Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0740

    2009/740/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Ottubru 2009 li tagħti deroga lil-Franza skont id-Deċiżjoni 2008/477/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2500 - 2690  MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità (notifikata bid-dokument numru C(2009) 7514)

    ĠU L 263, 7.10.2009, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/740/oj

    7.10.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 263/35


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-6 ta’ Ottubru 2009

    li tagħti deroga lil-Franza skont id-Deċiżjoni 2008/477/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2 500-2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 7514)

    (It-test bil-Franċiż biss hu awtentiku)

    (2009/740/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(5) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/477/KE tat-13 ta’ Ġunju 2008 dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2 500-2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità (2), u partikolarment l-Artikolu 2(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Deċiżjoni Nru 2008/477/KE l-Istati Membri għandhom jallokaw u sussegwentament iqiegħdu għad-dispożizzjoni, fuq bażi mhux esklussiva, il-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, skont parametri speċifiċi, sa mhux aktar tard mit-13 ta' Diċembru 2008.

    (2)

    L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2008/477/KE jistipula li, permezz ta’ deroga, l-Istati Membri jistgħu jitolbu perjodi ta’ tranżizzjoni li jistgħu jinkludu arranġamenti ta’ użu komuni tal-ispettri tar-radju, skont l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE.

    (3)

    Franza għarrfet lill-Kummissjoni li, peress li bħalissa din il-medda tintuża fuq bażi esklussiva minn tagħmir mobbli tal-komunikazzjoni elettronika li jintuża għal bżonnijiet tas-sigurtà nazzjonali (is-Sistema RUBIS), ma tistax timplimenta r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 2008/477/KE fil-ħin.

    (4)

    Permezz tal-ittra tal-15 ta' Diċembru 2008, Franza talbet li tingħata deroga temporanja minn dawn ir-rekwiżiti biex tkun tista’ tkompli tuża dan it-tagħmir sakemm tinstalla tagħmir ġdid li juża meded differenti ta’ frekwenzi. Bl-ittra tad-29 ta' Ġunju 2009, ingħatat kjarifika ulterjuri b'rabta ma' din it-talba.

    (5)

    Franza pprovdiet ġustifikazzjoni teknika suffiċjenti għat-talba tagħha, ibbażata partikolarment fuq il-ħtieġa li s-sistema attwali ta' komunikazzjoni RUBIS tibqa' operattiva bis-sħiħ u bla interuzzjonijiet matul il-perjodu ta' migrazzjoni u waqt ix-xiri u l-installazzjoni tat-tagħmir il-ġdid.

    (6)

    L-ewwel fażi tal-implimentazzjoni se tispiċċa fl-1 ta' Jannar 2012 u b'hekk il-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz issir disponibbli skont id-Deċiżjoni 2008/477/KE fl-aktar żoni b'popolazzjoni densa ta' Franza. It-tieni fażi se tkopri ż-żoni kollha mhux inklużi fl-ewwel fażi u se tagħmilhom disponibbli sal-31 ta' Diċembru 2013, bl-eċċezzjoni ta' Corsica, fejn l-ispettru ser ikun disponibbli sal-31 ta' Mejju 2014.

    (7)

    B'kunsiderazzjoni tat-tul previst tal-migrazzjoni, u sabiex jiġi żgurat l-iqsar żmien possibbli ta' tranżizzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi bdew il-proċess tal-migrazzjoni fl-1 ta' Lulju 2009.

    (8)

    Rapport dwar il-progress tal-migrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-impenji għandu jgħin biex il-perjodu ta’ tranżizzjoni jiġi ġestit b’mod xieraq.

    (9)

    Il-membri tal-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju indikaw fil-laqgħa tal-Kumitat tat-2 ta’ Ottubru 2008 li huma ma joġġezzjonawx għal deroga tranżizzjonali.

    (10)

    Id-deroga mitluba mhux se tipposponi bla ħtieġa l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/477/KE jew toħloq differenzi bla ħtieġa fis-sitwazzjonijiet kompetittivi jew regolatorji bejn l-Istati Membri. It-talba hija ġustifikata u deroga tranżizzjonali tkun xierqa biex tiffaċilita l-implimentazzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni 2008/477/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Franza qiegħda b'dan tiġi awtorizzata tipposponi l-implimentazzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni 2008/477/KE sal-31 ta' Mejju 2014, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3.

    Artikolu 2

    Franza għandha tagħmel il-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz disponibbli, skont id-Deċiżjoni 2008/477/KE, fl-aktar żoni b'popolazzjoni densa ta' Franza sal-1 ta' Jannar 2012, fosthom ir-reġjun tal-Ile de France, ħalli b'hekk mill-anqas nofs il-popolazzjoni Franċiża tkun koperta sa dik id-data. Franza għandha tagħmel il-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz disponibbli skont id-Deċiżjoni 2008/477/KE, fiż-żoni l-oħra kollha sal-31 ta' Diċembru 2013, bl-eċċezzjoni ta' Corsica, fejn din għandha ssir disponibbli sal-31 ta' Mejju 2014.

    Artikolu 3

    Franza għandha tissottometti l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/477/KE sal-1 ta' Jannar 2012 u t-tieni rapport sal-31 ta' Mejju 2014.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 163, 24.6.2008, p. 37.


    Top