EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0764

2009/764/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b’applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas- 17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

ĠU L 274, 20.10.2009, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/764/oj

20.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/28


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b’applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

(2009/764/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikulari l-punt 28 tagħha,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament ghall-Globalizzazzjoni (EGF) ġie stabbilit sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ingħataw is-sensja li jbatu l-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(3)

Spanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta’ sensji fis-settur tat-tessuti, fid-29 ta’ Diċembru 2008. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti sabiex jigu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta’ EUR 3 306 750.

(4)

Il-Portugall ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta’ sensji fis-settur tat-tessuti, fit-23 ta’ Jannar 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiziti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta’ EUR 832 800.

(5)

L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa minn Spanja u l-Portugall,

IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Ghall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 4 139 550 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Ghall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Ghall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  GU L 406, 30.12.2006, p. 1.


Top