Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0316

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas- 6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI

    ĠU L 93, 7.4.2009, p. 33–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/06/2022; Mibdul minn 32019L0884

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/316/oj

    7.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 93/33


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/316/ĠAI

    tas-6 ta’ April 2009

    dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 34(2)(c) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-għan tal-Unjoni hu li jipprovdi liċ-ċittadini b’livell għoli ta’ sigurezza fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja. Dan l-għan jippresupponi l-iskambju sistematiku tal-informazzjoni estratta minn rekords kriminali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b’mod li jiggarantixxi l-għarfien komuni tagħhom u l-effikaċja ta’ tali skambju.

    (2)

    L-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali deċiżi kontra ċittadini ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħra ma tiċċirkolax b’mod effikaċi fuq il-bażi kurrenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assitenza Reċiproka f’Materji Kriminali tal-20 ta’ April 1959. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm proċeduri aktar effiċjenti u aċċessibbli ta’ skambju għal tali informazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

    (3)

    Il-ħtieġa li titjieb il-kwalità tal-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali ngħatat prijorità fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2004 u sussegwentement riaffermata fil-Programm tal-Aja (3) u fil-Pjan ta’ Azzjoni (4) dwar l-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-interkonnessjoni kompjuterizzata tar-rekords kriminali fil-livell tal-Unjoni Ewropea ġiet rikonoxxuta bħala prijorità politika mill-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007.

    (4)

    L-interkonnessjoni kompjuterizzata tar-rekords kriminali hija parti mill-proġett E-Ġustizzja, li kien rikonoxxut diversi drabi bħala prijorità mill-Kunsill Ewropew fl-2007.

    (5)

    Attwalment, qed jiġi żviluppat proġett sperimentali bil-għan li r-rekords kriminali jiġu interkonnessi. Il-kisbiet tiegħu jikkostitwixxu bażi valida għal aktar ħidma fuq l-iskambju kompjuterizzat ta’ informazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

    (6)

    Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI sabiex toħloq u tiżviluppa sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-Istati Membri. Tali sistema għandha tkun tista’ tikkomunika informazzjoni dwar kundanni kriminali f’forma li tkun faċilment intelliġibbli. Għaldaqstant, għandhom jiġu stabbiliti kemm format standardizzat li jippermetti li l-informazzjoni tkun skambjata b’mod uniformi u elettroniku u i jippermetti t-traduzzjoni kompjuterizzata tagħha kif ukoll kwalunkwe mezz ieħor li jorganizza u jiffaċilita l-iskambji elettroniċi ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-prinċipji stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI u tapplika u tissupplimenta dawk il-prinċipji mil-lat tekniku.

    (8)

    Il-kategoriji tad-data li jridu jiddaħħlu fis-sistema, l-iskopijiet li għalihom id-data għandha tiddaħħal, il-kriterji għad-dħul tagħha, l-awtoritajiet permessi li jaċċessaw id-data, u xi regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali huma definiti fid-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.

    (9)

    La din id-Deċiżjoni u lanqas id-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI ma jistabbilixxu xi obbligu sabiex tiġi skambjata informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux kriminali.

    (10)

    Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni mhuwiex li jkunu armonizzati s-sistemi nazzjonali tar-rekords kriminali, m’hemm l-ebda obbligu li Stat Membru tal-kundanna jbiddel is-sistema interna tiegħu tar-rekords kriminali fir-rigward tal-użu tal-informazzjoni għall-finijiet domestiċi.

    (11)

    Is-Sistema Ewropea ta’ Rekords Kriminali (European Criminal Rekords System, ECRIS) hija sistema informatika deċentralizzata. Id-data tar-rekords kriminali għandha tiġi preżervata unikament f’databases operati mill-Istati Membri, u m’għandu jkun hemm ebda aċċess dirett online għad-databases ta’ rekords kriminali ta’ Stati Membri oħra. L-Istati Membri għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-operazzjoni tad-databases nazzjonali tar-rekords kriminali u għal skambji effikaċi ta’ informazzjoni bejniethom. L-infrastruttura komuni ta’ komunikazzjoni tal-ECRIS inizjalment għandha tkun in-network ta’ Servizzi Trans-Ewropej għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet (S-TESTA). L-ispiża kollha li tikkonċerna l-infrastruttura komuni ta’ komunikazzjoni għandha tkun koperta mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    (12)

    It-tabelli ta’ referenza tal-kategoriji ta’ reati u l-kategoriji ta’ pieni u miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiffaċilitaw it-traduzzjoni awtomatika u għandhom jippermettu l-għarfien reċiproku tal-informazzjoni trasmessa bl-użu ta’ sistema ta’ kodiċi. Il-kontenut tat-tabelli hu riżultat tal-analiżi tal-ħtiġijiet tas-27 Stat Membru kollha. Dik l-analiżi kkunsidrat il-kategorizzazzjoni tal-proġett sperimentali u r-riżultati tal-eżerċizzju ta’ ġabra tad-diversi reati u pieni u miżuri nazzjonali. Barra minn hekk, fil-każ tat-tabella ta’ reati, ikkunsidrat ukoll id-definizzjonijiet komuni armonizzati eżistenti fil-livell Ewropew u f’dak internazzjonali kif ukoll il-mudelli tad-data tal-Eurojust u tal-Europol.

