EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0334

2009/334/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ April 2009 li twaqqaf grupp ta’ esperti dwar is-sigurtà tas-sistemi GNSS Ewropej (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

ĠU L 101, 21.4.2009, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/334/oj

21.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ April 2009

li twaqqaf grupp ta’ esperti dwar is-sigurtà tas-sistemi GNSS Ewropej

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/334/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (1), immodifika mill-qiegħ il-qafas tal-governanza u tal-finanzjament ta’ dawn iż-żewġ programmi.

(2)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tassigura l-ġestjoni tal-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà tas-sistemi, filwaqt li tqis il-bżonn ta’ monitoraġġ u tal-integrazzjoni tar-rekwiżiti tas-sigurtà fil-programmi ġenerali. Skont il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi ewlenin għall-kontroll tal-aċċess u l-immaniġġjar ta’ teknoloġiji li jipprovdu sigurtà għas-sistemi. Il-paragrafu 3 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tassigura li jittieħdu l-passi meħtieġa għall-konformità mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 u li tintlaħaq kwalunkwe ħtieġa ulterjuri relatata mas-sigurtà tas-sistemi, filwaqt li jitqiesu l-parir tal-esperti.

(3)

Barra minn hekk, l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 jirrevoka, mill-25 ta’ Lulju 2009, l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 876/2002 tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2002 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo (2). Skont it-termini tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7, għandu jiġi stabbilit kunsill għas-sigurtà sabiex jittratta mal-kwistjonijiet tas-sigurtà li jirrigwardaw is-sistema Galileo.

(4)

Sabiex tkun tista’ twettaq il-missjoni assenjata lilha mid-dispożizzjonijiet imsemmija tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 u, b’seħħ mill-25 ta’ Lulju 2009, twettaq il-kompiti fdati lilha sa dakinhar mill-Bord tas-Sigurtà mwaqqaf mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 876/2002, il-Kummissjoni teħtieġ l-assistenza tal-esperti tal-Istati Membri.

(5)

Barra minn hekk, meta kien ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 683/2008, il-Kummissjoni kienet għamlet dikjarazzjoni fejn esprimiet il-ħsieb li toħloq grupp ta’ esperti magħmul min rappreżentanti mill-Istati Membri, sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet imsemmija tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament u sabiex jiġu eżaminati kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà tas-sistemi.

(6)

Din id-dikjarazzjoni tispeċifika li l-Kummissjoni se tiżgura li dan il-grupp ta’ esperti se jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentant mill-Kummissjoni, ikun ippresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni, u jadotta r-regoli tal-proċedura tagħha li jipprevedu, fost l-oħrajn, l-adozzjoni ta’ opinjonijiet b’konsensus u dispożizzjoni għall-esperti biex titqajjem kwalunkwe kwistjoni rilevanti marbuta mas-sikurezza tas-sistemi.

(7)

Fl-istess dikjarazzjoni, il-Kummissjoni ntrabtet ukoll li, waqt l-eżerċiżżju tar-responsabbiltajiet tagħha, tqis għal kollox l-opinjonijiet tal-grupp tal-esperti u tikkonsultah, fost l-oħrajn, qabel tiddefinixxi r-rekwiżiti ewlenin tas-sigurtà tas-sistemi kif stipulat fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008.

(8)

F’din id-dikjarazzjoni wkoll, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li r-rappreżentanti tal-Awtorità Superviżorja tal-GNSS Ewropej, tal-Aġenzija Spazjali Ewropea u tal-SG/HR għandhom ikunu involuti bħal osservaturi fil-ħidma tal-grupp espert taħt il-kundizzjonijiet stipulati fir-regoli ta’ proċedura tagħha u, min-naħa l-oħra, li ftehimiet konklużi mill-Komunità Ewropea jistgħu jipprovdu għall-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi fil-ħidma tal-grupp espert skont kundizzjonijiet stipulati fir-regoli ta’ proċedura tagħha.

(9)

Jeħtieġ għalhekk li jinħoloq grupp ta’ esperti, imsejjaħ “Bord ta” Sigurtà għas-Sistemi GNSS Ewropej’, li t-twaqqif, il-missjoni, l-għamla u l-operat tiegħu jkunu konformi mal-kontenut tad-dikjarazzjoni msemmija fuq tal-Kummissjoni u konformi wkoll mar-regoli orizzontali mniżżla fil-qafas għall-gruppi tal-esperti Ewropej stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 2817.

(10)

Barra minn dan, trid tiġi prevista l-possibbiltà tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-ħidma tal-grupp tal-esperti. B’mod partikolari, minħabba li n-Norveġja u l-Iżvizzera, li huma membri tal-Aġenzija Spazjali Ewropea, jieħdu sehem fil-programmi GNSS Ewropej u huma involuti mill-qrib fil-kwistjonijiet ta’ sigurtà marbuta magħhom, huwa importanti li jitħallew ikunu involuti fil-ħidma tal-grupp ta’ esperti għal perjodu temporanju ta’ tliet snin, li jista’ jiġi estiż fil-kuntest ta’ ftehim li għandu jintlaħaq bejn il-Komunità Ewropea u dawn iż-żewġ pajjiżi terzi,

IDDEĊIDIET:

Artikolu 1

Il-Bord tas-Sigurtà għas-sistemi GNSS Ewropej

B’dan, il-Kummissjoni twaqqaf grupp ta’ esperti dwar is-Sigurtà tas-sistemi GNSS Ewropej, imsejjaħ il-Bord tas-Sigurtà tas-sistemi GNSS Ewropej (minn hawn ’il quddiem “il-Bord tas-Sigurtà”).

