ konsulenza u ta’ taħriġ, kif u fejn jippermettu l-kondizzjonijiet u r-riżorsi tas-sigurtà.

    Bil-konsiderazzjoni ta’ żviluppi ulterjuri fil-kondizzjonijiet tas-sigurtà fl-Iraq u d-disponibbiltà ta’ infrastruttura adatta, il-Kunsill għandu jeżamina ir-riżultati tal-fażi pilota u għandu jiddeċiedi dwar il-futur tal-Missjoni wara t-30 ta’ Ġunju 2010.

    4.   Sħubija strateġika u teknika effettiva mal-kontrapartijiet Iraqqini għandha tiġi żviluppata matul il-missjoni, partikolarment fir-rigward tad-disinn tal-kurrikuli matul il-fażi ta’ ppjanar. Ser tkun ukoll meħtieġa koordinazzjoni għas-selezzjoni, l-ivvettjar, l-evalwazzjoni, is-segwitu u l-koordinazzjoni tal-persunal li jattendi għat-taħriġ bl-għan ta’ approprjazzjoni rapida mill-Iraqqini. Għandu jkun hemm ukoll ħtieġa ta’ koordinazzjoni mill-qrib matul il-fażijiet tal-ippjanar u dik operattiva bejn l-EUJUST LEX u l-Istati Membri li jipprovdu t-taħriġ. Din għandha tinkludi l-involviment tal-missjonijiet diplomatiċi fl-Iraq tal-Istati Membri rilevanti u kollegament ma’ dawk l-Istati Membri b’esperjenza attwali fil-provvediment ta’ taħriġ rilevanti għall-missjoni.

    5.   L-EUJUST LEX għandha tkun sikura, indipendenti u distinta iżda għandha tkun kumplimentari u ġġib valur miżjud għall-isforzi tal-Gvern tal-Iraq u tal-komunità internazzjonali, b’mod partikolari dawk tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Istati Uniti tal-Amerika, u tiżviluppa wkoll sinerġiji ma’ attivitajiet rilevanti tal-Komunità u l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, l-EUJUST LEX għandha żżomm kuntatt mal-awtoritajiet Iraqqini rilevanti u mal-Istati Membri li fil-preżent qed imexxu proġetti ta’ taħriġ.

    Artikolu 3

    Struttura

    L-EUJUST LEX għandha, fil-prinċipju, tkun strutturata kif ġej:

    (a)

    il-Kap tal-Missjoni;

    (b)

    Uffiċju ta’ Kordinazzjoni bbażat fi Brussell;

    (c)

    Uffiċju ta’ Kollegament f’Bagdad;

    (d)

    Faċilitajiet ta’ Taħriġ, ħarrieġa u esperti pprovduti mill-Istati Membri u kkordinati mill-EUJUST LEX.

    Dawn l-elementi għandhom ikunu żviluppati fil-Kunċett Operattiv (CONOPS) u fil-Pjan Operattiv (OPLAN).

    Artikolu 4

    Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

    1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUJUST LEX.

    2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SG/RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUJUST LEX fil-livell strateġiku.

    3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livel strateġiku, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni.

    4.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-UE jiġi attwat b’mod xieraq.

    Artikolu 5

    Kap tal-Missjoni

    1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-missjoni fuq il-post.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, it-timijiet u l-unitajiet minn Stati kontribwenti kif assenjati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-missjoni.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-missjoni, inkluż lill-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni fi Brussell u l-Uffiċċju ta’ Kollegament f’Bagdad, għat-tmexxija effettiva tal-EUJUST LEX, billi jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, skont l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mall-Kummissjoni.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew tal-UE konċernata.

    6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EUJUST LEX u għandu jiżgura viżibbiltà adatta tal-missjoni.

    Artikolu 6

    Persunal

    1.   In-numri u l-ħiliet tal-persunal tal-EUJUST LEX għandhom ikunu konsistenti mad-dikjarazzjoni tal-Missjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 u l-istruttura stabbilita fl-Artikolu 3.

    2.   Il-persunal tal-EUJUST LEX għandu jkun issekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-UE. Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż relatati mal-persunal tal-EUJUST LEX issekondat minnu, inklużi l-pagi, il-kopertura medika, l-allowances barra l-per diems u l-ispejjeż tal-ivjaġġar kif iddefiniti fid-dikjarazzjoni finanzjarja.

    3.   Jista’ jiġi reklutat ukoll persunal internazzjonali u lokali, kif meħtieġ, fuq bażi kuntrattwali.

    4.   Il-persunal kollu għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (4).

    Artikolu 7

    Status tal-persunal

    1.   Fejn meħtieġ, l-istatus tal-persunal tal-EUJUST LEX, inklużi fejn adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel tal-EUJUST LEX għandhom jiġu miftiehma skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali ftehim f’isimha.

    2.   L-Istat Membru jew istituzzjoni tal-UE li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mal-issekondar, minn jew li tikkonċerna l-membru tal-persunal. L-Istat Membru jew istituzzjoni tal-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli biex jibdew kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

    Artikolu 8

    Linja ta’ Kmand

    1.   L-EUJUST LEX għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata, bħala operazzjoni ta’ maniġġar tal-kriżijiet.

    2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUJUST LEX.