    (13)

    Sabiex jiġu żgurati l-għarfien reċiproku u t-trasparenza tal-kategorizzazzjoni komuni, kull Stat Membru għandu jippreżenta l-lista ta’ reati u pieni u miżuri nazzjonali li jaqgħu f’kull kategorija msemmija fit-tabella rispettiva. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu deskrizzjoni ta’ reati u pieni u miżuri u, fid-dawl tal-utilità ta’ tali deskrizzjoni, huma għandhom ikunu inkoraġġiti jagħmlu dan. Tali informazzjoni għandha ssir aċċessibbli għall-Istati Membri.

    (14)

    It-tabelli ta’ referenza tal-kategoriji tar-reati u tal-kategoriji ta’ pieni u miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni mhumiex imfassla sabiex jistabbilixxu ekwivalenzi ġuridiċi bejn reati u bejn pieni u miżuri li jeżistu fil-livelli nazzjonali. Huma għodda li tgħin lir-riċevitur jifhem aħjar il-fatt jew fatti u t-tip ta’ piena jew pieni, jew ta’ miżura jew miżuri, li jkunu jinsabu fl-informazzjoni trasmessa. Il-preċiżjoni tal-kodiċijiet imsemmija ma tistax tiġi kompletament garantita mill-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni u din m’għandhiex tipprekludi l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru riċevent milli jinterpretaw l-informazzjoni.

    (15)

    It-tabelli ta’ referenza ta’ kategoriji ta’ reati u ta’ kategoriji ta’ pieni u miżuri għandhom jiġu riveduti u aġġornati konformement mal-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri implimentattivi għal deċiżjonijiet previsti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (16)

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw u jikkonsultaw lil xulxin fil-Kunsill abbażi tal-modalitajiet stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li jfasslu manwal mhux vinkolanti għall-prattikanti, li għandu jindirizza l-proċeduri li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni, partikolarment il-modalitajiet ta’ identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati, l-għarfien komuni tal-kategoriji ta’ reati u pieni u miżuri, u spjegazzjoni ta’ reati u pieni u miżuri nazzjonali problematiċi, u bil-ħsieb li jiżguraw il-koordinazzjoni meħtieġa għall-iżvilupp u l-operazzjoni tal-ECRIS.

    (17)

    Sabiex jiġi aċċelerat l-iżvilupp tal-ECRIS, il-Kummissjoni għandha tieħu numru ta’ miżuri tekniċi sabiex tassisti lill-Istati Membri fil-preparazzjoni tal-infrastruttura teknika għall-interkonnessjoni tad-databases tagħhom tar-rekords kriminali. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi software implimentattiv ta’ referenza, jiġifieri software adatt li jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu din l-interkonnessjoni, li huma jistgħu jagħżlu li japplikaw minflok is-software tagħhom stess ta’ interkonnessjoni għall-implimentazzjoni tas-sett komuni ta’ protokolli li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn databases ta’ rekords kriminali.

    (18)

    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (5) għandha tapplika fil-kuntest tal-iskambju kompjuterizzat ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali tal-Istati Membri, u tipprevedi livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ data meta tiġi skambjata informazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li tippermetti li l-Istati Membri jesiġu standards ogħla fil-proċessar ta’ data nazzjonali.

    (19)

    Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-iżvilupp ta’ sistema għat-trasmisssjoni kompjuterizzata ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-Istati Membri, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri unilateralment, u għalhekk jista’, minħabba n-neċessità ta’ azzjoni kkoordinata fl-Unjoni Ewropea, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (20)

    Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS).

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll l-elementi ta’ format standard għall-iskambju elettroniku, bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ informazzjoni dwar ir-reat li jkun wassal għall-kundanna u informazzjoni dwar il-kontenut tal-kundanna, kif ukoll mezzi implimentattivi oħra kemm ġenerali kif ukoll tekniċi relatati mal-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.

    Artikolu 3

    Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)

    1.   L-ECRIS hija sistema deċentralizzata tat-teknoloġija tal-informazzjoni, ibbażata fuq id-databases tar-rekords kriminali f’kull Stat Membru. Hija tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

    (a)

    software ta’ interkonnessjoni strutturat konformement ma’ sett komuni ta’ protokolli li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-databases tar-rekords kriminali tal-Istati Membri:

    (b)

    infrastruttura komuni ta’ komunikazzjoni li tipprovdi network kriptat;

    2.   Din id-Deċiżjoni m’għandhiex l-għan li tistabbilixxi xi database ċentralizzata ta’ rekords kriminali. Id-data kollha dwar ir-rekords kriminali għandha tiġi preżervata unikament f’databases operati mill-Istati Membri.

    3.   L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI m’għandhomx ikollhom aċċess dirett online għad-databases tar-rekords kriminali tal-Istati Membri l-oħra. Għandha tintuża l-aqwa teknika disponibbli identifikata mill-Istati Membri flimkien bl-appoġġ tal-Kummissjoni sabiex ikunu żgurati l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni, minn rekords kriminali, li tiġi trasmessa lil Stati Membri oħra.

    4.   Is-software tal-interkonnessjoni u d-databases li jippreżervaw, jittrasmettu u jirċievu l-informazzjoni estratta mir-rekords kriminali għandhom joperaw taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat.

    5.   L-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni għandha tkun in-network ta’ komunikazzjoni S-TESTA. Kwalunkwe żvilupp ieħor tiegħu jew kwalunkwe network sigur alternattiv għandu jiżgura li l-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni stabbilita tkompli tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 6.

    6.   L-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni għandha tiġi operata taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, u għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà u tissodisfa kompletament il-ħtiġijiet tal-ECRIS.