Artikolu 2

Missjoni

Il-Bord tas-Siġurtà għandu jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, u fl-istħarriġ tal-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tas-sistemi GNSS Ewropej. Il-Kummissjoni għandha tikkonsultah qabel ma tiddefinixxi r-rekwiżiti ewlenin, ipprovduti fl-Artikolu 13(2), dwar is-sigurtà tas-sistemi, u għandha tipprovdi l-appoġġ kontinwat lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(3).

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta regolarment mal-Bord tas-Sigurtà u tqis bis-sħiħ il-pariri tiegħu.

Artikolu 4

Kompożizzjoni

1.   Il-Bord tas-Sigurtà għandu jkun kompost minn rappreżentant ta’ kull Stat Membru magħżul minn fost esperti magħrufa fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà, u minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Rappreżentati tal-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljenza tal-GNSS, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-SG/HR jistgħu jiġu involuti bħala osservaturi fil-ħidma tal-Bord tas-Sigurtà skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

3.   Il-ftehimiet konklużi mill-Komunità Ewropea jistgħu jipprovdu għall-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi għall-ħidma tal-Bord tas-Sigurtà, u inkluż bħala membri sħaħ tal-Bord.

4.   Mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, rappreżentanti tan-Norveġja u tal-Iżvizzera jistgħu jiġu assoċjati temporanjament bħala osservaturi tal-ħidmiet tal-Bord tas-Sigurtà skont il-kundizzjonijiet definiti mir-regolament intern tiegħu, bil-kundizzjoni li n-Norveġja u l-Iżvizzera t-tnejn ikunu kkonfermaw minn qabel il-ħsieb tagħhom li japplikaw fuq it-territoju tagħhom il-miżuri kollha ta’ sigurtà meħtieġa sabiex jiġi assigurat grad ta’ ħarsien xieraq tal-infrastrutturi, is-servizzi u t-teknoloġiji tal-programmi tas-sistemi GNSS Ewropej, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontroll tal-esportazzjonijiet. It-tul ta’ din il-parteċipazzjoni temporanja għandu jippermetti l-konklużjoni ta’ ftehim kif previst fil-paragrafu 3 u f’ebda każ ma jista’ jaqbeż it-tliet snin.

5.   Il-parteċipazzjoni ta’ Stat terz għall-ħidmiet tal-Bord tas-Sigurtà tista’ titnaqqas jew tiġi sospiża jekk ikun jidher li l-azzjonijiet meħuda minn dan l-Istat ma jkunux jippermettu li jkun żgurat il-grad ta’ ħarsien meħtieġ fil-qasam tas-sigurtà jew li jiġu osservati r-regoli ta’ sigurtà ddefiniti mill-programmi GNSS Ewropej.

6.   Il-president tal-Bord tas-Sigurtà jista’ jistieden esperti oħrajn biex jieħdu sehem okkażjonalment fil-ħidmiet tal-Bord tas-Sigurtà skont il-kundizzjonijiet definiti mir-regolament intern tiegħu. L-elementi li jiġġustifikaw il-preżenza ta’ dawn l-esperti għandhom jiġu kkomunikati minn qabel mill-president lill-membri tal-Bord tas-Sigurtà.

7.   Ir-rappreżentanti maħtura minn Stat jew organizzazzjoni għandhom jibqgħu fil-kariga sa meta jiġu ssostitwiti jew sa tmiem il-mandat tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-rappreżentant maħtur minn Stat jew minn organizzazzjoni jekk din in-nomina ma tkunx tidher xierqa, notevolment fil-każ ta’ konflitt ta’ interessi; il-Kummissjoni għalhekk għandha tgħarraf malajr lill-istat jew l-organizzazzjoni kkonċernata, biex taħtar rappreżentant ieħor.

Artikolu 5

Operat

1.   Il-Bord tas-Sigurtà għandu jkun presedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta mandat iddefinit mill-Bord tas-Sigurtà; dawn għandhom jiġu xolti hekk kif jitwettaq il-mandat.

3.   Il-Bord tas-Sigurtà u s-sottogruppi tiegħu ġeneralment jiltaqgħu fil-postijiet fejn huma stabbiliti l-Kummissjoni u s-servizzi tagħha, skont il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-postijiet tal-laqgħat ikollhom sigurtà li tixraq in-natura tal-ħidmiet. Is-segretarjat se jkun ipprovdut mis-servizzi tal-Kummissjoni. Uffiċjali oħra interessati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu parti f’dawn il-laqgħat.

4.   Il-Bord tas-Sigurtà għandu jadotta r-regolament intern tiegħu abbażi tal-mudell standard tar-regolament intern adottat mill-Kummissjoni (3). Ir-regolament intern jispeċifika partikolarment li l-Bord tas-Sigurtà għandu jadotta l-opinjoni jew ir-rapport tiegħu kemm jista’ jkun b’konsensus u li kull membru tal-Bord tas-Sigurtà jista’ jqajjem kwalunkwe kwistjoni permanenti marbuta mas-sigurtà tas-sistemi GNSS Ewropej.

5.   Il-parteċipanti fil-laqgħat tal-Bord tas-Sigurtà u tas-sottogruppi tiegħu huma marbuta josservaw strettament ir-regoli tas-sikurezza u s-sigurtà tal-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tad-dokumenti klassifikati.

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

1.   L-ispejjeż tal-vjaġġ u tas-sussistenza mħallsa mill-membri, l-esperti u l-osservaturi fl-ambitu tal-attivitajiet tal-grupp huma mħallsa lura mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ tagħha. Il-membri ma jitħallsux tas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż tal-laqgħat huma mħallsa lura fil-limiti tal-approprjazzjonijiet allokati lis-servizzi fl-ambitu tal-proċedura annwali tal-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Din hija ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 138, 28.5.2002, p. 1.

(3)  Anness III għad-dokument SEC(2005) 1004 tas-27.7.2005.


Top