    3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, huwa l-kmandant tal-EUJUST LEX fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

    4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUJUST LEX fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    Artikolu 9

    Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

    1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, kontroll politiku u direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan skont l-Artikolu 25 tat-Trattat.

    2.   Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jiġu emandati l-CONOPS u l-OPLAN. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

    3.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

    4.   Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tagħhom għall-EUJUST LEX skont l-Artikoli 4 u 8 u f’koordinazzjoni mal-Uffiċċju ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mis-sigurtà tal-operazzjoni u biex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, skont il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u d-dokumenti ġustifikattivi tiegħu.

    3.   Għall-elementi tal-missjoni li għandhom jitwettqu fl-Istati Membri, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa sabiex jiżgura s-sigurtà tal-parteċipanti u tal-ħarrieġa fit-territorju tiegħu.

    4.   Għall-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni fi Brussell, il-miżuri meħtieġa u xierqa għandhom ikunu organizzati mill-Uffiċċju ta’ Sigurtà tas-SĠK f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti.

    5.   Jekk it-taħriġ iseħħ fi Stat terz, l-UE, bl-involviment tal-Istati Membri kkonċernati, għandha titlob lill-awtoritajiet tal-Istat terz biex jagħmlu l-arranġementi adatti rigward is-sigurtà tal-parteċipanti u tal-ħarrieġa jew l-esperti fit-territorju tiegħu.

    6.   L-EUJUST LEX għandu jkollha Uffiċjal tas-Sigurtà tal-missjoni ddedikat li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni.

    7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkonsulta mal-KPS dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà li jaffettwaw l-iskjerament tal-missjoni kif immexxi mis-SĠ/RGħ.

    8.   Il-membri, il-ħarrieġa u l-esperti tal-EUJUST għandhom jieħdu taħriġ obbligatorju fis-sigurtà organizzat mill-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-SĠK u, meta adatt, jagħmlu eżamijiet mediċi qabel kwalunkwe skjerament jew ivvjaġġar lejn l-Iraq.

    9.   L-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jipprovdu lill-EUJUST LEX, b’mod partikolari l-Uffiċċju ta’ Kollegament, il-persunal, il-ħarrieġa u l-esperti li qed jivvjaġġaw lejn l-Iraq u fl-Iraq, b’akkomodazzjoni sikura, korazza tal-persuna u protezzjoni stretta u rekwiżiti oħra tas-sigurtà, kif opportun, fl-Iraq. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni jista’ jikkonkludi arranġamenti xierqa mal-Istati Membri, jew ma’ awtoritajiet lokali skont il-ħtieġa.

    Artikolu 11

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta’ referenzja finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni bejn l-1 ta’ Lulju 2009 u t-30 ta’ Ġunju 2010 għandu jkun ta’ EUR 10,8 miljuni[…].

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità. Jekk parti mit-taħriġ isseħħ fi Stati terzi, iċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jitħallew jagħmlu offerti għall-kuntratti. F’dan il-każ, il-merkanzija u s-servizzi akkwistati għall-EUJUST LEX jistgħu jkunu wkoll joriġinaw minn Stati terzi.

    3.   Minħabba s-sitwazzjoni partikolari ta’ sigurtà fl-Iraq, is-servizzi f’Bagdad u f’partijiet oħra tal-pajjiż skont il-każ ser ikunu pprovduti permezz tal-kuntratti li għamlu r-Renju Unit, Stati Membri oħra skont il-każ jew permezz ta’ arranġamenti konklużi bejn l-awtoritajiet Iraqqini mal-kumpanniji li jipprovdu dawn is-servizzi u joħorġu fatturi għalihom. Il-baġit tal-EUJUST LEX għandu jkopri dan l-infiq. Ir-Renju Unit jew kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat, b’konsultazzjoni mal-Kap tal-Missjoni, għandu jirrapporta lill-Kunsill b’informazzjoni adegwata dwar dan l-infiq.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lil, u jkun issorveljat mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

    5.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti operazzjonali tal-EUJUST LEX, inklużi l-kompatibbiltà tat-tagħmir.

    6.   L-infiq għandu jkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

    7.   It-tagħmir u l-provvisti għall-Uffiċju ta’ Kordinazzjoni fi Brussell għandhom jinxtraw jew jinkrew f’isem l-UE.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    1.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE b’appoġġ għall-Iraq.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Presidenza lokali tal-UE u mal-Kapijiet l-oħra ta’ Missjonijiet tal-UE.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoopera mal-atturi internazzjonali l-oħra preżenti fil-pajjiż, partikolarment in-NU.

    Artikolu 13

    Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

    Is-SĠ/RGħ huwa awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istat ospitanti u lin-Nazzjonijiet Uniti, kif xieraq u skont il-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” maħluqa għall-għanijiet tal-operazzjoni, skont ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Għal dan il-għan għandhom jitfasslu arranġamenti lokali.

    Artikolu 14

    Għassa

    Il-Funzjoni tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUJUST LEX.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Din l-Azzjoni Kongunta għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009.

    Għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2010.

    Artikolu 16

    Pubblikazzjoni

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Luxembourg, 11 ta’ Ġunju 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. SLAMEČKA


    (1)  ĠU L 62, 9.3.2005, p. 37.

    (2)  ĠU L 291, 21.10.2006, p. 43.

    (3)  ĠU L 105, 15.4.2008, p. 10.

    (4)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


    Top