    7.   Sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni effikaċi tal-ECRIS, il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ ġenerali u assistenza teknika, inklużi l-ġbir u t-tħejjija ta’ statistika msemmija fl-Artikolu 6(2)(b)(i) u s-software implimentattiv ta’ referenza.

    8.   Minkejja l-possibbiltà li jsir użu mill-programmi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea taħt ir-regoli applikabbli, kull Stat Membru għandu jassumi l-ispejjeż tiegħu stess għall-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tad-database tiegħu ta’ rekords kriminali u tas-software ta’ interkonnessjoni msemmi fil-paragrafu 1.

    Il-Kummissjoni għandha tassumi l-ispejjeż mill-implimentazzjoni, mill-amministrazzjoni, mill-użu, mill-manutenzjoni u mill-iżvilupp futur tal-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni tal-ECRIS, kif ukoll mill-iżvilupp implimentattiv u futur tas-software implimentattiv ta’ referenza.

    Artikolu 4

    Il-format tat-trasmissjoni tal-informazzjoni

    1.   Meta tiġi trasmessa l-informazzjoni konformement mal-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, relattivament għall-isem jew klassifikazzjoni ġuridika tar-reat u għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull wieħed mir-reati indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella tar-reati fl-Anness A. Bħala eċċezzjoni, fejn ir-reat ma jikkorrispondi għal ebda kodiċi speċifiku ta’ subkategorija, għandu jissemma l-kodiċi “kategorija miftuħa” tal-kategorija relevanti tar-reati jew ta’ dik l-eqreb jew, fin-nuqqas ta’ din tal-aħħar, il-kodiċi “reati oħrajn” għandu jintuża għal dak ir-reat partikolari.

    L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu informazzjoni disponibbli dwar il-livell ta’ kompletezza u l-livell ta’ parteċipazzjoni fir-reat u, fejn applikabbli, dwar l-eżistenza ta’ eżenzjoni totali jew parzjali mir-responsabbiltà kriminali jew dwar reċidiva.

    2.   Meta jittrasmettu informazzjoni taħt l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI relattivament għall-kontenut tal-kundanna kriminali, partikolarment is-sentenza kif ukoll kwalunkwe piena supplimentari, kwalunkwe miżura ta’ sigurtà u kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li jimmodifikaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull waħda mill-pieni u miżuri indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella ta’ pieni u miżuri fl-Anness B. Bħala eċċezzjoni, fejn il-piena jew miżura ma tikkorrispondi għal ebda kodiċi speċifiku ta’ subkategorija, għandu jintuża l-kodiċi “kategorija miftuħa” tal-kategorija relevanti jew tal-eqreb kategorija ta’ pieni u miżuri jew, fin-nuqqas ta’ din tal-aħħar, il-kodiċi “pieni u miżuri oħrajn” għandu jintuża għal dik il-piena jew miżura partikolari.

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fejn applikabbli, informazzjoni disponibbli relatata man-natura u/jew il-kondizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena jew miżura imposta kif previst fil-parametri tal-Anness B. Il-parametru “deċiżjoni mhux kriminali” għandu jiġi indikat biss f’każijiet fejn l-informazzjoni dwar tali deċiżjoni tingħata fuq bażi volontarja mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata, meta jwieġeb talba għall-informazzjoni dwar kundanni kriminali.

    Artikolu 5

    Informazzjoni dwar reati, pieni u miżuri nazzjonali

    1.   L-informazzjoni li ġejja għandha tingħata mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, partikolarment bil-ħsieb li jitfassal manwal mhux vinkolanti għall-prattikanti msemmi fl-Artikolu 6(2)(a):

    (a)

    il-lista ta’ reati nazzjonali f’kull kategorija msemmija fit-tabella ta’ reati fl-Anness A. Il-lista għandha tinkludi l-isem jew il-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat u referenza għad-dispożizzjoni ġuridika applikabbli. Hija tista’ tinkludi wkoll deskrizzjoni qasira tal-elementi kostituttivi r-reat;

    (b)

    il-lista tat-tipi ta’ sentenzi, possibbilment ta’ pieni supplimentari u miżuri ta’ sigurtà u ta’ deċiżjonijiet sussegwentement possibbli li jimmodifikaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza kif definita fil-liġi nazzjonali, f’kull kategorija msemmija fit-tabella ta’ pieni u miżuri fl-Anness B. Hija tista’ tinkludi wkoll deskrizzjoni qasira tal-piena jew miżura speċifika.

    2.   Il-listi u d-deskrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġornati regolarment mill-Istati Membri. L-informazzjoni aġġornata għandha tiġi trasmessa lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    3.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jikkomunika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-informazzjoni riċevuta taħt dan l-Artikolu.

    Artikolu 6

    Miżuri implimentattivi

    1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta kwalunkwe modifika tal-Annessi A u B kif ikun meħtieġ.

    2.   Ir-rappreżentanti tad-dipartimenti rilevanti tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw u jikkonsultaw lil xulxin fil-Kunsill bil-ħsieb ta’:

    (a)

    tfassil ta’ manwal mhux vinkolanti għall-prattikanti li jistabbilixxi l-proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-ECRIS, li jindirizza b’mod partikolari l-modalitajiet ta’ identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati, kif ukoll jirreġistra l-għarfien komuni tal-kategoriji ta’ reati u pieni u miżuri elenkati rispettivament fl-Annessi A u B;

    (b)

    koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom għall-iżvilupp u l-operazzjoni tal-ECRIS, b’mod partikolari dwar:

    (i)

    l-istabbiliment ta’ sistemi u proċeduri ta’ reġistrazzjoni kronoloġika (logging) li jippermettu l-monitoraġġ tal-funzjonament tal-ECRIS u l-istabbiliment ta’ statistika mhux personali relatata mal-iskambju, permezz tal-ECRIS, ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali;

    (ii)

    l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi tal-iskambju, inklużi r-rekwiżiti ta’ siġurtà, b’mod partikolari s-sett komuni ta’ protokolli;

    (iii)

    l-istabbiliment ta’ proċeduri li jivverifikaw il-konformità tal-applikazzjonijiet tas-software nazzjonali mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

    Artikolu 7

    Rapport

    Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippublikaw regolarment rapport li jikkonċerna l-iskambju, permezz tal-ECRIS, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali bbażata partikolarment fuq l-istatistika msemmija fl-Artikolu 6(2)(b)(i). Dan ir-rapport għandu jiġi ppublikat, għall-ewwel darba, sena wara li jiġi ppreżentat ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.

    Artikolu 8

    Implimentazzjoni u skadenzi

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni sas-7 ta’ April 2012.

    2.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-format speċifikat fl-Artikolu 4 u jikkonformaw mal-metodi ta’ organizzazzjoni u faċilitazzjoni, ta’ skambji ta’ informazzjoni, stipulati f’din id-Deċiżjoni mid-data notifikata konformement mal-Artikolu 11(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.

    Artikolu 9

    Effett

    Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Luxembourg, 6 ta’ April 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. POSPÍŠIL


    (1)  Ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Opinjoni tad-9 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

    (4)  ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1.

    (5)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.


    ANNESS A

    Tabella komuni tal-kategoriji ta’ reati msemmija fl-Artikolu 4

    Parametri

    Livell ta’ kompletezza:

    Att komplet

    C

    Tentattiv jew preparazzjoni

    A

    Element mhux trasmess

    Ø

    Livell ta’ parteċipazzjoni

    Awtur tar-reat

    M

    Kompliċi jew instigatur/organizzatur, kospiratur jew assoċjat

    H

    Element mhux trasmess

    Ø

    Eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali:

    Insanità jew responsabbiltà mitigata

    S

    Reċidiva

    R


    Kodiċi

    Kategoriji u subkategoriji ta’ reati

    0100 00

    kategorija miftuħa

    Delitti li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti kriminali internazzjonali

    0101 00

    Ġenoċidju

    0102 00

    Delitti kontra l-umanità

    0103 00

    Delitti tal-gwerra

    0200 00

    kategorija miftuħa

    Parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali

    0201 00

    Tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali

    0202 00

    Parteċipazzjoni volontarja fl-attivitajiet kriminali ta’ organizzazzjoni kriminali

    0203 00

    Parteċipazzjoni volontarja fl-attivitajiet mhux kriminali ta’ organizzazzjoni kriminali

    0300 00

    kategorija miftuħa

    Terroriżmu

    0301 00

    It-tmexxija ta’ grupp terroristiku

    0302 00

    Parteċipazzjoni volontarja fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku

    0303 00

    Il-finanzjament tat-terroriżmu

    0304 00

    Tixwix pubbliku sabiex jitwettaq reat terroristiku

    0305 00

    Reklutaġġ jew taħriġ għat-terroriżmu

    0400 00

    kategorija miftuħa

    Traffikar ta’ persuni

    0401 00

    Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol jew servizzi

    0402 00

    Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament tal-prostituzzjoni ta’ oħrajn jew forom oħra ta’ sfruttament sesswali

    0403 00

    Traffikar ta’ persuni għal skopijiet tat-tneħħija ta’ organi jew ta’ tessut uman

    0404 00

    Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ tjassir, ta’ xi prattika simili għat-tjassir jew servitù

    0405 00

    Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol jew servizzi ta’ persuna minorenni

    0406 00

    Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament tal-prostituzzjoni ta’ minorenni jew ta’ forom oħra ta’ sfruttament sesswali tagħhom

    0407 00

    Traffikar ta’ persuni għal skopijiet tat-tneħħija ta’ organi jew ta’ tessut uman ta’ minorenni

    0408 00

    Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ tjassir, prattiki simili għat-tjassir jew is-servitù ta’ minorenni

    0500 00

    kategorija miftuħa

    Traffikar illeċitu (1) u reati oħrajn relatati mal-armi, l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi

    0501 00

    Manifattura illeċita ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi

    0502 00

    Manifattura illeċita ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi fil-livell nazzjonali (2)

    0503 00

    L-esportazzjoni jew importazzjoni illeċita ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi

    0504 00

    Il-pussess mhux awtorizzat jew l-użu ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi

    0600 00

    kategorija miftuħa

    Reat ambjentali

    0601 00

    Il-qerda jew il-ħsara ta’ speċi protetti ta’ flora u fawna

    0602 00

    Rimi illegali ta’ sustanzi li jniġġżu jew radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma

    0603 00

    Reati relatati mal-iskart, inkluż l-iskart tossiku

    0604 00

    Reati relatati mat-traffikar illeċitu (1) ta’ speċi protetti ta’ flora u fawna jew partijiet minnhom

    0605 00

    Reati involontarji kontra l-ambjent

    0700 00

    kategorija miftuħa

    REATI relatati mad-drogi jew prekursuri, u REATI oħra kontra s-saħħa pubblika

    0701 00

    Reati relatati mat-traffikar illeċitu (3) ta’ drogi narkotiċi, sustanzi psikotropiċi jew prekursuri li ma jkunux esklussivament għall-konsum personali

    0702 00

    Konsum illeċitu ta’ drogi u l-akkwist tagħhom, il-manifattura jew il-produzzjoni esklussivament għall-konsum personali

    0703 00

    L-għajnuna jew it-tixwix ta’ oħrajn sabiex jużaw drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi illeċitament

    0704 00

    Il-manifattura jew il-produzzjoni ta’ drogi narkotiċi li ma jkunux esklussivament għall-użu personali

    0800 00

    kategorija miftuħa

    Reati fuq il-persuna

    0801 00

    Omiċidju volontarju

    0802 00

    Każijiet aggravati ta’ omiċidju volontarju (4)

    0803 00

    Omiċidju involontarju

    0804 00

    Omiċidju volontarju kommess fuq tarbija tat-twelid minn ommha

    0805 00

    Abort illegali

    0806 00

    Ewtanasja illegali

    0807 00

    Reati relatati mat-twettiq ta’ suwiċidju

    0808 00

    Vjolenza li tikkawża l-mewt

    0809 00

    Offiża gravi fuq il-persuna, sfreġju jew diżabbiltà permanenti

    0810 00

    Offiża gravi involontarja fuq il-persuna, sfreġju jew diżabbiltà permanenti

    0811 00

    Offiża ħafifa fuq il-persuna

    0812 00

    Offiża ħafifa involontarja fuq il-persuna

    0813 00

    It-tqegħid fil-periklu tal-mewt jew ta’ offiża gravi fuq il-persuna

    0814 00

    Tortura

    0815 00

    In-nuqqas ta’ offerta ta’ għajnuna jew assistenza

    0816 00

    Reati relatati mat-tneħħija ta’ organi jew ta’ tessut mingħajr l-awtorizzazzjoni jew il-kunsens

    0817 00

    Reati relatati mat-traffikar illeċitu (3) tal-organi jew tat-tessut uman

    0818 00

    Vjolenza domestika jew theddid domestiku

    0900 00

    kategorija miftuħa

    Reati kontra l-libertà personali, id-dinjità jew interessi protetti oħra, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija

    0901 00

    Ħtif ta’ persuna, ħtif ta’ persuna għal skopijiet ta’ estorsjoni, arrest illegali

    0902 00

    Arrest illegali jew ċaħda tal-libertà minn awtorità pubblika

    0903 00

    Teħid ta’ ostaġġi

    0904 00

    Ħtif illegali ta’ ajruplan jew vapur

    0905 00

    Insulti, inġurji, malafama, disprezz

    0906 00

    Theddid

    0907 00

    Forza, pressjoni, insegwiment malizzjuż, fastidju jew aggressjoni ta’ natura psikoloġika jew emozzjonali

    0908 00

    Estorsjoni

    0909 00

    Estorsjoni aggravata

    0910 00

    Dħul illegali fi proprjetà privata

    0911 00

    Invażjoni tal-privatezza minbarra d-dħul illegali fi proprjetà privata

    0912 00

    Reati kontra l-protezzjoni ta’ data personali

    0913 00

    Interċettazzjoni illegali ta’ data jew komunikazzjoni

    0914 00

    Diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, razza, orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew oriġini etnika

    0915 00

    Tixwix pubbliku għal diskriminazzjoni razzjali

    0916 00

    Tixwix pubbliku għal mibegħda razzjali

    0917 00

    Rikatt

    1000 00

    kategorija miftuħa

    Reati sesswali

    1001 00

    Stupru

    1002 00

    Stupru aggravat (5) minbarra stupru ta’ minorenni

    1003 00

    Aggressjoni sesswali

    1004 00

    Tlaqqigħ għall-prostituzzjoni jew għal att sesswali

    1005 00

    Espożizzjoni indeċenti

    1006 00

    Fastidju sesswali

    1007 00

    Solleċitazzjoni minn prostituta

    1008 00

    Sfruttament sesswali tat-tfal

    1009 00

    Reati relatati mal-pornografija tat-tfal jew immaġini indeċenti ta’ minorenni

    1010 00

    Stupru ta’ minorenni

    1011 00

    Aggressjoni sesswali ta’ minorenni

    1100 00

    kategorija miftuħa

    Reati kontra dispożizzjoniet dwar il-familja

    1101 00

    Relazzjonijiet sesswali illeċiti bejn membri familjari stretti

    1102 00

    Poligamija

    1103 00

    Evażjoni tal-obbligu ta’ manteniment

    1104 00

    Traskuraġni jew l-abbandun ta’ persuna minorenni jew b’diżabbiltà

    1105 00

    Nuqqas ta’ konformità ma’ ordni dwar il-kustodja ta’ minorenni

    1200 00

    kategorija miftuħa

    Reati kontra l-istat, l-ordni pubbliku, il-kors tal-ġustizzja jew uffiċjali pubbliċi

    1201 00

    Spjunaġġ

    1202 00

    Tradiment Għoli

    1203 00

    Reati relatati ma’ elezzjonijiet jew referendum

    1204 00

    Attentat fuq il-ħajja jew is-saħħa ta’ kap ta’ Stat

    1205 00

    Insult kontra l-Istat, in-Nazzjon jew simboli tal-Istat

    1206 00

    Insult jew reżistenza lil rappreżentant tal-awtorità pubblika

    1207 00

    Estorsjoni, forza, pressjoni fuq rappreżentant tal-awtorità pubblika

    1208 00

    Aggressjoni jew theddid lil rappreżentant ta’ awtorità pubblika

    1209 00

    Reati kontra l-ordni pubbliku, ksur tal-paċi pubblika

    1210 00

    Vjolenza waqt avvenimenti sportivi

    1211 00

    Serq ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi

    1212 00

    Tfixkil jew tgħawwiġ tal-kors tal-ġustizzja, allegazzjonijiet foloz waqt proċedimenti kriminali jew ġudizzjarji, sperġur

    1213 00

    Impersonizzazzjoni illegali ta’ persuna jew awtorità

    1214 00

    Evażjoni minn kustodja legali

    1300 00

    kategorija miftuħa

    Reati kontra proprjetà pubblika jew interessi pubbliċi

    1301 00

    Frodi pubblika, ta’ sigurtà soċjali jew ta’ benifiċċju tal-familja

    1302 00

    Frodi li tolqot il-benefiċċji jew l-allowances Ewropej

    1303 00

    Reati relatati ma’ logħob tal-azzard illegali

    1304 00

    Tfixkil fil-proċeduri għal sejħiet għal offerti pubbliċi

    1305 00

    Korruzzjoni attiva jew passiva ta’ impjegat fis-servizz pubbliku, persuna li għandha kariga pubblika jew awtorità pubblika

    1306 00

    Serq, appropjazzjoni indebita jew forom oħra ta’ abbuż ta’ proprjetà minn uffiċjal pubbliku

    1307 00

    Abbuż ta’ funzjoni minn uffiċjal pubbliku

    1400 00

    kategorija miftuħa

    Reati fiskali u doganali

    1401 00

    Reati fiskali

    1402 00

    Reati doganali

    1500 00

    kategorija miftuħa

    Reati ekonomiċi jew relatati mal-kummerċ

    1501 00

    Falliment jew insolvenza frodulenti

    1502 00

    Ksur ta’ regolament tal-kontabbiltà, serq, ħabi ta’ assi jew żieda illegali fil-passiv ta’ kumpannija

    1503 00

    Ksur ta’ regoli ta’ kompetizzjoni

    1504 00

    Laundering ta’ rikavat minn reati

    1505 00

    Korruzzjoni passiva jew attiva fis-settur privat

    1506 00

    Żvelar ta’ sigriet jew il-ksur tal-obbligu ta’ segretezza

    1507 00

    “Insider trading”

    1600 00

    kategorija miftuħa

    Reati kontra l-proprjetà jew l-ikkawżar ta’ ħsara lil oġġetti

    1601 00

    Approprjazzjoni illegali

    1602 00

    Approprjazzjoni illegali jew devjazzjoni ta’ enerġija

    1603 00

    Frodi inklużi imbrolji

    1604 00

    Riċettazzjoni/negozju f’oġġetti misruqa

    1605 00

    Traffikar illeċitu (6) ta’ oġġetti tal-kultura, inklużi antikitajiet u opri tal-arti

    1606 00

    Ħsara jew distruzzjoni volontarja ta’ proprjetà

    1607 00

    Ħsara jew distruzzjoni involontarja ta’ proprjetà

    1608 00

    Sabutaġġ

    1609 00

    Reati kontra l-proprjetà industrijali jew intellettwali

    1610 00

    Ħruq volontarju

    1611 00

    Ħruq volontarju li jikkawża l-mewt jew dannu ta’ persuni

    1612 00

    Ħruq volontarju fil-foresti

    1700 00

    kategorija miftuħa

    Reati ta’ Serq

    1701 00

    Serq

    1702 00

    Serq wara dħul illegali fi proprjetà

    1703 00

    Serq, bl-użu ta’ vjolenza jew armi, jew b’theddid ta’ vjolenza jew armi kontra persuna

    1704 00

    Forom ta’ serq aggravat li ma jinvolvux l-użu tal-vjolenza jew armi, jew l-użu tat-theddid ta’ vjolenza jew armi, kontra persuni.

    1800 00

    kategorija miftuħa

    Reati kontra sistemi ta’ informazzjoni u reati oħrajn relatati mal-informatika

    1801 00

    Aċċess illegali għal sistemi ta’ informazzjoni

    1802 00

    Interferenza illegali f’sistem

    1803 00

    Interferenza illegali f’data

    1804 00

    Produzzjoni, pussess, disseminazzjoni jew traffikar ta’ tagħmir informatiku jew data li jippermettu t-twettiq ta’ reati relatati mal-informatika

    1900 00

    kategorija miftuħa

    Falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas

    1901 00

    Falsifikazzjoni ta’ flus inkluż l-Euro

    1902 00

    Falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas mhux bi flus

    1903 00

    Falsifikazzjoni ta’ dokumenti fiduċjarji pubbliċi

    1904 00

    Tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni/użu ta’ flus foloz, mezzi ta’ ħlas mhux bi flus jew dokumenti fiduċjarji pubbliċi

    1905 00

    Pussess ta’ apparat għall-falsifikazzjoni tal-flus jew dokumenti fiduċjarji pubbliċi

    2000 00

    kategorija miftuħa

    Falsifikazzjoni ta’ dokumenti

    2001 00

    Falsifikazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi minn individwu privat

    2002 00

    Falsifikazzjoni ta’ dokument minn impjegat fis-servizz pubbliku jew awtorità pubblika

    2003 00

    Il-provvista jew l-akkwist ta’ dokument pubbliku jew amministrattiv falsifikat; il-provvista jew l-akkwist ta’ dokument falsifikat minn impjegat tas-servizz pubbliku jew awtorità pubblika

    2004 00

    L-użu ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi ffalsifikati

    2005 00

    Il-pussess ta’ apparat għall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi

    2006 00

    Falsifikazzjoni ta’ dokumenti privati minn individwu privat

    2100 00

    kategorija miftuħa

    Reati kontra regolamenti tat-traffiku

    2101 00

    Sewqan perikoluż

    2102 00

    Sewqan taħt l-influenza tal-alkoħol jew tad-drogi narkotiċi

    2103 00

    Sewqan mingħajr liċenzja jew waqt l-iskawalifika tal-liċenzja

    2104 00

    Nuqqas ta’ waqfien wara inċident fit-triq

    2105 00

    Evitar ta’ ispezzjoni fit-triq

    2106 00

    Reati relatati mat-trasport fit-toroq

    2200 00

    kategorija miftuħa

    Reati kontra l-liġi dwar ix-xogħol

    2201 00

    Impjieg illegali

    2202 00

    Reati relatati mar-remunerazzjoni inklużi l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali

    2203 00

    Reati relatati mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol

    2204 00

    Reati relatati mal-aċċess għall-attività professjonali jew mal-eżerċizju tagħha

    2205 00

    Reati relatati mal-ħinijiet tax-xogħol u l-ħin ta’ mistrieħ

    2300 00

    kategorija miftuħa

    Reati kontra dispożizzjonijiet dwar il-migrazzjoni

    2301 00

    Dħul jew residenza mhux awtorizzati fil-pajjiż

    2302 00

    Faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati

    2400 00

    kategorija miftuħa

    Reati kontra l-obbligi militari

    2500 00

    kategorija miftuħa

    Reati relatati mat-traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u ta’ promoturi ta’ tkabbir oħrajn

    2501 00

    L-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-forniment illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi ta’ tkabbir oħrajn

    2600 00

    kategorija miftuħa

    Reati relatati ma’ materjal nukleari jew sustanzi radjoattivi perikolużi oħrajn

    2601 00

    L-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-forniment jew l-akkwist illeċitu ta’ materjal nukleari jew radjuattiv

    2700 00

    kategorija miftuħa

    Reati oħrajn

    2701 00

    Reati volontarji oħrajn

    2702 00

    Reati volontarji oħrajn


    (1)  Jekk mhux speċifikat mod ieħor f’din il-kategorija, “traffikar” tfisser l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.

    (2)  Għall-finijiet ta’ din is-subkategorija, it-traffikar jinkludi l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.

    (3)  Għall-finijiet ta’ din is-subkategorija, it-traffikar jinkludi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.

    (4)  Pereżempju: ċirkostanzi partikolarment gravi.

    (5)  Pereżempju stupru bi krudeltà partikolari.

    (6)  Għall-finijiet ta’ din is-subkategorija, it-traffikar jinkludi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.


    ANNESS B

    Tabella komuni tal-kategoriji ta’ pieni u miżuri msemmija fl-Artikolu 4

    Kodiċi

    Kategoriji u subkategoriji ta’ pieni u miżuri

    1000

    kategorija miftuħa

    Deprivazzjoni tal-libertà

    1001

    Priġunerija

    1002

    Sentenza ta’ għomor il-ħabs

    2000

    kategorija miftuħa

    Restrizzjoni tal-libertà personali

    2001

    Projbizzjoni li jkunu frekwentati xi postijiet

    2002

    Restrizzjoni ta’ safar

    2003

    Projbizzjoni sabiex toqgħod f’xi postijiet

    2004

    Projbizzjoni ta’ dħul f’attivitajiet tal-massa

    2005

    Projbizzjoni ta’ kuntatt ma’ ċerti persuni bi kwalunkwe mezz

    2006

    Tqegħid taħt sorveljanza elettronika (1)

    2007

    Obbligu li tirrapporta f’ħinijiet speċifiċi lil awtorità speċifika

    2008

    Obbligu ta’ waqfa/residenza f’ċertu post

    2009

    Obbligu li tkun fil-post tar-residenza fil-ħin stabbilit

    2010

    Obbligu ta’ konformità mal-miżuri ta’ probation ordnati mill-qorti inkluż l-obbligu li jibqa’ taħt superviżjoni.

    3000

    kategorija miftuħa

    Projbizzjoni ta’ dritt jew kapaċità speċifika

    3001

    Skwalifika minn funzjoni

    3002

    Telf/sospensjoni tal-kapaċità ta’ persuna li tokkupa jew tinħatar f’kariga pubblika

    3003

    Telf/sospensjoni tad-dritt ta’ persuna li tivvota jew tiġi elett

    3004

    It-tnaqqis tal-kapaċità li persuna tagħmel kuntratt ma’ amministrazzjoni pubblika

    3005

    It-tnaqqis tal-eliġibbiltà għall-għoti ta’ sussidji pubbliċi

    3006

    Revoka tal-liċenzja tas-sewqan (2)

    3007

    Sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan

    3008

    Projbizzjoni li ssuq ċerti vetturi

    3009

    Telf/sospensjoni tal-awtorità tal-ġenituri

    3010

    Telf/sospensjoni tad-dritt li persuna tkun perit fi proċedimenti tal-qorti/xhud taħt ġurament/ġurat

    3011

    Telf/sospensjoni tad-dritt li persuna jkollha kustodja legali (3)

    3012

    Telf/sospensjoni tad-dritt ta’ onorifiċenza jew titolu

    3013

    Projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali, kummerċjali jew soċjali

    3014

    Projbizzjoni ta’ xogħol jew attività ma’ minorenni

    3015

    Impożizzjoni tal-obbligu li jingħalaq stabbiliment

    3016

    Projbizzjoni ta’ pussess jew ġarr ta’ armi

    3017

    Irtirar ta’ permess għal-liċenzja tal-kaċċa/tas-sajd

    3018

    Projbizzjoni tal-ħruġ ta’ ċekkijiet jew l-użu ta’ karti ta’ ħlas/ta’ kreditu

    3019

    Projbizzjoni taż-żamma ta’ annimali

    3020

    Projbizzjoni ta’ pussess jew użu ta’ ċerti oġġetti minbarra armi

    3021

    Projbizzjoni ta’ ċerti logħob/sports

    4000

    kategorija miftuħa

    Projbizzjoni jew tkeċċija minn territorju

    4001

    Projbizzjoni minn territorju nazzjonali

    4002

    Tkeċċija minn territorju nazzjonali

    5000

    kategorija miftuħa

    Obbligu personali

    5001

    Assuġġettar għal trattament mediku jew forom oħra ta’ terapija

    5002

    Assuġġettar għal programm soċjo-edukattiv

    5003

    Impożizzjoni tal-obbligu li persuna tkun taħt il-kura/kontroll tal-familja

    5004

    Miżuri edukattivi

    5005

    Probation soċjoġudizzjali

    5006

    Impożizzjoni tal-obbligu għat-taħriġ/xogħol

    5007

    Impożizzjoni tal-obbligu li persuna tipprovdi informazzjoni speċifika lill-awtoritajiet ġuridiċi

    5008

    Impożizzjoni tal-obbligu li tiġi pubblikata s-sentenza

    5009

    Impożizzjoni tal-obbligu li persuna tikkumpensa għall-preġudizzju kkawżat mir-reat

    6000

    kategorija miftuħa

    Piena fuq proprjetà privata

    6001

    Konfiska

    6002

    Demolizzjoni

    6003

    Restawr

    7000

    kategorija miftuħa

    Tqegħid f’istituzzjoni

    7001

    Tqegħid f’istituzzjoni psikjatrika

    7002

    Tqegħid f’istituzzjoni ta’ diżintossikazzjoni

    7003

    Tqegħid f’istituzzjoni edukattiva

    8000

    kategorija miftuħa

    Piena finanzjarja

    8001

    Multa

    8002

    Multa għal kull ġurnata (4)

    8003

    Multa għall-benefiċċju ta’ riċevent speċjali (5)

    9000

    kategorija miftuħa

    Piena ta’ xogħol

    9001

    Xogħol jew servizz komunitarju

    9002

    Servizz komunitarju jew xogħol akkumpanjat minn miżuri restrittivi oħrajn

    10000

    kategorija miftuħa

    Piena militari

    10001

    Telf ta’ grad militari (6)

    10002

    Tkeċċija minn servizz militari professjonali

    10003

    Priġunerija militari

    11000

    kategorija miftuħa

    Eżenzjoni/differiment ta’ sentenza/piena, twissija

    12000

    kategorija miftuħa

    Pieni u miżuri oħra


    Parametri (li għandhom jiġu speċifikati fejn applikabbli)

    ø

    Piena

    m

    Miżura

    a

    Piena/miżura sospiża

    b

    Piena/miżura sospiża parzjalment

    c

    Piena/miżura sospiża bi probation/superviżjoni

    d

    Piena/miżura sospiża parżjalment bi probation/superviżjoni

    e

    Konverżjoni tal-piena/miżura

    f

    Piena/miżura alternattiva imposta bħala piena prinċipali

    g

    Piena alternattiva/miżura imposta inizjalment f’każ li ma tiġix rispettata l-piena prinċipali

    h

    Revoka tal-piena/miżura sospiża

    i

    Formazzjoni sussegwenti ta’ piena ġenerali

    j

    Interruzzjoni tal-eżekuzzjoni/posponiment tal-piena/miżura (7)

    k

    Maħfra tal-piena

    l

    Maħfra tal-piena sospiża

    n

    Tmiem tal-piena

    o

    Grazzja

    p

    Amnestija

    q

    Liberazzjoni taħt kondizzjoni (liberazzjoni ta’ persuna qabel tmiem is-sentenza tagħha taħt ċerti ċirkostanzi)

    r

    Riabilitazzjoni (bit-tneħħija jew le tal-piena mir-rekords kriminali)

    s

    Piena jew miżura speċifika għall-minorenni

    t

    Deċiżjoni mhux kriminali (8)


    (1)  Tqegħid fiss jew mobbli.

    (2)  Tkun meħtieġa applikazzjoni mill-ġdid sabiex tinkiseb liċenzja ġdida tas-sewqan.

    (3)  Gwardjan legali għal persuna li tkun legalment inkompetenti jew għal persuna minorenni.

    (4)  Multa kkwotata f’unitajiet ta’ kuljum.

    (5)  Pereżempju: għal istituzzjoni, assoċjazzjoni, fondazzjoni jew vittma.

    (6)  Demozzjoni militari.

    (7)  Ma jwassalx għall-eżoneru tal-eżekuzzjoni tal-piena.

    (8)  Dan il-parametru ser jiġi indikat biss meta tali informazzjoni tiġi mogħtija fir-risposta għat-talba riċevuta mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata.


    Top